Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #10011 Sitting 223 2005-01-24 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Qorti ta' Għawdex — Computers u printers

Question

Peress li fil-qorti ta' Għawdex hemm nuqqas ta' computers u printers, tista' il-Ministru tara li dan in-nuqqas jiġi rimedjat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-computer u l-printers li ġew mitluba mill-qorti ta' Għawdex fis-17 ta' Diċembru 2004, ser jiġu stallati fi Frar ta' din is-sena.
Leg 10 PQ #10019 Sitting 223 2005-01-24 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Servizz ta' helicopter bejn Malta u Għawdex

Question

Tista' il-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim il-ġdid li ġie ffirmat dwar is-servizz tal-helicopter bejn Malta u Għawdex? Huwa minnu li l-fare se jkun ta' Lm50 bir-return u Lm30 one-way? Tista' il-Ministru tgħid jekk tikkonsidrax dan in-noll bħala wieħed esorbitanti mhux biss għat-turisti imma ħafna u ħafna aktar għal Maltin u l-Għawdxin li jkunu jridu jużaw dan is-servizz?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Naccerta lill-onor Interpellant li l-Gvern għamel dak kollu possibbli biex isib kumpanija serja u b’saħħitha biex tħaddem is-servizz tal-helicopter bejn Għawdex u Malta. Għalhekk huwa ta’ sodisfazzjoni ghalija u ghal kulmin ghandu l-gid ta’ Ghawdex ghal qalbu li l-Gvern laħaq ftehim ma’ kumpanija Spanjola, Helicopteros del Sureste, waħda mill-akbar kumpaniji fid-dinja li joperaw servizz ta’ passiġġieri bil-helicopters. Is-servizz li se tħaddem din il-kumpanija se jkun wieħed ta’ l-ogħla kwalita’ u jagħmel ġieħ lill-gżira Għawdxija li lkoll nemmnu li jixirqilha u li rriduha tkun destinazzjoni turistika distinta li tiġbed lejha turisti ta’ l-ogħla kategoriji. Is-servizz il-ġdid li se jibda jaħdem f’Marzu li ġej se jgħin lil Għawdex jilħaq dan il-għan. Se jkun jagħmel ta’ l-inqas 20 vjaġġ kuljum mill-aħħar ġimgħa ta’ Marzu sa l-aħħar ta’ Ottubru u 8 vjaġġi kuljum mill-bidu ta’ Novembru sa Marzu. Se jagħmel vjaġġi bil-lejl matul is-sena kollha. Is-servizz se jitħaddem b’helicopters Bell 412 li huma fost l-aħjar nett tal-helicopters li jintużaw għat-trasport pubbliku. Il-bażi tas-servizz se tkun f’Għawdex biex ikun iktar ta’ min jorbot fuqu għal min ikun irid jaqbad xi titjira għal barra minn Malta. Il-prezzijiet għal dan is-servizz ta’ kwalita’ se jkunu ta’: · Lm30 one way u Lm50 ritorn għall-passiġġieri regolari; · Lm16 one way u Lm26 għar-residenti kollha f’Malta u f’Għawdex huma ta’ liema nazzjonalita’ huma; · Lm16 one way u Lm26 ritorn għall-anzjani residenti barra minn Malta; u · Lm16 one way u Lm26 ritorn għall-istudenti huma ta’ liema nazzjonalita’ huma. Barra minn hekk il-kumpanija li se thaddem dan is-servizz se toffri prezzijiet specjali ghal dawk il-passiggieri li juzaw s-servizz ta’ spiss. Qed toffri ukoll pakketti specjali lil dawk l-operaturi fit-settur turistiku li jippromwovi s-servizz mal-klijenti taghom. Jiena nawgura li kull min għandu l-ġid ta’ Għawdex għal qalbu jagħmel il-parti tieghu biex dan is-servizz jirnexxi.
Leg 10 PQ #9784 Sitting 222 2005-01-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Tilwimiet Industrijali

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' tilwimiet industrijali li ġew reġistrati mal-ministeru tagħha matul din is-sena? Tista' tinformana bl-istess informazzjoni għas-sena l-oħra?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fis-snin 2003 u 2004 ma kienet rreġistrata l-ebda tilwima ndustrijali mal-Ministeru tiegħi.
Leg 10 PQ #9848 Sitting 217 2005-01-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xogħol fiċ-Ċittadella

Question

Peress li riċentement sar xi xogħol fil-bidu taċ-Ċittadella eżattament malli titla' it-taraġ u liema xogħol ikkonsista fi tħaffir ta' l-art li mbagħad reġgħet ġiet mgħottija, peress li jidher li x-xogħol ma sarx kif suppost u qed ikun ta' inkonvenjent għal dawk kollha li jżuru ċ-Ċittadella, tista' il-Ministru tara li dik il-parti in kwestjoni titwitta sewwa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-azzjoni neċessarja ttieħdet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Leg 10 PQ #9314 Sitting 202 2004-12-07 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Pagamenti

Question

Tista' il-Ministru tagħtini breakdown ta' kemm hi ċ-ċifra ta' flus globali f'pagamenti li l-Ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtha għandhom iħallsu fil-preżent? Kemm hi l-parti li trid titħallas mill-voti ta' l-estimi tas-sena d-dieħla minħabba li vot allokat għal din is-sena diġa' spiċċa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-ħlas ta’ pagamenti huwa proċess kontinwu fejn t-Teżor jipproċessa pagamenti mgħoddija lilu mid-diversi Ministeri u Dipartimenti u għaldaqstant biex wieħed ikollu stampa korretta ta’ l-ammonti pendenti irid isir il-proċess ta’ l-estimi supplimentari ta’ kull Ministeru u Dipartiment f’nofs Diċembru. Wara li tagħlaq is-sena ikun magħruf jekk u kemm kontijiet ma tħallsux sa l-aħħar ta’ Diċembru u li għaldaqstant ikunu ser jitħallsu fis-sena il-ġdida. Il-politika tal-Gvern hi li ma jiġux eċċeduti il-fondi provduti fl-estimi u qed isir kull sforz ma’ kull Dipartiment biex ma jitħallewx pagamenti pendenti ta’ xogħol magħmul jew servizzi mogħtija.
Leg 10 PQ #9113 Sitting 201 2004-12-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Safar

Question

Tista' il-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8654 u cioe' tista' tgħid kemm-il żjara barra mill-pajjiż għamlu l-uffiċjali tad-dipartimenti li jaqgħu taħtha matul l-ewwel disa' xhur tas-sena u fuq liema oqsma? Kemm hija l-ispiża involuta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8910.
Leg 10 PQ #9511 Sitting 200 2004-12-06 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali — Speech therapists

Question

Peress li fl-isptar ġenerali ta' Għawdex hemm nuqqas ta' speech therapists, tista' il-Ministru tara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-Speech Language Pathologists bħalissa qegħdin mexjin tajjeb max-xogħol tal-Outpatients kif ukoll max-xogħol li jsir ġewwa it-Training Adult Centre u anke dak ta’ l-Special School ġewwa Sannat. Għaldaqstant fil-preżent ma jinħassx in-nuqqas ta’ speech therapists.
Leg 10 PQ #9464 Sitting 198 2004-12-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għal Għawdex

Ghawdex — Nies Boarded-Out

Question

Tista' il-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 9334 u cioe tgħid kemm ġew Għawdxin boarded-out sena b'sena mill-1998 sal-lum?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella hawn taħt: 1998 1999 2000 2001 2002 2003 2004 21 20 6 26 46 41 21
Leg 10 PQ #8997 Sitting 196 2004-11-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Safar

Question

Tista' il-Ministru tinformani kemm kienet in-nefqa globali tas-safar matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2004 tal-ministeru u tad-dipartimenti, entitajiet, awtoritajiet, korporazzjonijiet, eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru tagħha? Tista' tinformani kemm hu kkalkulat li se titla' din l-ispiża sa l-aħħar tas-sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li n-nefqa globali tas-Safar fl-ewwel disa' xhur tas-sena 2004 kienet ta' Lm16,412.21 In-nefqa globali ta' safar tammonta ghal Lm17,504.21 s'issa.
Leg 10 PQ #9340 Sitting 196 2004-11-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Karozzi tal-Kiri

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm intnefqu flus fuq kiri ta' karozzi mill-impjegati fis-segretarjat privat tagħha bejn Jannar u Ottubru 2004? Min huma l-impjegati li huma intitolati għal karozza tal-kiri fl-istess segretarjat privat? Kemm hu n-numru ta' karozzi mikrija għall-membri tas-segretarjat privat tagħha? Minn fejn inkrew dawn il-karozzi u b'liema rata nkrew?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-Guidelines dwar l-ingaġġ ta’ mpjegati fis-Segretarjati tal-Ministri, liema Guidelines għandhom l-approvazzjoni tal-Kabinett, jipprovdu ukoll għal min f’dawn is-Segretarjati huwa ntitolati għall-użu ta’ karozza uffiċjali li, f’ċertu ċirkostanzi, tista ukoll tkun karozza tal-kiri. Dawn l-uffiċjali huma l-Kap tas-Segretarjat, is-Segretarju Privat tal-Ministru u l-Assistant Segretarju Privat tal-Ministru. Dawn jistgħu jagħżlu li jieħdu transport allowance minflok ma jiġu pprovduti b’karozza. Is-Segretarjati tal-Ministri huma wkoll intitolati għall-numru ta’ karozzi, li f’ċertu każijiet jistgħu jkunu mikrija, għall-użu ġenerali (mhux personali) tal-Messaġġiera fis-Segretarjat. Bħalissa mhemmx karozzi mikrija li qed jintużaw fis-Segretarjat tiegħi. Ma kien hemm l-ebda spiża ta’ kiri ta’ karozzi bejn Jannar u Ottubru 2004 fis-Segretarjat tiegħi.
Leg 10 PQ #9387 Sitting 195 2004-11-29 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — produzzjoni tal-laħam tal-majjal u ċanga

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kienet il-produzzjoni u l-qatla tal-majjal u ċanga fil-gżira ta' Għawdex matul din is-sena? Tista' il-Ministru tagħti l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar tlett snin separatament?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-produzzjoni tal-majjal u taċ-ċanga f’Għawdex matul din is-sena u għal dawn l-aħħar tlett snin sena b’sena kienet kif murija hawn taħt: Majjal Ċanga Rjus Piż Rjus Piz 2004 4456 357,422 kg 1045 260,408 kg 2003 6313 476,946 kg 984 240,294 kg 2002 6649 553,930 kg 1006 245,140 kg 2001 6203 515,440kg 1189 283,260kg
Leg 10 PQ #9388 Sitting 195 2004-11-29 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Fabbrika tal-MDP

Question

B'riferenza għall-investiment tal-gvern fl-MDP, tista' il-Ministru tinformani bl-iżviluppi li se jsiru fil-fabbrika ta' l-MDP f'Għawdex? Tikkonferma l-Ministru li l-impjiegi tal-ħaddiema Għawdxin fis-sezzjoni tal-MDP f'Għawdex mhux se jintilfu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #9390 Sitting 195 2004-11-29 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sajjjieda Għawdxin

Question

Tista' il-Ministru tinformani kemm kienet il-qabda ta' ħut mis-sajjieda Għawdxin matul dawn l-aħħar għaxar xhur?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-qabda tal-ħut mis-sajjieda Għawdxin li għaddiet mill-Pixkerija matul dawn l-aħħar għaxar xhur tammonta għal 146,285kg.
Leg 10 PQ #8960 Sitting 193 2004-11-23 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Impjegati

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm impjegati ma' kumpanniji/entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li għandhom iktar minn 61 sena? Min huma? Kemm hemm minnhom li qegħdin b'xi forma ta' kuntratt jew huma konsulenti? X'remunerazzjoni u/jew allowance għandhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija moghtija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #9251 Sitting 193 2004-11-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Taxxi

Question

Tista' il-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 8888 u cioe' tgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnha, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtha minn April 2003 sal-lum? Tista' wkoll tindika kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija mogħtija fil-lista annessa. Sezzjoni Taxxi ġodda Minn April 2003 sal-lum Tariffi ġodda Minn April 2003 sal-lum Kemm kien il-valur tal-miżata qabel April 2003 Kemm hu l-valur tal-miżata wara April 2003 Sports Complex Novembru 2003 Annual membership for pupils to use the sports complex facilities on Saturdays Lm 7 Lm 10 Culture Section Kiri ta’ armar Arbli tal-Ħadid Lm1.00 il-waħda Platforms Lm1.00 il-waħda Palk (13ft x 13ft) Lm20 Palk (20ft x 40ft) Lm50 Tined (Gazeebos) Lm25.00 il-waħda Exhibition Boards Lm5.00 il-waħda Taraġ tal-Kor Lm20 Twapet Ħomor Lm5.00 il-wieħed
Leg 10 PQ #8923 Sitting 191 2004-11-22 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Mobile phones

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hu l-ammont ta' flus li tħallsu fuq kontijiet ta' mobile phones bejn Jannar 2003 u Ottubru 2004 lill-impjegati fis-segretarjat privat tagħha? Min huma l-impjegati li huma ntitolati għal mobile phone fl-istess segretarjat? Xi grad huma? Kemm kienet l-ispiża għal kull mobile phone bejn Jannar 2003 u Ottubru 2004?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-użu ta' mobile telephones fir-Segretarjati Privati tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari huwa regolat minn Guidelines, approvati mill-Kabinett, dwar l-ingaġġ ta' mpjegati f'dawn is-Segetarjati. Dawn il-Guidelines jipprovdu li l-Kap tas-Segretarjat, is-Segretarju Privat, l-Assistent Segretarju Privat u l-Communications Co-ordinator huma ntitolati għall-użu tal-mobile telephone. F'ċerti każijiet jistgħu jkunu ntitolati wkoll impjegati fil-grad ta' Messaġġier kif ukoll xufiera tal-Ministru jew tas-Segretarju Parlamentari. L-ammont totali ta' flus li tħallsu fuq mobile telephones użati minn membri tas-Segretarjat tiegħi bejn Jannar 2003 u Ottubru 2004 kien ta' Lm2687.49. Ma naħsibx li huwa l-każ li tingħata ukoll informazzjoni dwar l-ispiża għal kull mobile telephone.
Leg 10 PQ #8910 Sitting 189 2004-11-17 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema msiefrin fuq xogħol

Question

Tista' il-Ministru tagħti lista tas-safar li sar minn impjegati tad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tagħha bejn Jannar 2004 sal-lum? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra u fejn siefru? Min kienu l-persuni li siefru? Xi grad għandhom (jew taħt liema skala ta' salarju jaqgħu) il-persuni li siefru? Min awtorizza kull safra? Min mar business class jew first class?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li tipprovdi informazzjoni dwar safar uffiċjali li sar minn impjegati tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi bejn Jannar 2004 sallum, id-destinazzjoni ta’ dan is-safar, kif ukoll l-ispiża fuq kull safra. F’dawk il-każijiet fejn il-kont tas-safra għadu ma ngħalaqx, naturalment l-informazzjoni dwar l-ispiża ma tistax tingħata. Ma naħsibx li hawa l-każ li noqgħod ngħati l-ismijiet individwali tal-persuni nvoluti f’dan is-safar. Fil-każ tas-Servizz Pubbliku, ir-regolamenti dwar is-safar uffiċjali, inkluż dwar minn għandu jawtorizza dan is-safar kif ukoll min għandu d-dritt li jsiefer Business Class jinsabu b’sezzjonijiet 8.5 – 8.11 tal-Public Service Management Code’.
Leg 10 PQ #8654 Sitting 188 2004-11-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Safar

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm-il żjara barra mill-pajjiż għamlu l-uffiċjali tad-dipartimenti li jaqgħu taħtha matul l-ewwel disa' xhur tas-sena u fuq liema oqsma? Kemm hija l-ispiża involuta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #8655 Sitting 188 2004-11-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Safar

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm-il żjara barra mill-pajjiż għamlet il-Ministru u l-uffiċjali tagħha matul l-ewwel disa' xhur tas-sena u x'oqsma kienu jispeċjalizzaw dawn iż-żjajjar? Kemm hija l-ispiża involuta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li tipprovdi informazzjoni dwar safar uffiċjali li sar minni u minn uffiċjali tas-Segretarjat Privat tiegħi matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, id-destinazzjoni ta' dan is-safar, kif ukoll l-ispiża fuq kull safra Ma naħsibx li huwa l-każ li noqgħod nagħti l-ismijiet individwali tal-persuni nvoluti f'dan is-safar.