Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xogħol fuq Proġetti — Ħlas Miżmum

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inżamm ħlas lill-kuntratturi li għamlu xogħol fuq proġetti li l-Ministeru tiegħek huwa responsabbli għalihom fl-ewwel tmien xhur tas-sena? Jista' jgħid min huma? Kemm kien il-ħlas li nżamm u fejn kien ix-xogħol li ma sarx sew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda tiegħu, dwar x'tip ta' ħlas qed jagħmel riferenza.

Ħal Tarxien — Triq Kelinu Cachia

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta Triq Kelinu Cachia f'Ħal Tarxien ser tiġi asfaltata? Meta ser jitneħħa l-iskart li qed jiġġenera diversi insetti bil-konsegwenza li jistgħu jittieħdu xi infezzjonijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qed jimplimenta programm għall-asfaltar ta' toroq ma' Malta kollha u x-xogħol fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien. Fir-rigward ta' l-iskart fl-imsemmija triq l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għargħur — Triq Caravaggio

Question

Fid-dawl tas-sitwazzjoni diffiċli li qed jiffaċċjaw ir-residenti Għargħurin minħabba l-aċċess imblukkat, u li hemm bżonn li jiġi estiż, fil-parti ta’ Triq Caravaggio sabiex it-traffiku ma jkomplix jinġemgħa fil-Pjazza tal-Għargħur u joħloq inkonvenjent u saħansitra, periklu għat-tfal u għall-anzjani, jista’ il-Ministru jara li jitlestew il-proċeduri meħtieġa sabiex tinħareġ it-tender u jibdew u jitlestew ix-xogħlijiet immedjatament? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari numru 35455.

Kanali ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35549, li oriġinarjament saret lill-ministru għall-agrikoltura u sajd, jista' jgħid min hu responsabbli li jara li jitnaddfu l-kanali ta’ l-ilma mill-ħmieġ u terrapien li jinġabar matul iż-żmien biex ikunu ħielsa ħalli jgħaddi l-ilma tax-xita mingħajr xkiel? Id-dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħek jaraw li dan ix-xogħol isir? Għandu dettalji ta’ kemm sar minn dan ix-xogħol minn Mejju sal-lum?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' għat-Trasport hija responsabbli li tara li l-kanali ta' l-ilma tax-xita fit-toroq arterjali u distributorji jkunu ndaf ħalli jgħaddi l-ilma tax-xita mingħajr xkiel, filwaqt li l-Kunsilli Lokali għandhom l-istess responsabbilita' għall-kanali li jaqgħu fit-toroq l-oħra. Ix-xogħol fit-toroq arterjali u distributorji jsir għall-Awtorita' minn ħaddiema tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Peress li d-dettalji ta' kemm sar min dan ix-xogħol sa llum irridu jinġabru mingħand il-Kunsilli kollha u entitajiet oħra, din l-informazzjoni ma tistax tingħata għalisssa.

MMA — Wied il-Għajn - Fairway

Question

Possibbli li l-awtorita` marittima tieħu passi immedjati biex jiġi aċċertat li l-fairway fil-bajja ta' Wied il-Għajn ma tkunx imblukkata peress li hemm sajjieda full-time b'lanċa kbira li ma jkunux jistgħu jgħaddu minħabba li l-fairway tkun imblukkata? Possibbli l-Ministru ġentilment jinformana x'passi ttieħdu jew se jittieħdu mill-awtorita` marittima?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-talba li saret minn sajjieda full time sabiex ikun hemm fairway ġewwa l-bajja ta' Wied il-Għajn li minnha jkunu jistgħu jidħlu u joħorġu mill-irmiġġ tagħhom u jiżvolġu l-attivita' tas-sajd mingħajr tfixkil, qiegħda tiġi proċessata. Diġa ttieħdu ritratti mill-ajru sabiex jiġu jdentifikati aħjar l-ostakoli u qiegħed jitħejja pjan sabiex ikun hemm aċċess aħjar għal dawn is-sajjieda bl-inqas spostamenti possibli ta' rmiġġi oħrajn. Jonqos biss xi konsultazzjonijiet ma' l-istess sajjieda u dalwaqt toħroġ Notice to Mariners li tistabbilixxi l-kriterji tal-fairway f'din il-bajja.

Ħaż-Żabbar — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress, wara l-laqgħa li saret xhur ilu mal-Kunsill Lokali Żabbar, dwar l-istat ħażin tat-toroq fl-area ta' St.Peter's?

Response (GALEA, ĊENSU)

M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 35298.

It-Tieni Distrett — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema toroq fit-Tieni Distrett ser jingħataw it-tarmak sa l-aħħar ta' din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Fgura — Pedestrian Crossing

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi pedestrian crossing fi Vjal Cottoner, Fgura?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ għat-traffiku għamel traffic counts, pedestrian counts u behavioural settings survey li minnhom irriżulta l-bżonn ta' żewġ pedestrian crossings fi Vjal il-Kottoner, Fgura, waħda fil-viċinanzi ta' j/w Triq Cospicua u l-oħra il-fuq minn j/w Triq il-Foss. Dan id-Direttorat iddiskuta dawn il-faċilitajiet mal-Kunsill Lokali tal-Fgura waqt laqgħa li seħħet fit-8 ta' Ottubru 2002.

Tqegħid ta' Tarmac

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35553, cioe' jista' jgħid kemm il-kilometru tarmak ingħata mill-gvern ċentrali f'Raħal Ġdid, Santa Luċija, Gudja, Raħal Ġdid ta' Lourdes u Marsa?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Birkirkara — Triq Giovanni Mamo

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tingħata t-tarmak Triq Giovanni Mamo f'Birkirkara, liema triq tinsab f'kundizzjoni tal-biki? Jaf il-Ministru li r-residenti tat-triq kontinwament jilmentaw minħabba l-istat diżastruż tat-triq u li qed ikun hemm problema ta' trabijiet u li l-istess residenti jilmentaw minħabba li fl-istess triq qed ikun hemm ġriden kbar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed timplimenta programm għall-asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha u x-xogħol fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien f'dan il-programm.

Birkirkara — Psaila Street

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li fejn qed isiru x-xogħlijiet ta' Triq Psaila, B'Kara fil-venda, fejn hemm siġra mejta li din tinqala u jingħata t-tarmak minflokha ħalli jkun hemm aktar spazju?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qiegħed f'kuntatt mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura biex jiġi stabilit jekk is-siġra inkwistjoni hiex mejta, biex b'hekk jista jiġi deċiż x'għandu jsir.

Birkirkara Bypass

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra jirranġa parti mill-bypass B'Kara (Iklin) bejn it-traffic lights għaliex it-triq mhijiex tajba?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport għandha programm ta' xogħol ta' manutenzjoni ta' toroq arterjali u distributorji, u x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant isir skond l-esiġenzi ta' dan il-programm.

Ħaż Żabbar — Parking

Question

Jista' il-Ministru jgħid fuq liema kriterji ttieħdu d-deċiżjonijiet biex fi Triq il-Mina ta' Hompesch f'Ħaż-Żabbar sar spazju għal parking quddiem ċerti stabbilimenti kummerċjali u quddiem oħrajn inżebgħu linji ta' no parking? Jista' jikkonferma jekk dawn is-sinjali u l-proġett kollu sarx bl-approvazzjoni tal-bord għall-kontroll ta' t-traffiku?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dawn is-sinjali u l-proġett kollu sar bl-approvazzjoni tad-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku u hemm parking fuq iż-żewġ naħat tat-triq. Il-partijiet ta' no parking qedgħin biss viċin ir-roundabout k/m Triq is-Sur, viċin il-bus lay-bys u l-pedestrian crossings u fil-kantunieri tat-toroq.

Għargħur — Triq il-Caravaggio

Question

Fid-dawl tas-sitwazzjoni diffiċli li qed isofru r-residenti Għargħawrin meta għandhom l-aċċess imblukkat fi Triq Caravaggio u kawża ta’ dan it-traffiku qed jinġema` fil-pjazza tar-raħal u jkun ta’ inkonvenjent kbir kif ukoll ta’ periklu għat-tfal u l-anzjani, jista` il-Ministru jara li jinħarġu t-tenders meħtieġa ħalli tiġi estiża din il-parti tat-triq fil-Għargħur? Jekk fl-affermattiv, meta? Jista` jassigurani li x-xogħlijiet ikunu lesti sal-festi tal-Milied li ġejjien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari numru 16511.

Baħrija — Triq Prinċipali

Question

Jista` il-Ministru jgħid x’ġara mix-xogħlijiet li kellhom isiru fit-triq prinċipali tal-Baħrija? Jista` jara li din it-triq tingħata wiċċ tarmak qabel il-11 ta’ Novembru li ġej ħalli għall-festa ta’ San Martin ir-residenti u l-Maltin li jidħlu l-Baħrija għall-festa u matul ix-xitwa li ġejja jsibu triq tajba u mhux kollha ħofor u skossi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari numru 35358.

Liċenzji tas-Sewqan — Testijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna applikat biex tagħmel it-test tas-sewqan fl-ewwel tmien xhur tas-sena? Kemm saru minn dawn it-testijiet? Kemm-il persuna għaddiet? Meta xi ħadd jeħel minn dan it-test meta jerġa' jissejjaħ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' persuni li applikaw għat-test tas-sewqan fl-ewwel tmien xhur tas-sena 2002, kemm saru testijiet u kemm il-persuna għaddiet huwa kif ġej: Numru ta' Applikazzjonijiet 5,361 Numru ta' testijiet li saru 5,805 Numru ta' persuni li għaddew mit-test 5,262 Il-proċeduri wżati mid-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet (D.L.T.) meta xi ħadd jeħel mit-Test tas-sewqan huma dawn: a) jekk l-applikant qiegħed ma' skola tas-sewqan, din terġa tissottometti nominazzjoni lid-D.L.T. għal test ieħor. Id-data tiġi ffissata mill-istess skola tas-sewqan. b) jekk l-applikant qiegħed ma' instructor privat, jirċievi appuntament ieħor mid-D.L.T. fl-eqreb data possibli. c) f'każ li l-applikant jeħel mi-test orali (l-aħħar parti tat-test), kemm jekk qiegħed ma' skola tas-sewqan jew instructor privat, jirċievi appuntament għal test orali biss mid-D.L.T. fl-eqreb data possibli.

Trasport Pubbliku

Question

Filwaqt li ssir riferenza għall-protest ġudizzjarju fil-prim awla tal-qorti ċivili li għamlet il-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament lill-awtorita' dwar it-trasport pubbliku, il-Ministru għat-trasport u komunikazzjoni kif ukoll l-avukat ġenerali dwar liċenzji għall-karrozzi tal-mejtin, jista' il-Ministru jikkonfema dak indikat u cioe' li ilhom 43 sena ma jingħataw liċenzji għall-motor hearses? Jista' jispjega għaliex ilhom daqshekk ma jingaħataw liċenzji?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li n-numru ta' liċenzji għall-motor hearses hu limitat għal dak li kien eżistenti fl-1970. Jidher għalhekk li matul id-diversi amministrazzjonijiet, qatt ma nħass il-bżonn li joħorġu liċenzji ġodda.

Liċenzji

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk jeżistux regolamenti jew kriterji sabiex tingħata liċenzja għal motor hearse? Jekk jeżistu, jista' il-Ministru jipprovdihom u jindika kemm ilhom eżistenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35692.

Liċenzji

Question

Jista' il-Ministru jindika kemm-il talba saret għal-liċenzja ta' motor hearse dawn l-aħħar 15-il sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li skond l-informazzjoni li għandu d-Direttorat tat-Trasport Pubbliku, mill-1995 s'issa, b'kollox kien hemm 10 talbiet għal permessi ġodda; fosthom 8 f'Malta u 2 għal Għawdex. Fil-perjodu qabel l-1995 ma' jidhirx li nżammet din l-informazzjoni.

Żurrieq — Triq Morphou

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex Triq Morphou (Bubaqra) Żurrieq tingħata it-tarmak għall-ewwel darba peress li din ilha bir-residenti fiha għall-aktar minn 9 snin u sal-lum dan ix-xogħol għadu ma sarx? Jafx jew le l-Ministru li ħafna mir-residenti qed ibgħatu minn trab u tajn kemm fis-Sajf u kemm fix-Xitwa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lill-Awtorita' għat-Trasport sabiex issir spezzjoni f'din it-triq sabiex ikun jista' jiġi stabbilit x'hemm bżonn li jsir.