Legislature:
Category:
Reset
Active:

OPM — Bordijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħtu? Minn min huma komposti u x'inhi l-onorarja u benefiċċji oħra ta' kull wieħed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Mater Dei — Għoti ta' kuntratt

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-aġġudikazzjoni u l-għoti tal-kuntratt tat-teknoloġija ta' l-IT f'Mater Dei biex jippermetti t-tmexxija minn jum għal jum ta' dan l-isptar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26019.

Mater Dei — Għoti ta' kuntratt

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25810 u jgħid f'liema stadju waslet l-aġġudikazzjoni u l-għoti tal-kuntratt tat-teknoloġija ta' l-IT f'Mater Dei biex jippermetti t-tmexxija minn jum għal jum ta' dan l-isptar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26019.

Suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu azzjoni biex dawk is-suldati li għalqu l-55 sena u li m'għamlux il-25 sena servizz jingħataw l-opportunita' li jkomplu s-servizz u mhux jiġi mitmum l-impjieg tagħhom minn ma' l-armata kif fil-fatt diġa' sar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26316.

Bank Ċentrali ta' Malta — Bdil ta' flus

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk fil-kapaċita' tiegħu bħala Ministru tal-Finanzi jistax jaċċetta u jibdel flus antiki ngħidu aħna tat-tielet serje u li għadda ż-żmien li jistgħu jissarfu għax għaddew l-għaxar snin minħabba li jidher li l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali dan ma jistax jagħmlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi meta karti tal-flus ma jibqgħux valuta legali skond is-subartikolu (4) ta’ l-artikolu 42 ta’ l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta’ Malta, u għalhekk ma jibqgħux jiġu nklużi fil-passiv kurrenti tal-Bank skond is-subartikolu (6) ta’ l-istess artikolu 42, ma jkunux jistgħu jiġu mifdija. Dan jidher li hu l-każ tal-karti tal-flus imsemmija fil-mistoqsija ta’ l-Onorevoli Interpellant u għaldaqstant skond il-liġi il-Ministru tal-Finanzi ma jistax jawtorizza l-bdil ta’ dawn il-karti.

Taxxa fuq trasferiment ta' proprjeta'

Question

Jaf il-Prim Ministru li t-taxxa fuq trasferiment ta' proprjeta ġejja minn wirt fuq nisa miżżewġin u li ma jaħdmux qed tkun indirizzata lill-irġiel tagħhom? Ma jidhirlux li din il-proċedura hija waħda diskriminatorja a bażi ta' sess? Ma jidhirlux li din il-proċedura m'hijiex konformi mal-prinċipju tal-liġi, fis-sens li proprjeta' li ġejja minn wirt hija meqjusa bħala parafernali u mhux parti mill-komunjoni ta' l-akkwisti u għaldaqstant, il-parti l-oħra fiż-żwieġ m'għandhiex għalfejn tkun involuta anke mil-lat ta' taxxa? X'se jsir min-naħa tad-dipartiment biex din il-proċedura tinbidel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Dħul ta' l-Ewro

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'inhi u/jew x'se tkun is-sistema għal dawk il-Maltin li għandhom flus imġemmgħin id-dar u li issa jridu jaqilbuhom għall-Ewro? B'liema mod se jkunu jistgħu jagħmlu dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta’ Diċembru 2007, kull ċittadin se jkun jista’ jieħu l-flus imġemmgħin id-dar għand wieħed mill-banek kummerċjali. Il-banek kummerċjali, skond id-dispożizzjonijiet indikati fit-tielet aġġornament tal-Master Plan maħruġ mill-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-Ewro, se jibdew isarfu minn din id-data mil-Lira Maltija għall-ewro mingħajr ma jimponu ebda charges addizzjonali. Madankollu, għal matul ix-xahar ta’ Diċembru, dan is-servizz se jkun jiddependi mid-disponsibilità ta’ flus kontanti ta’ l-ewro min-naħa tal-bank. Minn Jannar 2008 sa Marzu 2008, iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jsarfu għand il-bank kummerċjali tagħhom, mingħajr limiti, u mingħajr spejjeż il-karti u l-muniti fil-Lira Maltija. L-unika ħtieġa hi li jinfurmaw lill-bank tagħhom jumejn qabel jekk ikunu fi ħsiebhom isarrfu aktar minn Lm250. Madankollu, bank għandu d-dritt li jimponi limitu ta’ Lm250, meta min ikun qed iwettaq dik it-transazzjoni ma jkunx klijent ta’ dak il-bank. Wara dawn it-tliet xhur, kulħadd se jkollu ċans isarraf il-muniti u l-karti tal-Lira Maltija f’ewro fil-Bank Ċentrali għal sentejn u għaxar snin rispettivament. Naturalment, dawn il-flus jistgħu jiġu depożitati minn issa f’kontijiet denominati fil-Lira Maltija jew f’investimenti oħra li eventwalment se jiġu mibdula f’ewro mingħajr ebda spejjeż. Dawn it-transazzjonijiet dejjem ikunu suxxettibbli għall-liġijiet attwalment fis-seħħ dwar il-ħasil ta’ flus.

Mellieħa — Dar ta' l-anzjani

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25740 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim (kuntratt) li sar bejn il-gvern u l-privat (Care Malta) għall-bini tad-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tac-CD bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Forzi Armati — Membri li jgħalqu l-55 sena

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jafx jekk dawk il-membri tal-Forzi Armati li jagħlqu l-55 sena qed jintbagħtu jirreġistraw għax-xogħol ma' l-ETC u qed jintqal lilhom li mhux se jkun possibbli li jinstabilhom xogħol full time, iżda xogħol part-time? Ma jidhirlux li dawk li jifilħu jaħdmu u jixtiequ jaħdmu għandhom jingħataw xogħol full time? Ma jidhirlux li għal persuni ta' 55 sena qed ikun diffiċli li jinstab ix-xogħol għalihom? Ma jidhirlux li fiċ-ċirkostanzi dawn il-membri tal-Forzi Armati għandhom jingħatalhom xogħol fl-armata li jkun addattat għalihom skond iċ-ċirkostanzi u dan sabiex ma tintilifx l-esperjenza u s-snajja li dawn għandhom? Jista' jgħid kif fiċ-ċirkostanzi li dawn il-membri ma jinstabilhomx xogħol, se jkunu effettwati fir-rigward tal-pensjoni kontributorja tagħhom ma' l-għeluq taż-żmien biex jirtiraw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Forsi Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar sal-20 ta' Mejju, 2007 kemm ħarġu sejħiet għall-offerti mill-Armata? Kemm tefgħu l-offerti, x'kienet kull offerta u min kienu f'kull każ? Min rebaħ dawn l-offerti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

OPM — Direct orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat mill-ministeru u enti li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Għal liema xogħol/servizzi nħareġ kull wieħed minnhom? X'kien il-valur ta' kull wieħed u min ġie awarded dawn id-direct orders?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Karozzi environmental friendly

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi li ma jużawx diesel/petrol/lrp sabiex jaħdmu u li fl-istess ħin huma aktar environmental friendly fil-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar jew Marzu 2007? F'każ li fl-affermattiv, kemm kienet in-nefqa separatament u xahar b'xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul iż-żmien imsemmi fl-uffiċċju tiegħi ma nxtraw l-ebda karozzi kif indikati fil-Mistoqsija.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Safar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-ministeru, dipartimenti u entili jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament xahar b'xahar u min kienu l-uffiċjali separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Lukandi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom l-uffiċjali mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007, safra b'safra separatament u min kienu dawn l-uffiċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

EU funding

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25849 u jgħid x'persentaġġ ta' EU Funding utilizzat Malta s'issa minn dak li ġie allokat lilha? Kif jipparaguna ma' l-uptake tal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropea li ssieħbu magħna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25849.

Sptar Mater Dei — Computers

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-isptar Mater Dei dan l-aħħar xtraw għadd kbir ta' computer PCs? Jekk iva, kemm inxtraw? X'kien it-total tal-valur tagħhom? Mingħand min inxtraw? Inxtrawx b'direct orderu/jew inħarġitx xi tender għalihom? X'inhu l-iskop li ser ikunu qegħdin iservu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nikkonferma x-xiri ta’ dawn il-PC’s liema computer kienu parti mit- tender ta’ l-apparat mediku li kienet ġiet mogħtija lil Inso SpA.

Immigranti illegali

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25870 u jgħid kemm huwa l-ammont totali mill-armata li tħallas għall-immigranti illegali fl-aħħar 10 snin sena b'sena? Kemm qed jiswa lill-gvern kull immigrant fid-detention centres?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li n-nefqa kull sena li l-Forzi Armati ta’ Malta għamlu fuq l-immigranti rregolari tul dawn l-aħħar seba’ snin minn mindu bdew jinżammu fil-barracks ta’ l-Armata, kienet kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. In-nefqa fuq kull immigrant irregolari hija medja ta’ Lm13 kuljum. Din in-nefqa ġiet ikkalkulata fuq is-sena bażi 2006 li hija l-aktar sena riċenti li wieħed jista’ jikkalkula bħala sena sħiħa ta’ spejjeż mill-Forzi Armati fuq l-immigranti rregolari.

Income Tax fuq manteniment

Question

No question text.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-artikolu 12(1)(t) ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income jeżenta mit-taxxa kull assistenza finanzjarja, kif stabbilita mill-Qrati ta’ Malta jew kif miftiehem b’att pubbliku ta’ separazzjoni personali taħt l-awtorità tal-Qrati ta’ Malta, riċevuta minn xi individwu mingħand il-konjuġi relattiv mifrud jew mifruda għar-rigward tal-manteniment ta’ xi wild.