Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża f'ċifra ta' flus li tħallset f'kera għall-bini li nkera għall-uża tal-Ministeru u jew tad-Dipartiment, kumpaniji, korporazzjonijiet eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' dan il-Ministeru minn għand il-privat matul is-sena li għaddiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed nagħti hawn taħt l-informazzjoni mitluba għar-rigward ta` l-ammont ta` kera lill-privat li tħallset mill-Ministeru u mid-Dipartimenti u Entitajiet varji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Entita`
Ammont ta` Kera (Lm)
Ministeru
200
Dipartiment
56,948
Entitajiet varji
17,980
Jista' l-Ministru jgħid tistax ir-rodent section tieħu ħsieb infestazzjoni ta' ġrieden fi
i) Triq l-Ibjar il-Belt
ii) Triq Dun Ġorġ Preca kantuniera ma' Triq Mountbatten il-Blata l-Bajda l-Ħamrun fejn kien hemm il-WSSA fil-Binja tal-Isqof?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li matul din is-sena id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma rċieva l-ebda lment mit-toroq indikati fil-Mistoqsija. Fid-dawl ta' l-ilment imressaq mill-Onor. Interpellant inniffsu, fil-jiem li għaddew ħaddiema mis-Sezzjoni tal-Pest Control għamlu trattament intensiv ta' tqegħid ta' velenu f'dawn it-toroq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il gradwat fil-mediċina jew post graduate ingħata study leave without pay u għal kemm żmien sena b'sena mill-1998 żil hawn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta` gradwati/postgraduates fil-Mediċina li ngħataw study leave without pay mill-1998 'l hawn huwa kif ġej:
Sena
Numru
1998
10
1999
7
2000
9
2001
7
2002 (s'issa)
2
Dan l-istudy leave without pay jingħata għal sena fuq talba ta` gradwati/postgraduates. Dan jista` jiġġedded minn sena għall-oħra skond kriterji stabbiliti f'ċirkularijiet li jinħarġu minn żmien għal żmien. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi każ partikolari jagħmel id-domanda speċifika u nkun nista` nirrispondi b'aktar dettalji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm spiss isiru laqgħat fl-Isptar Boffa fejn it-tmexxija tal-isptar tiltaqa' mal-ħaddiema ħalli jkun jista' jsir review tal-progress f'kull settur?
Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli mill-proċeduri tal-health and safety fl-isptar Boffa?
Xi training kellu f'dan is-settur?
Dan it-training kien sponsorjat?
Minn min?
Kull meta dan il-health and safety officer jiddiskuti mal-ħaddiema l-proċeduri neċessarji?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fl-isptar Boffa teżisti sistema dettaljata tal-protezzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu fid-Dipartiment tar-Radjuterapija.
Bi ftehim man-National Protection Board tal-Ingilterra jsiru testijiet regolarment fuq il-ħaddiema f'dak li għandu x'jaqsam ma' "exposure" għal materjal radjuattiv.
l-Infection Control Unit tal-isptar San Luqa tikkollabora mal-ħaddiema tal-isptar Boffa biex fl-isptar jiġu mplimentati protokolli u "guidlines" għal protezzjoni tal-ħaddiema f'każijiet ta' mard infettiv kif ukoll il-metodi tal-immaniggjar tal-iskart kliniku.
Jista' l-Ministru jgħid min ta l-permess biex platform ghal sistema ta' enerġija mibnija minn R.A.W.E.S Co. Ltd, tinbena fuq is-sit tal-isptar tal-Qroqq?
Jista' l-Ministru jgħid xi ħlas sar lill-fondazzjoni għas-servizzi mediċi għall-ħruġ ta' dan il-permess?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi tat permess sabiex platform ta' 4 metri kwadri, għal sistema ta' enerġija naturali, tinbena fuq is-sit ta' l-isptar il-ġdid. Dan sar mingħajr ħlas wara li ġie assigurat li:
1. Ir-rappreżentanti tal-kumpanija R.A.W.E.S huma żewġ impjegati ta' Skanska Malta J.V.
2. Ix-xogħol fuq dan l-esperiment ma kienx ser itellef bl-ebda mod ix-xogħol ta' Skanska fuq is-sit ta' l-isptar il-ġdid.
3. Id-daqs limitat tal-platform bl-ebda mod ma kien se jxekkel ix-xogħol fuq il-proġett ta' l-isptar il-ġdid.
4. Dan kien esperiment ta' riċerka xjentifika aktar milli xi attivita' kummerċjali, tant li ż-żewġ impjegati ta' Skanska Malta J.V. iffinanzjaw il-proġett minn buthom u minn xi sponsors li huma rnexxielhom isibu.
Il-Fondazzjoni, minghajr ebda spejjeż, tat il-kontribut żgħir tagħha lejn riċerka xjentifika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li tħallset lill-kumpaniji privati lill-Ministeru u jew id-Dipartimenti, kumpaniji eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-servizz taż-żamma tal-pjanti jew xtieli matul is-sena li għaddiet?
Kemm għat-tindif?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali għal dak li għandu x'jaqsam ma` Dipartimenti tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippublika aktar tard fis-sena u, għar-rigward ta` Korporazzjonijiet u Awtoritajiet, fir-rapporti annwali partikulari tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet mifruxa l-infezzjoni li ħadu diversi pazjenti tal-Isptar San Luqa minħabba il-virus li seta kien hemm f'xi apparat tal-għajnejn ġewwa l-istess sptar? Kemm il-każ ġie identifikat? Din il-problema issa ġiet mitigata?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-istatistika mitluba ma tinżamx.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mietu persuni is-sena l-oħra għaliex kienu ipejpu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta` każijiet ta` mwiet fiż-żewġ sessi irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta` l-Imwiet fis-sena 2001 u li huma meqjusa bħala li kienu ikkaġunati minħabba t-tipjip huwa ta` 355. Din iċ-ċifra nħadmet fuq sistema ta` kejl rakkomandata mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-għadd ta' tobba, nurses u paramediċi barranin li qegħdi jaħdmu fis-servizz tal-Gvern Malti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta` tobba, nurses u paramediċi barranin li qegħdin jaħdmu mad-Diviżjoni tas-Saħħa huwa tmienja u ħamsin (58), erbgħa u erbgħin (44) u sebgħa (7) rispettivament.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jistieden xi riċerkatur biex jistudja l-effetti tar-radjazzjoni mill-antennae tal-mobile phones, bħal Dr G Hyland, li qed ikun mistieden minn diversi pajjiżi biex jagħti l-pariri tiegħu fuq is-suġġett, biex f'Malta wkoll jiltaqa' ma' esperti lokali?
Jista' l-Ministru jgħid wasalx iż-żmien li l-awtoritajiet tas-saħħa bħalma qed jiġri f'xi pajjiżi bħall-Awstralja jieħdu d-deċiżjoni li l-antennea tal-mobile phones ma jiġux installati f'distanza inqas minn 300 metru mill-eqreb abitazzjoni?
Għaliex l-awtoritajiet tas-saħħa ma ħassewx il-bżonn li jippubblikaw fuljetti dwar il-periklu tat-telefon ċellulari u l-antennae msemmija bħalma sar fl-Ingilterra?
Kemm saru talbiet minn abitanti (a) Maltin u (b) Għawdxin biex l-Awtoritajiet tas-Saħħa jeżaminaw antennae qrib djarhom u li s'issa għadhom ma sarux it-testijiet mitluba?
Meta se jsiru t-testijiet mitluba?
Xi speċjalizzazzjoni medika għandna disponibbli f'pajjiżna dwar il-kura li għandha tingħata mill-effetti tar-radjazzjoni elettromanjetika minn apparat bħall-microwaves, mobile phone antennae eċċ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32044. Madankollu, ninsab infurmat li l-fattur l-aktar importanti huwa kif dawn l-antennae jiġu mħaddma. Il-livelli ta` radjazzjoni minn dawn l-antennae għandu jkun fil-livelli rakkomandati sa issa.
Dwar pubblikazzjoni ta` fuljetti, s'issa d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma ħassx il-ħtieġa ta` dan.
Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika rċieva erba` (4) talbiet sabiex jiġu mkejla l-livell ta` radjazzjoni minn antennae qrib djarhom - tlieta (3) f'Malta u wieħed (1) f'Għawdex. S'issa, dawn għadhom ma ġewx infurmati b'riżultati minħabba li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika għadu jistenna r-rapport mid-Dipartiment tal-Wireless Telegraphy.
Għar-rigward tar-raba` parti tal-Mistoqsija, m'hinix f'pożizzjoni li nagħti tweġiba, peress li dawn it-testijiet isiru minn Dipartiment ieħor.
L-apparat imsemmi fl-aħħar parti tal-Mistoqsija huwa intiż li jopera fil-limiti ta` radjazzjoni rakkommandati w dawn il-limiti huma ntiżi biex jipproteġu lill-pubbliku b'tali mod li ma jikkawżaw l-ebda ħsara medika.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija palrmanetari nru. 31917?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' Nursing Officers ġodda li nħatru matul din is-sena huwa ħmistax (15). Kien hemm mija u wieħed u għoxrin (121) applikazzjoni.
Dettalji tan-Nursing Officers li nħatru u kemm ilhom fis-servizz jinsabu fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-għażla mill-Bord maħtur mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u għaldastant m'inix f'qagħda li nagħti tweġiba għalihom.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-individwu li tagħrif dwaru qed jintbagħat under separate cover li 9 xhur ilu kienu ħadulu l-qies tal-splints fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex, sal-illu għadu mingħajr dawn l-isplints u għadu jimxi bl-isplints li sarulu f'Lulju 1998?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Intepellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex persuni b'amputazzjoni ta' riġel ma' ġewx avżati sabiex ma jattendux l-outpatients nhar it-Tnejn 4 ta' Marzu 2002 peress li l-lifts kollha ma kienux qed jiffunżjonaw?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-lifts ta` l-Outpatients fl-4 ta` Marzu li għadda ġarrbu ħsarat u kienu weqfin għal ftit hin. Din il-ħsara ġiet irranġata minnufih.
Fid-dawl tar-riċerka ta' Dr G Hyland fuq l-efett tal-antennae tal-mobile phones li saħansitra għamel rapport lill-Parlament Ewropew fejn jgħid li s-safety guidelines eżistenti m'humiex adekwati għax ma jipproteġux kontra l-effetti non-thermal u jirrakomanda li għandhom jiġu ssikkati drastikament (minn 41 v/m għal 0.19 v/m); u fid-dawl ta' rakkomandazzjoni li saret f'konferenza internazzjonali li saret f'Salzburg fis-7/06/2000 li l-livelli għandhom jinżlu għal 0.6 v/m, il-Ministru jikkunsidra li s-safety guidelines lokali e'eistenti jiġu ssikkati drastikament (mill-inqas b'70 darba) minħabba l-ħsara lis-saħħa tal-bniedem?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika qiegħed kontinwament jissorvelja xi jkun qiegħed jiġi diskuss fl-isfera xjentifika internazzjonali fuq dan is-suġġett. Madanakollu, d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika dejjem japplika dawk ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu uffiċjalment mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u mhux opinjonijiet personali ta` xjenzati individwali, sakemm dawn l-opinjonijiet ma jiġux riprodotti f'rakkommandazzjonijiet uffiċjali ta` l-istess Organizzazzjoni.