Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx First Aid Boxes fil-Biċċerija u jekk fl-affermattiv għal kemm jammonta n-numru ta' First Aid Boxes?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fil-Biċċerija hemm fil-fatt erba’ first aid boxes.
B'referenza għar-risposta tad-domanda dwar spejjeż relatati mal-breakwater Tal-Veċċia, u mir-risposta li ngħatat dwar is-sehem li kellu/għandu jitħallas minn fondi tal-Unjoni Ewropea, u minn Fondi Nazzjonali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt, l-ammonti li ser jitħallsu minn fondi nazzjonali, humiex daqs jew iktar minn kemm fil-fatt kellhom jitħallsu? Jekk huma differenti, x'inhi r-raġuni għal dawn id-differenzi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti jirriżulta li l-ammonti li se jitħallsu minn fondi nazzjonali, se jkunu aktar minn dawk previsti. Dan għaliex, wara li beda x-xogħol ta’ skavar, ġie nnutat li l-ħsara kienet aktar estensiva milli previst. Għalhekk wara li nġibet l-approvazzjoni tad-Dipartment tal-Kuntratti, żdiedu ix-xogħlijiet neċessarji sabiex dawn ix-xogħlijiet isiru kif suppost.
Peress li dawn ix-xogħlijiet addizzjonali ma setgħux ikunu kompluti sa l-aħħar tas-sena 2015, dawn ix-xogħlijiet addizzjonali se jitħallsu minn fondi nazzjonali. Figura eżatta ta’ kemm hu dan l-ammont tista’ tingħata meta l-kontijiet jiġu ċertifikati kollha u ppreżentati.
Infakkar li l-element ta’ VAT kemm fuq il-figura oriġinali kkontrattata, kif ukoll fuq xogħlijiet addizzjonali kellhom jitħallsu minn fondi nazzjonali.
S’issa l-ammont ta’ €749,280 dovuti minn fondi tal-UE diġa’ ġew sottomessi, kif ukoll diġa’ ġew imħallsa l-ammont ta’ €114,296.96 minn fondi nazzjonali bħala VAT.
Figuri ulterjuri jingħataw aktar ‘il-quddiem.
Jista' l-Ministru jgħid sal-lum x' xogħlijiet saru biex ingħalqet il-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra, Għawdex? Meta nbdew dawn ix-xogħlijiet? Kemm swew dawn ix-xogħlijiet u kemm minnhom inħarġu minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Xi preparamenti kienu saru biex dan is-sit jinbidel f'park għall-familja u kemm spejjeż kienu intefqu fuq hekk? Meta għaddiet l-art ta' dan is-sit f' idejn l-Enemalta? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar mal-Enemalta dwar din l-art?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li sabiex tingħalaq il-Miżbla tal-Qortin sar ħafna xogħol fil-biċċa l-kbira xogħol ta’ “re-contouring” u “capping” skont kif stipulat fid-direttivi relatati tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk saret ħidma biex ikunu istallati sistemi ta’ irrigazzjoni li primarjament kienu meħtiega biex ikunu kontrollati l-emissjonijiet li joħorġu mill-miżbla. Inbena wkoll ġibjun biex jilqa’ l-ilma fih li jinżel fuq is-sit u dan jintuża fis-sistema tal-irrigazzjoni, inbnew bjar tal-gass u ġiet installata wkoll sistema tat-trattament tal-gass. Dawn ix-xogħlijiet inbdew f’Awwissu tal-2012 u tlestew f’Awwissu tal-2015. L-ispejjeż għal dan il-proġett laħqu s-somma ta’ €3.2 miljun, b’85% tal-ispejjeż iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea waqt li 15% iffinanzjati lokalment. Dan ix-xogħol kollu sar mill-Wasteserv li rnexxielha tagħmel użu minn dan il-finanzjament fiż-żmien stipulat. Sadanittant il-proġett tal-park tal-familja li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ma kienx proġett li qed imexxih il-Ministeru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat. L-istess ħaġa għall-aħħar żewġ mistoqsijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siġra u arbuxxell hemm bħalissa fuq is-sit li qabel kienet il-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra? Jista’ jgħid kemm-il litru ta' ilma ntuża fl-aħħar tliet snin biex dawn jiġu msoqqija? Jista' jikkonferma li fis-sit sar ġibjun kbir? Meta tlesta u kemm jesa’ ilma?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fuq is-sit li qabel kienet il-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra hemm 22,881 siġra u arbuxell. Biex jissaqqew, f’dawn l-aħħar tliet snin, intuża bejn wieħed u ieħor 7.5 miljun litru ilma. Nikkonferma li fis-sit inbena ġibjun li tlesta f’Awwissu 2015 u li jesa’ madwar 4,000 metru kubu.
Kawża tal-ftuħ tal-istaġun tal-insib tal-għasafar tal-għana – fondi allokati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-fondi allokati mill-Ministeru tiegħu sabiex il-Gvern jiddefendi l-kawża fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-ftuħ tal-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana?
Response (BRINCAT, LEO)
Naħseb li l-Onor. Interpellant għandu jifhem li l-allokazzjoni tal-fondi tal-Gvern ma ssirx abbażi ta’ każi individwali. Għandu jkun ovvju li l-Ministeru jimmaniġġja l-voti tiegħu sabiex jilħaq mal-ispejjeż li jkun hemm bżonn isiru skont il-prijoritajiet. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-Ministeru tiegħi huwa determinat li jiddefendi l-każ in kwistjoni għaliex verament jemmen li l-pożizzjoni li ħa l-Gvern fuq il-materja hija waħda korretta. Nittama li l-Onor. Interpellant mhux qiegħed b’xi mod jalludi li l-Gvern m’għandux jiddefendi il-każ quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja minħabba l-ispejjeż involuti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu nies jaħdmu l-Pixkerija minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema gradi daħlu jaħdmu dawn il-ħaddiema ġodda? Min huma dawn il-ħaddiema u minn liema lokalitajiet ġejjin? Xi kwalifiki/esperjenza għandhom dawn il-ħaddiema? X'pagi u perkaċċi oħra għandhom? Dawn ġew ingaġġati fuq kuntratt indefinit jew definit u għal kemm tul?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lilli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu nies jaħdmu l-Biċċerija minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema gradi daħlu jaħdmu dawn il-ħaddiema ġodda? Min huma dawn il-ħaddiema u minn liema lokalitajiet ġejjin? Xi kwalifiki/esperjenza għandhom dawn il-ħaddiema? X'pagi u perkaċċi oħra għandhom? Dawn ġew ingaġġati fuq kuntratt indefinit jew definit u għal kemm tul?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lilli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li dawk l-individwi li ġew impjegati mal-Animal Welfare minn wara April 2013, wara sitt xhur f’dan l-impjieg ġew tal-post?
Response (BRINCAT, LEO)
Fil-waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 22641 ninsab infurmat mill-Ufficcju tas-Segretarjat Parlamentari li l-ingaġġi in kwistjoni saru skont il-prassi stabbilita.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu cleaners minn barra biex jaħdmu fil-Biċċerija minn April 2013 sa Diċembru 2015? Veru li kontra kull prassi, dawn wara tliet xhur saru ħaddiema tal-Gvern b'kuntratt indefenit? Min huma dawn il-ħaddiema u mil-liema lokalitajiet ġejjin? X'inhu l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22643, ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-ingaġġ ta’ cleaners sar skont il-prassi. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat ukoll li l-cleaners jaħdmu ħinijiet differenti determinati mill-ħtiġijiet u n-natura tax-xogħol tal-biċċerija liema ħinijiet ivarjaw skont il-jum tal-qatla, l-ispeċi maqtula u n-numru ta’ bhejjem maqtula.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu promozzjonijiet fil-Biċċerija minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema gradi ħarġu dawn il-promozzjonijiet? Min huma dawn l-individwi li ħadu dawn il-promozzjonijiet? Xi grad kienu dawn l-individwi qabel ma ħadu dawn il-promozzjonijiet? Xi kwalifiki/esperjenza għandhom dawn l-individwi li ħadu promozzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti minn April 2013 sal-lum, fil-Biċċerija Pubblika, ħarġu erba’ sejħiet li magħhom kien hemm marbuta opportunità ta’ promozzjoni hekk kif definita f’paragrafu 1.3.1.1 tal-Public Service Management Code. Dawn is-sejħiet saru għall-gradi ta’ Boiler Attendant (Group III), Senior Operative (Maintenance Works - Group IV) li ħarġet darbtejn, u Assistant Technical Officer (Maintenance), fejn il-proċess tal-għażla għadu għaddej. B’riżultat ta’ dawn is-sejħiet ingħatat promozzjoni waħda fejn uffiċjal fil-grad ta’ General Hand inħatar Senior Operative (Maintenance Works). Il-kwalifiki u l-esperjenza li għandu l-individwu kkonċernat huma kif stipulati mill-ftehim tal-klassi industrijali u ħaddiema superviżuri.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu promozzjonijiet fl-Għammieri minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema gradi ħarġu dawn il-promozzjonijiet? Min huma dawk l-individwi li ħadu dawn il-promozzjonijiet? Xi grad kienu dawn l-individwi qabel ma ħadu dawn il-promozzjonijiet? Xi kwalifiki/esperjenza għandhom dawn l-individwi li ħadu promozzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema Dipartiment jew Direttorat fl-Għammieri qiegħed jirreferi.
Peress li minn jinvesti fit-tkabbir tad-dwieli jkun se jinvesti fit-tul u jrid idum madwar erba’ snin biex jieħu r-return tal-prodott tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Gvern jgħin finanzjarjament lil dawk il-bdiewa li jħawwlu d-dwieli?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, naħseb li ma jagħmilx sens li l-Gvern, minn fond Nazzjonali, jgħin finanzjarjament lil dawk il-bdiewa li jħawlu d-dwieli meta min hu verament interessat jinvesti f’dan is-settur jista’ japplika għall-fondi tal-UE għall-istess għan. Dawk interessati jistgħu jintervjenu b’investiment fid-dwieli permezz ta’ għajnuniet mill-miżura ta’ investiment taħt il-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2014-2020. Tali proposti jiġu kkunsidrati u evalwati flimkien ma’ proposti oħra għall-investiment fis-settur tal-biedja meta jinħarġu l-miżuri għall-applikazzjonijiet minn dawk interessati.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm jiġi pproduċut inbid fi flus u kwantità mill-għenba Maltija u x' tipi ta' nbid jiġi pproduċut?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li dwar l-ewwel parti ta’ din il-mistoqsija dan il-Ministeru ma jiġborx informazzjoni dwar valur ta’ flus li jiġi pproduċut mill-inbid, għax hija statistika ta’ natura kummerċjali u għalhekk nitolbu jirreferi din it-talba lill-Ministru kkonċernat.
Fir-rigward tat-tieni parti ta’ din l-mistoqsija l-Onor. Interpellant huwa mitlub jispeċifika aktar x’informazzjoni għandu bżonn.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa li qegħdin ikabbru d-dwieli? Kemm hawn dwieli għall-inbid? X'varjetajiet ta' dwieli huma? X'tip ta' ħamrija hi li fiha qed jitkabbru dawn id-dwieli u f'liema partijiet ta' Malta u Għawdex jinsabu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari f’Malta hawn madwar 1,872 bidwi li qegħdin jikkultivaw id-dwieli.
Għat-tieni parti tad-domanda nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 20161
Rigward it-tielet parti tad-domanda qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-varjetajiet ta’ dwieli f’Malta.
Għar-raba’ domanda, ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat ma jżommx informazzjoni f’liema tip ta’ ħamrija qed jitkabbru dawn id-dwieli li huma mifruxa ma’ Malta u Għawdex kollha.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu nies jaħdmu mal-Animal Welfare minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema gradi daħlu jaħdmu dawn il-ħaddiema ġodda? Min huma dawn il-ħaddiema u minn liema lokalitajiet ġejjin? Xi kwalifiki/esperjenza għandhom dawn il-ħaddiema? X'pagi u perkaċċi oħra għandhom? Dawn ġew ingaġġati fuq kuntratt indefinit jew definit u għal kemm tul?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont L-informazzjoni mgħotija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jispjega kemm-il darba matul is-sena 2015 ma kenitx operattiva s-sistema 1717?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, intalab rapport tekniku mis-service provider li għadna qed nistennew.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux vera li riċentement is-sistema tal-linja 1717 mhux qed tkun operattiva fuq bażi frekwenti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, mhux minnu li s-sitema tal-linja 1717 ma kinitx operattiva riċentament.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex meta s-sistema tal-linja 1717 ma tkunx operattiva, il-pubbliku mhux qed ikun infurmat b’mod professjonali permezz ta’ notifika uffiċjali imma qed jkun infurmat minn fuq is-siti soċjali privati tal-impjegati tad-Direttorat?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-Ministeru jaqbel li meta jkun hemm waqfa fit-tul tal-1717 għandha tinħareġ notifika uffiċjali, għaldaqstant ingħataw struzzjonijiet f’dan is-sens. Sadanittant l-uffiċjali tal-ambulanza tal-annimali għandhom mobile ad hoc u meta jkun hemm waqfa fil-1717 ikun jista’ jintuża dan il-mowbajl number li huwa 79969918.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21563 u għal risposta għall-mistoqsija parlamentari 21676, jista’ l-Ministru jispjega għaliex hija attribwita din iż-żieda qawwija ta’ kważi erbgħin kelb miżmuma ġewwa l-Għammieri?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali joffri assistenza lil dawk l-annimali kollha fil-bżonn u wieħed ma jistax jattribwixxi raġuni partikolari li tiġġustifika ż-żieda ta’ 34 kelb ġewwa l-Għammieri bejn Settembru u l-14 ta’ Diċembru 2015.