Jista' il-Ministru jivverifika jekk iċ-chairman li għadu kemm spiċċa mill-MOBC u uffiċjal ewlieni tagħha humiex b'xi mod jew ieħor interessati u involuti personalment u kummerċjalment fil-privatizzazzjoni tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 846, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat mill-privatiżżazjoni.
Imġarr — Applikazzjoni għal 3 face flok single face
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex it-talba ta' l-20 bidwi fl-inħawi ta' l-Iskorvit limiti ta' l-Imġarr, sabiex id-dawl ikun estiż għal 3 face minflok single face kif jinsab illum tħalliet abbandunata? Billi l-bżonn ta' din l-estenzjoni tad-dawl saret waħda urġenti, jista' il-Ministru jara li x-xogħlijiet isiru bla aktar telf ta' żmien?
Response (GATT, AUSTIN)
It-talba li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant saret minn sebgħa persuni u mhux minn għoxrin. Il- Korporazzjoni bagħtet l-istimi lill-applikanti iżda ebda wieħed minnhom m'għamel id-depożitu rikjest.
Possibbli l-korporazzjoni Enemalta tispjega għalfejn fi Triq Xorb l-Għaġin, fiż-Żejtun/M'Scala ilhom snin twal li twaħħlu arbli ġodda biex jinbidlu dawk imsadda u l-wires baqgħu qatt ma ġew trasferiti għal fuq l-arbli l-ġodda bil-konsegwenza li llum jeżisti periklu minħabba l-istat ta' l-arbli l-qodma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ix-xogħol ta' bdil ta' l-arbli msemmija, li kien estensiv, kien beda, iżda minħabba xogħolijiet oħra, l-kumplament tax-xogħol ġie pospost. Ta' min jgħid li l-arbli l-qodma m'humiex ta' periklu, iżda xorta waħda x-xogħol mistenni jitkompla sa Settembru li ġej.
Jista’ l-Ministru jgħid x’raġuni tat l-Enemalta għall-qtugħ fis-servizz tad-dawl il-Ħadd, 15 ta’ Ġunju 2003 għall-ħabta tad-9.00 p.m.? X’ħin waslu fuq il-post il-ħaddiema ta’ l-istess korporazzjoni sabiex jaraw jekk tistax tissewwa l-ħsara? X’ħin eventwalment ġiet lura għan-normal is-sitwazzjoni fis-servizz tad-dawl?
Jista’ l-Ministru jgħid ukoll kemm ikun hemm persuni stand-by għall-emerġenzi li jistgħu jinqalgħu wara l-ħin normali tax-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
B'referenza għall-Mistoqsija, ta' l-Onorevoli Interpellant wieħed jassumi li din qed tirreferi għall-interruzjoni f'partijiet miż-Żejtun. Għaldaqstant rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Nru.850.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni li jkunu Stand By jikkonsistu f'żewġ gruppi ta' tlieta min-nies. Barra minn dawn jkun hemm ukoll żewġ Technical Officers, Engineer u Senior Engineer fuq sistema ta' On Call.
Billi l-Ministru semma li ħafna mill-apparat tal-informatika għall-Ministeru ġie miksub mill-MITTS, tista' tgħid min kienu l-accredited suppliers fil-każi kollha li għalihom saret referenza mill-MITTS?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
L-isptar Mater Dei se jkun jagħmel parti mill-E-government architecture?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li huwa ppjanat li kull entita pubblika tkun parti mhux biss mill-eGovernment architecture iżda wkoll tuza numru ta' servizzi ċentrali li ser jibdew jingħataw mill-MITTS. F'dan il-kuntest ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'Lulju ta' l-2001 il-Gvern kien ha deċiżjoni f'dan is-sens li mistennija tiġi aggornata għaċ-ċirkostanzi u t-teknologiji prevalenti fil-ġimgħat li ġejjin.
Huwa minnu li l-E-services call centre sejjer jiġi farmed out lil-privat meta jkun opportun li jsir dan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hija l-intenzjoni tal-Gvern li jinvolvi kemm jista jkun lis-settur privat fl-implimentazzjoni tal-pjan tiegħu fil-qasam ta' l-ICT fil-Gvern. Il-call centre fil-qafas ta' l-e-Government huwa proġett wieħed biss fejn il-Gvern qiegħed jippjana li juża din il-politika ta' outsourcing.
X'inhi r-relazzjoni bejn iċ-CIMU u l-e-Malta commision?
Response (GATT, AUSTIN)
Ic-CIMU hija responsabbli mill-istandards, policies u direttivi li jiġu mfassla għall-użu tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni fis-settur pubbliku waqt illi l-e-Malta Commission hija entita' mmirata biex tkattar l-għarfien tas-socjeta' u l-ekonomija ta' l-informazzjoni f'pajjiżna.
Jista' il-Ministru jara li jitpoġġa post ieħor l-arblu li hemm f' Għar Żerriegħa limiti tar-Rabat sabiex dan ma jkunx ta' periklu għall-bdiewa li jgħaddu mill-modijiet ta' l-inħawi? Jista' jara li dan isir u jiġi rranġat qabel ma jkun hemm xi inċidenti? L-arblu jinsab fejn ir-residenza tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament. Id-dettalji ta' persuna oħra midħla sew ta' dan il-post qed jintbagħtu separatament.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Enemalta — Każijiet ta' nuqqas ta' ħlas tal-kontijiet - Passi
Question
Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid kemm drabi matul l-2002 l-Enemalta ħadet passi f'każijiet ta' nuqqas ta' ħlas ta' kontijiet tad-dawl? Kemm kien in-numru f'Jannar, Frar u Marzu 2003?
Response (GATT, AUSTIN)
Bit-terminu 'ħadet passi' użat mill-Onorevoli Membru qiegħed nifhem għal-qtugħ tal-provvista tal-elettriku minħabba kontijiet pendenti.
Fis-sena 2002 kien hemm 2,916 sospensjoni.
F'Jannar 2003 kien hemm 214,
Fi Frar 2003 kien hemm 113,
F'Marzu 2003 kien hemm 210.
Il-qtugħ tal-provvista huwa biss l-aħħar pass, ghax qabel ikunu ittieħdu diversi passi oħra, fosthom; timbru speċjali b'avviż ta' qtugħ fuq il-kontijiet li jkollhom l-arretrati; avviż mill-Korporazzjoni ta' l-Ilma ; avviż ieħor mill-Korporazzjoni tad-Dawl; u anke avviżi verbali qabel isir il-qtugħ. Dawn l-avviżi huma biex tintuża l-prudenza u 'ex gratia' u mhux għax meħtieġa skond ir-regolamenti ta' l-elettriku.
Ħafna drabi l-problema tiġi solvuta b'dawn il-passi, għalhekk in-numru huwa relattivament baxx meta kkomparat man-numru ta' kontijiet involuti.
Peress li minkejja diversi rapporti li saru lill-Enemalta, arblu perikoluż ħafna biswit F/H id-dar Busketto Road l/o Dingli għadu ma ġiex sostitwit, jista' il-Ministru jindaga għaliex dan għadu ma sarx?
Response (GATT, AUSTIN)
Minn investigazzjoni li saret jirriżulta li l-arblu msemmi mhux fi stat perikoluż iżda xorta waħda qed tittieħed l-azzjoni meħtieġa biex jinbidel flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' il-Minstru jidaga meta se jitneħħew il-high tension cables tal-viċinanzi ta' Ħaż Żebbuġ u Ħal Qormi peress li dawn jgħaddu viċin ħafna ta' l-abitat u huwa pprovat li huma ta' dannu għas-saħħa tal-bniedem?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi jekk il-"high tension cable" li qed jirreferi għalihom hu, huma it-"33KV overhead double line" li jikkonnettjaw il-Marsa South DC mal-Mosta DC, minkejja li f'għajnejn il-pubbliku huma maħsuba ta' periklu, ma hemm l-ebda prova f'dan ir-rigward. Għalhekk l-Enemalta m'għandha l-ebda pjan li tneħħi dawn il-cables.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 385 u cioe' tul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet mal-kumpanniji pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu? Jista' jagħti t-tagħrif kumpannija b'kumpannija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f' xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar dħul ta' apprentisti ġodda fit-Tarzni tagħna, wara li diġa wiegħeb li hija l-intenzjoni li jkun hemm skemi ta' apprentistat ġewwa t-Tarzni tal-Marsa u Bormla?
Response (GATT, AUSTIN)
It-Tarznari qegħdin jisponsorjaw apprendisti ġodda skond l-iskemi tal-"Extended Skill Training Scheme (ESTS) u t-"Technician Apprenticeship Scheme (TAS)", tal-Employment and Training Corporation. is-sena 2002 xtaqna nisponsorjaw 60 apprendist iżda fil-fatt sibna 30 biss fis-snajja meħtieġa. Din is-sena t-talba hija ta' 60 apprendist u sissa għażilna 50 fis-snajja meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien l-iskop tal-laqgħa li organizzat il-MITTS għall-accredited suppliers tagħha nhar id-19.6.03? Dan kellu x'jaqsam ma' l-implimentazzjoni tal-ftehim milħuq mill-gvern mal-kumpannija Microsoft?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-laqgħa li saret fid-dsatax ta' Ġunju mill-MITTS f'isem ic-CIMU, saret biex l-accredited suppliers ikunu nfurmati dwar xi partijiet tal-ftehim li sar dan l-aħħar bejn il-Gvern Malti u l-Microsoft.
Il-gvern jirriżultalu li fl-imgħoddi kien qed jinxtara hardware u software mid-dipartimenti u ministeri tal-gvern li kien aktar minn dak meħtieġ? Jekk iva, f'liema każi u f'liema ministeri rriżulta li sar dan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma jirriżultalix li fil-Ministeru tiegħi kien qed jinxtara hardware u software iżjed milli meħtieġ (ħlief xi waħdiet 'spare' għal xi emergenza).
Dwar il-Ministeri l-oħra nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija direttament lilhom.
Servizz Ċivili — Awditjar tas-sistema ta' l-informatika
Question
L-audit tas-sistemi ta' l-informatika fis-settur pubbliku isir miċ-CIMU jew mill-MITTS innifisha f'isem iċ-CIMU? Jista' il-Ministru jagħti indikazzjoni tar-riżultati ta' audits simili u jekk dawn irriżultawx li kienu konformi ma' prattiċi stabiliti fl-informatika?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jintervjeni fil-każ ta' żewġ familji li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' problemi ta' dawl baxx tant li mhux l-ewwel darba li spiċċaw bla dawl?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-Enemalta għandhiex pjan biex isaħħaħ il-provista ta’ l-elettriku f.’Misrah Kola Ħ’Attard? U jekk fil-pożittiv jista’ il-Ministru jgħid kif dan jista’ jseħħ? Jekk dan ser iseħħ b’bini ta’ Sub Station jista’ il-Ministru jgħid fejn qed jigi ikkunsidrat biex din is-Sub Station tinbena?
Response (GATT, AUSTIN)
Biex tissaħħaħ il-provista ta' l-elettriku f' Misraħ Kola, Attard hemm bżonn li tinbena substation fl-inħawi ta' Triq in-Nebbieta ladarba tinstab l-art meħtieġa.