Legislature:
Category:
Reset
Active:

Strateġija Nazzjonali tat-Trasport – konsultazzjoni pubblika

Question

Għal dak li jirrigwarda l-Istrateġija Nazzjonali tat-Trasport u l-konsultazzjoni pubblika li saret reċentement, jista’ l-Ministru jgħid kemm intlaqgħu sottomissjonijiet bħala parti mill-proċess tal-istess konsultazzjoni pubblika? X’tibdil mistenni jiġi effetwat fl-istrateġija/Master Plan b’rizultat ta’ dawn is-sottomissjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ sottomissjonijiet b’riżultat tal-konsultazzjoni pubblika kien wieħed konsiderevoli. L-Awtorita’ rċeviet madwar 500 kumment u suġġerimenti minn entitajiet tal-Gvern, korpi kostitwiti, operaturi tat-trasport, akkademja u l-pubbliku in ġenerali. Dawn is-sottomissjonijiet ġew analizzati u konsolidati f’dokument maħruġ wara l-konsultazzjoni pubblika. B’riżultat ta’ dan il-proċess, numru ta’ tibdil minuri u inklużjonijiet ġodda ġew effetwati fuq it-Transport Master Plan 2025, li issa għandha tiġi ppubblikata bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li jirrigwarda l-Strategic Environmental Assessment.

Caravann — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ ta' caravann?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħadet il-passi neċessarji biex tikkuntatja lil din il-persuna fuq dan il-każ.

Bypass ta’ San Pawl il-Baħar

Question

Peress li l-parti mill-bypass ta’ San Pawl il-Baħar, li suppost isservi ta' viewing point, qed tintuża għall-ħatt u t-tagħbija ta' merkanzija, jista' l-Ministru jassigura li dan ma jibqax iseħħ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċċjali tad-Dipartiment ta’ l-Infurzar ta’ Transport Malta se jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post biex jassiguraw li dan l-abbuż jieqaf.

Daħla ta’ Buġibba – arblu miksur u maqlub

Question

Billi għal diversi ġimgħat, wieħed mill-arbli tad-dawl li hemm fid-daħla ta’ Buġibba, fejn hemm it-traffic lights, jinsab miksur u maqlub mal-art, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan l-arblu jiġi rranġat, qabel iweġġa' xi ħadd?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-arblu ġie skonnettjat. Transport Malta qegħda fil-proċess li tordna t-tiswijiet.

Il-Qawra – Pont – perikolu taħt l-ilma

Question

Billi jidher li fil-ponta tal-Qawra, taħt wiċċ l-ilma hemm xi ħadid li hu ta’ periklu għal dawk li jkunu hemm, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan il-periklu jitneħħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet neċessarji sabiex jitneħħa dan il-periklu diġà saru mill-Ministeru kkonċernat.

Reserved parking — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward reserved parking ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-applikazzjoni għal reserved parking ma ġietx approvata mill-Bord f’Diċembru 2015 fuq il-bażi li ma kienx hemm persuna b’liċenzja tas-sewqan fir-residenza tal-applikant. Il-Bord reġa’ rreveda l-każ u fi Frar 2016 din it-talba reġgħet ma ġietx approvata.

San Ġwann – xogħol ta’ bini ta’ uffiċini għall-Kunsill Lokali, ġnien pubbliku u Klabb tal-Boċċi

Question

Jista’ l-Ministru jelenka fiex waslu l-preparamenti dwar xogħlijiet f’San Ġwann għal bini ta’ uffiċini għall-Kunsill Lokali, ġnien pubbliku u l-Klabb tal-Boċċi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproċessa l-applikazzjoni għall-permess.

Dipartiment tax-Xogħlijiet – xogħlijiet f’żoni turistiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi xogħlijiet mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet f’żoni turistiċi matul din l-aħħar sena. Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti rendikont ta’ dawn ix-xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tax-Xogħlijiet – xogħlijiet fuq znieter ta’ knejjes

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet li saru permezz tal-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet fuq znieter ta’ knejjes f’dawn l-aħħar sentejn? Fiex kienet tikkonsisti din il-ħidma u liema parroċċi bbenefikaw ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar sentejn saru xogħlijiet ta' tranġar u tisbiħ fuq erba' znieter. Ix-xogħlijiet saru kemm mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura kif ukoll bil-ħaddiema tal-kuntrattur wara li inħarġu sejħiet għall-offerti. Ix-xogħol sar fuq iz-znieter tal-Knisja ta' Santa Liberata (tal-Kapuċċini), Kalkara, dak tal-Knisja tal-Vitorja, l-Isla, ta' San Girgor, Tas-Sliema u ta’ Santa Marija, Gudja.

Dipartiment tax-Xogħlijiet — skemi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif tal-iskema li għandu d-Dipartiment tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru tiegħu, li permezz tagħha qed jibbenefikaw ħafna Kunsilli Lokali? Liema Kunsilli Lokali bbenifikaw jew ressqu t-talbiet tagħhom s’issa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema fi ħdan il-Ministeru hija kif ġej; Il-materjal li jintuża għax-xogħolijiet jipprovduh il-Kunsilli Lokali għall-ispejjeż tagħhom. L-ispiża tax-xogħol (labour cost) li trid tiġi imħallsa lill-Gvern tiġi kkalkulata kif ġej:- Għal stimi ta’ xogħlijiet li jkunu tlestew,fejn l-ammont tagħhom ikun sa € 812.95 fil-valur, irid jitħallas biss €232.94. Għal stimi ta’ xogħlijiet li jkunu tlestew li l-ammont tagħhom ikun aktar minn € 812.95 jithallas 30% biss tal-valur.

Widien — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-widien li tagħhom sar it-tindif matul din l-aħħar sena? Jista’ jgħid kemm ġie jiswa’ dan it-tindif?

Response (MIZZI, JOE)

Is-Sezzjoni għall-Immaniġġar tal-Widien fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura twettaq diversi nterventi fil-widien fosthom restawr u bini ta’ ħitan tas-sejjieħ, tneħħija u kontroll ta’ speċi nvażivi u li m’humiex indiġeni, tneħħija ta’ materjal u ħamrija li jinġemgħu fil-wied u wara skontri, u tħawwil ta’ pjanti u arbuxelli ndiġeni. Matul din is-sena ser ikunu twettqu dawn ix-xogħlijiet: · Qlugħ ta’ qasab minn Wied Qannotta, Burmarrad · Qlugħ ta’ pjanti nvażivi minn Wied San’Antnin, Marsaskala · Qlugħ ta’ pjanti nvażivi minn Wied Għajn Żejtuna, il-Mellieħa · Qlugħ ta’ pjanti nvażivi minn Wied iċ-Ċawsli, Ħal Qormi · Tneħħija ta’ materjal li akkumula f’Wied Liemu, Rabat · Tneħħija ta’ materjal li akkumula f’Wied Għomor, San Ġwann · Tneħħija ta’ materjal minn Wied ta’ Ġnien Ħira, l-Imdina · Tkomplija ta’ bini ta’ ħajt tas-sejjieħ f’Wied Ħarq Ħamiem, Pembroke · Tħawwil ta’ arbuxelli ndiġeni f’Wied Baqqiegħa, Żebbuġ L-ispiża tal-makkinarju u l-materjal meħtieġ biex isir dan ix-xogħol mistennija li tammonta għal €14,809. Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jibda x-xogħol ta’ restawr ta’ ħajt tas-sejjieħ u tħawwil ta’ arbuxelli ndiġeni f’Wied Għomor, San Ġwann u bini ta’ ħajt tas-sejjieħ f’Wied ir-Rum, Ħad-Dingli.

Talbiet ta’ servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jelenka t-talbiet ta’ servizzi differenti li rċieva din is-sena minn Ministeri u dipartimenti differenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interperpellant li d-Direttorati fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura joffru diversi servizzi lill-Ministeri u dipartimenti differenti bħal: · Servizzi ta’ Periti u Inġiniera (PDED) · Servizzi ta’ tindif (CSD) · Xogħol ta’ ħadid, injam u aluminium (MSD) · Xogħol ta’ manutenzjoni (PID)

Il-Fgura – Triq Hompesch – bus stop shelters

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 20805, jista’ l-Ministru jinforma lill-Karma jekk kemm-il darba kienx hemm xi żviluppi fuq iż-żewġ bus stop shelters li jinsabu fl-aħħar tat-Triq Hompesch, Fgura?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda fil-proċess li tippubblika Request for Proposals ġdid li jirrigwardja l-installazzjoni ta’ numru ta’ bus shelters ġodda f’diversi lokalitajiet. Infurmat ukoll li permezz ta’ din is-sejħa ser ikun possibbli jinbidlu iż-żewġ bus shelters li hemm fi Triq Hompesch fil-Fgura.

Bus stop shelters ġodda

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 20807, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm bus stop shelters ġew mibnija jew installati ġodda mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-lum?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena Transport Malta ħadet ħsieb it-tiswija ta’ bus shelters eżistenti. Infurmat ukoll li Transport Malta qegħda fi proċess li toħroġ Request For Proposals fir-rigward ta’ installazzjoni ta’ numru ta’ Bus Shelters ġodda f’diversi lokalitajiet ġewwa Malta u Għawdex. Din ir-rikjesta hija mistennija li tiġi ippubblikata fil-ġimgħat li ġejjin.

Bypass ta’ San Pawl il-Baħar — ħsejjes

Question

Billi b'mod kontinwu qed ikun hemm ilmenti minn residenti f'San Pawl il-Baħar minħabba l-istorbju li qed ikun hemm fil-bypass, liema storbju qed jikkawża bosta inkonvenjenzi lir-residenti, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jitqiegħdu sound barriers matul din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti iżjed dettalji dwar is-sors tal-allegat storbju kif ukoll il-partijiet eżatti tul il-bypass li qiegħed jirreferi għalihom.

Karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranija – ksur ta’ liġijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni dwar karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranija li jinqabdu jiksru l-liġijiet tat-traffiku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozzi bi pjanċi barranin li qed jinqabdu jiksru l-liġi qed jiġu miġbura waqt spezzjonijiet li qed tagħmel Transport Malta bl-għajnuna tal-Pulizija. Fl-aħħar xahrejn, Transport Malta għamlet diversi spezzjonijiet li fihom inġabru aktar minn 85 vettura.

Siġġiewi – Triq Mons. Mikiel Azzopardi – miżuri ta’ saħħa u sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar u x’baqa’ jsir wara kien hemm l-evalwazzjoni u l-istudji ta’ Transport Malta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu għal aktar saħħa u sigurtà fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi (il-bypass tas-Siġġiewi) biex jiġu evitati aktar aċċidenti fatali? F’hiex waslu miżuri bħal speed cameras u oħrajn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li speed cameras jiġu evalwati mil-LESA qabel ma jiġu sottomessi lil Transport Malta u sal-lum l-Awtorità ma rċeviet l-ebda talba f’dan ir-rigward. Transport Malta kienet ukoll infurmat lill-kunsill lokali bid-deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet li ttieħdu wara li l-kunsill lokali ppropona ċertu miżuri.

Karozzi bi pjanċa On Trial — restrizzjonijiet

Question

B’referenza għal dawk in-nies li jinnegozjaw fil-karozzi u jħallsu l-permess tal-pjanċa On Trial, jista’ l-Ministu jgħid jekk saritilhomx xi restrizzjonijiet fil-ħin ta’ użu? Din tista’ tintuża biss minn sbieħ sad-dlam? Dawn jistgħu jagħtu trial run anke għall-weekend biex iħajru iktar lill-klijent? Jekk dan hu minnu, jista’ jara li tiġi rranġata din is-sitwazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont id-Dispożizzjonijiet tar-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni u liċenzjar ta’ Vetturi bil-Mutur, Artikolu 35(8), jistipola li “Pjanci ‘Trial Run’ ma għandhomx jintużaw fil-Ħdud jew festi pubbliċi jekk mhux awtorizzati b’mod speċjali mill-Awtorità “ u għaldaqstant ma saru l-ebda restrizzjonijiet fil-ħin ta’ użu. L-użu tat-trial run huwa permessibli mit-Tnejn sas-Sibt u m’ hemmx limitazzjoni ta’ ħin. Fir-rigward ta’ Ħdud u Festi pubbliċi ma jsirx kummerċ ta’ dan it-tip u għalhekk l-użu tat trial run huwa ristrett f’dawn il-ġranet .

Il-Qawra — frekwenza ta' karozzi tat-trasport pubbliku

Question

Billi huma bosta r-residenti u wkoll barranin li jixtiequ jagħmlu użu mit-trasport pubbliku li qed jilmentaw minħabba ħin twil li qed ikollhom jistennew fuq l-istages, jista' l-Ministru jikkunsidra l-possibiltà li tiżdied il-frekwenza tal-karozzi li jitilqu mill-venda tal-Qawra, kemm fid-direzzjoni tal-Għadira/Għajn Tuffieħa, kif ukoll fid-direzzjoni tal-Belt/Sliema?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bl-introduzzjoni tal-iskeda tas-sajf, li daħħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Ġunju, s-sussegwenti rotot li joperaw mill-venda ta’ Buġibba kellhom żieda fil-frekwenza tagħhom hekk kif ġej: Numru tar-Rotta Rotta Frekwenza fix-Xitwa Frekwenza fis-Sajf Min Via Sa 212 Qawra/Buġibba Pembroke Sliema 2 vjaġġi fis-siegħa 3 vjaġġi fis-siegħa 221 Qawra/Buġibba Mellieħa Ċirkewwa 2 vjaġġi fis-siegħa 3 vjaġġi fis-siegħa 223 Qawra/Buġibba Għajn Tuffieħa vjaġġ fis-siegħa 3 vjaġġi fis-siegħa Infurmat ukoll li sabiex tlaħħaq mad-domanda fuq dawn ir-rotot, minn Lulju kien hemm żieda addizzjonali fil-frekwenzi fuq tliet rotot li joperaw minn din il-venda hekk kif ġej: · Rotta 31 (Buġibba – Belt Valletta via L-Isptar Mater Dei) kellha żieda fil-frekwenza tagħha minn żewġ vjaġġi fis-siegħa għall-tliet vjaġġi fis-siegħa; · Ir-rotta 212 (Buġibba – Sliema) u r-rotta 221 (Buġibba- Ċirkewwa) kellhom żieda fil-frekwenza tagħhom minn tliet vjaġġi għall-erba’ vjaġġi fis-siegħa. Għaldaqstant, il-frekwenza fuq dawn iż-żewġ rotot irduppjat għall-perjodu tas-sajf.

San Pawl il-Baħar – traffic lights — ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba, minn Jannar 2016 sad-data li tingħata risposta għal din id-domanda, kien hemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, li sewwew it-traffic lights li hemm madwar San Pawl il-Baħar? X'inhi r-raġuni li għaliha kien hemm daqstant ħsarat f'dawn id-dwal?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar u Lulju 2016 kien hemm 36 spezzjoni u/jew tiswija ta’ traffic lights fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. Dawn jinkludu xogħlijiet varji li ħafna minnhom kienu każijiet ta’ manutenzjoni regolari.