Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #4321 Sitting 104 2004-02-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Voting sessions

Question

Huwa minnu li waqt ċerti voting sessions fil-GM Malta ipprovat tagħmel lobbying biex ikun hemm astensjonijiet dwar issues jaħarqu dwar il-kwestjoni Palestinjana iżda fejn fl-aħħar pajjiżna kellu jċedi l-pożizzjoni tiegħu minħabba s-sħubija prospettiva tagħna fl-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, JOE)

Bħala pajjiż li se jsir membru ta' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004, Malta ħadet sehem sħiħ fid-diskussjonijiet kolllha li kellhom l-istati membri ta' l-Unjoni Ewropea matul l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda. Fuq kwistjonijiet li kellhom x'jaqsmu mal-Palestina, Malta dejjem imxiet skond il-politika tagħha t'appoġġ għall-aspirazzjoni tal-poplu Palestinjan fi sfond ta' soluzzjoni ibbażata fuq l-eżistenza ta' żewġ stati indipendenti. Id-diskussjonijiet li saru fi ħdan l-Unjoni fuq dawn l-aspetti kienu kollha mmirati biex jintlaħaq dan il-għan, u l-pożizzjonijiet finali li ttieħdu fuq ir-riżoluzzjonijiet adottati jirriflettu dan.
Leg 10 PQ #4322 Sitting 104 2004-02-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Associate membership status mal-OECD

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex ħsieb li tikseb associate membership status mal-OECD? Jekk le, fuq liema livell beħsiebna niżviluppaw ir-relazzjonijiet futuri tagħna ma' din l-organizzazzjoni?

Response (BORG, JOE)

Inbeda proċess ta' konsultazzjonijiet mal-OECD kif ukoll ma' xi pajjiżi membri ta' l-OECD dwar il-possibilita' li Malta tissieħeb ma' din l-organiżżazzjoni fuq bażi ta' associate membership status. Pero' għadu prematur biex wieħed jindika ir-riżultat eventwali ta' dan il-proċess.
Leg 10 PQ #4344 Sitting 104 2004-02-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Mobile phones

Question

Kif jispjega l-fatt il-Ministru li skond mistoqsija parlamentari 4273 dwar mobile phones, l-ambaxxatur Malti f'Parigi nefaq aktar mill-ambaxxatur għall-Unjoni Ewropea li għandu work load ferm aktar sostanzjali?

Response (BORG, JOE)

Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, kull Ambaxxata tiffunzjona f'ċirkostanzi differenti waħda minn oħra, fl-isfond tas-sitwazzjoni fil-pajjiż konċernat, kemm għal dak li hu interkambju mal-pajjiż innifsu kif ukoll meta wieħed jieħu in konsiderazzjoni ir-riżorsi umani u materjali ta' l-Ambaxxata. Għalhekk wieħed ma jistax b'mod sempliċistiku jikkompara l-infieq ta' Ambaxxata ma' oħra fuq bażi ta' kriterju wieħed. Per eżempju, minbarra li hi akkreditata għall-Franza, l-Ambaxxata f'Pariġi hi akkreditata ukoll għall-Portugal u għall-Andorra. Apparti dan, it-tariffi telefoniċi jvarjaw bejn pajjiż u ieħor. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li kull Ambaxxata tagħmel ħilitha sabiex tnaqqas l-ispejjeż tagħha, u sabiex taħdem fil-limiti ta' l-allokazzjoni finanzjarja annwali tagħha. F'dan l-isfond, ta' min niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant li fl-2003 l-Ambaxxata ta' Malta f'Pariġi irnexxielha tagħmel 'savings' ta' LM880 fil-vot tagħha allokat għall-utilitajiet (jiġifieri telefonati, dawl u ilma).
Leg 10 PQ #4405 Sitting 104 2004-02-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Kunsill ta' l-Ewropa — Rapport dwar Malta tal-commissioner for human rights

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li qabel ma ġie ffinalizzat ir-rapport dwar Malta tal-commissioner for human rights tal-kunsill ta' l-Ewropa saru kuntatti ma' l-awtoritajiet Maltin dwar l-abbozz tar-rapport qabel tħejja r-rapport finali? Jikkonferma li qabel ġie ffinalizzat ir-rapport saret laqgħa ta' l-ambaxxatur ta' Malta għall-kunsill ta' l-Ewropa mal-kummissarju konċernat?

Response (BORG, JOE)

Nikkonferma li qabel ma ġie ffinaliżżat ir-rapport dwar Malta mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta' l-Ewropa saru kuntatti ma' l-awtoritajiet Maltin tramite l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin. Dan il-proċess huwa skond pratika addotata mill-Kunsill ta' l-Ewropa. Nikkonferma ukoll illi saret laqgħa bejn l-Ambaxxatur ta' Malta għall-Kunsill ta' l-Ewropa u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem qabel ma ġie ffinaliżżat ir-rapport, sabiex jkun hemm il-possibilta li jiġu irrangati xi ineżattezzi fattwali li jist jkollu r-rapport. Dan huwa peress li jsir dejjem fil-preparament ta' kull rapport u mhux biss fir-rigward ta' Malta.
Leg 10 PQ #4172 Sitting 103 2004-02-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Protokolli bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Libjan

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk il-protokolli bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Libjan li mistennija jiġġeddu matul din is-sena? Jista' jinforma lill-Kamra bil-protkolli/arranġamenti speċjali li fil-mument pajjiżna għandu mal-Gvern Libjan u jgħid x'se tkun il-pożizzjoni ta' dawn l-arranġamenti mill-1 ta' Mejju, 2004 'il quddiem?

Response (BORG, JOE)

Fost il-Protokolli u l-Arranġamenti eżistenti bejn Malta u l-Libja li huma rinovabbli perjodikament, hemm l-Arranġament dwar il-provvediment ta' ammonti ta' żejt u prodotti taż-żejt mil-Libja lill-Enemalta u l-Arranġamenti Bankarji bejn il-Banek Ċentrali ta' Malta u tal-Libja illi permezz tagħhom il-pagamenti ta' ċerti prodotti u servizzi esportati lejn il-Libja jitpaċew kontabilment ma' l-importazzjoni taż-żejt mill-Libja. Bis-sitwazzjoni favorevoli fis-swieq internazzjonali taż-żejt, mhux vantaġġjuż għal Malta li timporta ammonti ta' żejt taħt il-provvediment imsemmi, u għalhemm dan l-Arranġament ma ġiex rinnovat għal din is-sena kurrenti. Protokoll ieħor li preżentement huwa in vigore u li ser jiġi affettwat mill-1 ta' Mejju tal-2004 huwa l-Protokoll bilaterali dwar id-dħul u l-ħruġ ta' ċittadini mill-pajjiż rispettiv li kien iffirmat fl-1987 u li kien jiffaċilita l-proċeduri ta' safar permezz ta' l-użu ta' dokument ta' identita' minflok passaport. Kif diġa spjegajt f'risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3323 mogħtija fis-seduta numru 74 tad-9 ta' Diċembru, 2003, għalkemm dan il-Protokoll jinħtieġ li jiġi abrogat taħt ir-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea, bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bilaterali mal-Libja sabiex tkun introdotta sistema reċiproka effiċjenti ta' ħruġ ta' visa fuq il-passaport.
Leg 10 PQ #4315 Sitting 103 2004-02-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

International relations division — Lease agreement

Question

Huwa minnu li l-ambaxxata tagħna f'The Hague għadha kif ġiet mgħarrfa mis-CEO tal-Malta tourism authority li dawn mhumiex beħsiebhom iġeddu l-lease agreement għall-international relations division tagħhom li skada fi tmiem is-sena li għaddiet?

Response (BORG, JOE)

Nikkonferma illi s-CEO tal-Malta Tourism Authority (MTA) informa lill-Ambaxxata tagħna f'The Hague li l-istess MTA ma kenitx se ġġedded l-arranġament li kien sar għall-perijodu ta' sena b'effett mill-1 ta' Jannar 2003, li tagħmel użu minn kamra fl-Ambaxxata, wara l-iskadenza ta' din is-sena u cioe' wara il-31 ta' Diċembru 2003.
Leg 10 PQ #4316 Sitting 103 2004-02-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Protokoll Taljan

Question

Huwa minnu li minħabba ż-żmien limitat tal-protokoll Taljan il-Gvern Malti qed ibassar li jista' ikun hemm diffikultajiet fl-implimentazzjoni u fl-esekuzzjoni tat-13-il proġett koperti mill-ftehim? X'qed isir biex dawn il-proġetti jieħdu l-benefiċċju massimu tal-ftehim milħuq ma' l-awtoritajiet Taljani?

Response (BORG, JOE)

Wara d-dħul tiegħu fis-seħħ aktar kmieni ix-xahar li għadda, il-Ħames Protokoll Finanzjarju issa daħal fil-fażi ta' implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-istess Protokoll. Peress li l-ammont ta' fondi huwa konsiderevoli, Malta qed tagħmel dak kollu neċessarju ħalli dawn il-fondi jiġu assorbiti fit-terminu taż-żmien illi fih il-Protokoll ikun qed jiddekorri sabiex jittieħed il-benefiċċju massimu mill-ftehim milħuq ma' l-awtoritajiet Taljani.
Leg 10 PQ #4317 Sitting 103 2004-02-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea — Ċelebrazzjonijiet

Question

Huwa minnu li uffiċjali ta' l-ambaxxata Maltija f'Ruma taw briefing lill-ambaxxati tal-Unjoni Ewropea akkreditati lil Malta u li huma bbażati f'Ruma dwar iċ-ċelebrazzjonijiet li Malta beħsiebha torganizza in konnessjoni mas-sħubija prospettiva ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea b'seħħ minn Mejju li ġej?

Response (BORG, JOE)

Nikkonferma li sar briefing lill-Cultural Attaches fl-ambaxxati tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea u ta' dawk li ser jissieħbu fl-1 ta' Mejju 2004, li huma akkreditati għal Malta minn Ruma, li fih ġie spjegat l-invit maħruġ minn Malta għall- parteċipazzjoni da parti ta' pajjiżhom fiċ-ċelebrazzjonijiet Maltin in konnessjoni mas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.
Leg 10 PQ #4318 Sitting 103 2004-02-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Voting sessions tal-Ġnus Magħquda — Appoġġ għan-naħa Iżraeljana

Question

Huwa minnu li n-naħa Iżraelita għamlet lobbying mal-Gvern Malti biex ikun hemm aktar appoġġ għall-Iżrael fil-voting sessions tal-Ġnus Magħquda?

Response (BORG, JOE)

Il-Gvern Iżraeljan, bħal kull pajjiż membru ieħor tal-Ġnus Magħquda, jagħmel lobbying biex iwassal il-pożizzjoni tiegħu fuq dawk l-issues li jikkonċernawh l-aktar mill-viċin. Waqt li l-Gvern Malti dejjem jieħu in konsiderazzjoni l-lobbying kollu li jsir f'dan ir-rigward, il-pożizzjonijiet finali li jieħu fil-voting sessions fuq il-kwistjoni Palestinjana jibqgħu bbażati fuq il-politika tiegħu ta' appoġġ għad-drittijiet tal-poplu Palestinjan fl-isfond ta' soluzzjoni ibbażata fuq l-eżistenza ta' żewġ Stati indipendenti - Iżrael u l-Palestina - li jgħixu flimkien fis-sliem u s-sigurta. Dan ġara wkoll matul is-sessjoni li għaddiet ta' l-Assemblea Ġenerali.
Leg 10 PQ #4319 Sitting 103 2004-02-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Emendi Amerikani għall-internal revenue code

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk mill-istħarriġ li għamlet l-ambaxxata Maltija f'Washington irriżultax jew le li l-emendi riċenti Amerikani għall-Internal revenue code jistgħux ikollhom konsegwenzi negattivi fuq l-industrija marittima Maltija?

Response (BORG, JOE)

Ninsab infurmat li s'issa l-pożizzjoni ta' Malta għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-emendi msemmija hija l-istess bħal dik ta' pajjiżi oħra li għandhom reġistru marittimu bħal tagħna (Ċipru, Panama, Liberia, Marshall Islands, Bahamas etc.) u li bħalna għandhom sehem kbir f'dan il-qasam marittimu. Nixtieq nżid li s-sitwazzjoni qed tiġu studjata kemm mill-awtoritajiet Amerikani kif ukoll mill-Awtorita' Marittima Maltija. Nirreferi wkoll lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 2672.
Leg 10 PQ #4320 Sitting 103 2004-02-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Chemical weapons convention — Workshop/seminar tal-OPCW

Question

Huwa minnu li fil-ġejjieni qarib Malta se tospita workshop/seminar tal-OPCW dwar l-universatilita' tal-Chemical weapons convention? Jekk iva, min se jħallas għal din il-konferenza?

Response (BORG, JOE)

Nikkonferma illi fil-ġejjieni qarib, Malta se tospita Workshop tal-OPCW dwar l-universatilita' tal-Chemical Weapons Convention, wara proposta li saret mis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW sabiex dan il-Workshop isir f'Malta. Għal dan il-Workshop se jattendu bejn 30 u 35 rappreżentant minn pajjiżi tal-Mediterran, l-Asja, l-Afrika flimkien ma' uffiċċjali tal-OPCW. Il-Gvern Malti se joħroġ parti żgħira mill-ispejjeż ta' dan il-Workshop. L-OPCW se tkopri l-ispejjeż kollha għall-akkomodazzjoni, ikel u allowances tal-parteċipanti, għal servizzi ta' interpretazzjoni waqt il-Workshop u għal riċeviment u xi servizzi oħra konnessi mal-Workshop.
Leg 10 PQ #4341 Sitting 103 2004-02-17 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Malta Football Association — Negozjati ma l-Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani jekk il-Malta Football Association ġietx involuta fit-trattativi waqt in-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea? Jekk fl-affermattiv din l-istess assoċjazzjoni marritx Brussels, u tat l-input tagħha fil-kwistjoni ta' free movement ta' players tal-football?

Response (BORG, JOE)

Il-forum li permezz tiegħu il-Gvern involva l-għaqdiet rappreżentattivi fit-trattativi waqt in-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea kien il-Malta EU Steering and Action Committee. Il-Malta Football Association qatt ma talbet li tifforma parti minn dan il-Kumitat li fih ġew diskussi il-pożizzjonijiet li ttieħdu mill-Gvern Malti fin-negozjati għas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, u għal daqstant l-MFA qatt ma saret membru ta' dan il-kumitat.
Leg 10 PQ #4309 Sitting 102 2004-02-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Website

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra min hi l-kumpannija li qed tieħu ħsieb il-website tal-ministeru? Min huma d-diretturi ta' din il-kumpannija? Kemm qed titħallas tas-servizzi li qed tagħti? Hemm xi flus pendenti u dovuti lil din il-kumpannija? Ma' din il-kumpannija hemm impjegati ulied xi uffiċjal għoli fil-ministeru?

Response (BORG, JOE)

L-Informatics Atelier ta' 24, Vjal l-Indipendenza, l-Mosta hija l-kumpanija li qed tieħu ħsieb il-website għall-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u dan skond letter of understanding li ġġib id-data tat-13 ta' Mejju, 2002. Id-Diretturi ta' din il-kumpanija huma s-Sur Christopher Borg u s-Sur Dalibor Milenkovic li minn naħa tiegħu kien ilu jipprovdi is-servizzi tiegħu f'dan ir-rigward lill-Ministeru mill-1995. Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin iħallas rata ta' LM5.75 (15% VAT inkluża) fis-siegħa għas-servizz ta' din il-kumpanija. L-unika kont li hemm pendenti huwa dak li jkopri Novembru u Diċembru 2003 ta' LM920.00 peress li wasal il-Ministeru fit-28 ta' Jannar 2004. L-impjegati ta' din il-kumpanija huma l-istess Diretturi. Nikkonferma li s-Sur Christopher Borg huwa qarib ta' uffiċċjal li jaħdem fil-Ministeru.
Leg 10 PQ #4310 Sitting 102 2004-02-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Uffiċjal posted f'Parigi

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li kien hemm uffiċjal posted f'Parigi li kien se jintbagħat Brussels bħala uffiċjal tekniku fuq affarijiet veterinarji u għal xi raġuni jew oħra l-posting tiegħu għall-Brussels tħassar u l-istess uffiċjal ingħata posting fl-Ambaxxata Maltija f'Tuneż mingħajr biss ma nħarġet posting order?

Response (BORG, JOE)

Il-ħruġ ta' Posting Order biex tkopri l-postings ta' uffiċċjali fl-ambaxxati Maltin barra minn Malta hija proċedura amministrattiva, li mhux neċessarjament issir bil-quddiem, jiġifieri, qabel ma l-uffiċċjali konċernati jibdew jieħdu posthom fl-ambaxxati fejn ikunu ntbagħtu. Il-Posting Order relattiva għall-uffiċċjal imsemmi fil-fatt ħarġet il-Ġimgħa 6 ta' Frar 2004.
Leg 10 PQ #4311 Sitting 102 2004-02-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

North South Economic Forum

Question

Jikkonferma l-Muinistru li qed isiru sforzi biex in-North South Economic Forum li se jsir f'Vilnius f'Marzu ta' din is-sena jsir f'Malta f'Settembru tas-sena d-dieħla?

Response (BORG, JOE)

Jiena nfurmat li m'huma isiru l-ebda sforzi mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin sabiex in-North South Economic Forum isir f'Malta.
Leg 10 PQ #4312 Sitting 102 2004-02-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxata Maltija f'Budapest

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-Gvern Ungeriż għadu kif informa lill-Gvern Malti li ma hemmx ċans li jirreċiproka l-ftuħ ta' ambaxxata Maltija f'Budapest mill-inqas qabel is-sena d-dieħla?

Response (BORG, JOE)

Il-Gvern Ungeriż, filwaqt li kien esprima sodisfazzjon għad-deċiżjoni ta' Malta li tinfetaħ Ambaxxata Maltija ġewwa Budapest, sostna li dan il-ġest jiġi reċiprokat minn naħa Ungeriża ma' l-ewwel opportunita' possibbli.
Leg 10 PQ #4313 Sitting 102 2004-02-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Taħditiet ma' awtoritajiet Eġizzjani dwar extradition agreement

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta mistennija jsiru taħditiet ma' l-awtoritajiet Eġizzjani dwar extradition agreement ma dan il-pajjiż?

Response (BORG, JOE)

Malta u l-Eġittu mistennija ikomplu bit-taħdidiet dwar il-proposta ta' Ftehim ta' Estradizzjoni aktar tard dan ix-xahar.
Leg 10 PQ #4314 Sitting 102 2004-02-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxati Maltin — Visa section - nationals barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kienx hemm xi ambaxxati Maltin barra l-pajjiż fejn spiss irriżulta li nationals barranin li applikaw il-visa section ta' l-ambaxxata ippreżentaw għadd ta' employment documents mbagħbsa (forged)? Jekk iva, fejn irriżulta dan? Huwa minnu li ġieli kien hemm każi fejn individwi barranin applikaw għall-visa biex jidħlu Malta f'ċerta ambaxxata fejn ippreżentaw inviti minn kumpanniji Maltin biex iżuru pajjiżna għal taħditiet kummerċjali fejn wara li sar l-istħarriġ neċessarju rriżulta li ma kien jeżisti ebda rbit kummerċjali bejn iż-żewġ naħat?

Response (BORG, JOE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — Apparat mediku

Question

Jista' il-Ministru jispeċifika x'inhu t-tagħmir mediku u servizzi oħra li se jiġu stallati fl-isptar Mater Dei skond il-protokoll finanzjarju bejn il-gvern Malti u l-gvern Taljan?

Response (BORG, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministru tal-Affarijiet Barranin — Mobile Phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm mobile phones fid-Dikasteru tiegħu? Minn min qed jintużaw u kemm tħallsu f'kontijiet ta' dawn il-mobile phones matul is-sena 2003?

Response (BORG, JOE)

It-total ta' mobile phones propjeta' tal-Ministeru tiegħi huwa ta' 62. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' min qed juża dawn il-mobile phones. Matul is-sena 2003 tħallsu b'kollox LM 27,684.50 f'kontijiet.