Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il koperattiva ġdida ġew reġistrati mal-Bord tal-Koperattivi fl-2014 u jagħti wkoll l-ismijiet tagħhom?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm żewġ (2) koperattivi ġodda fl-2014 li ġew reġistrati mal-Bord tal-koperattivi u dawn huma:
· Comino Ferries Co-op Limited u
· Urban Lab Cooperative Limited
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-programm dettaljat ta' ħidma tal-Bord tal-Koperattivi għal 2015?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ ħidma tal-Bord tal-Koperattivi għas-sena 2015 ser ikun qed jindirizza dawn il-miżuri:
§ Matul l-2015 ser ikunu implimentati regolamenti ġodda li jiggvernaw il-Fond Ċentrali tal-Koperattivi. Dawn ir-regolamenti ser jiżguraw li l-fondi jintużaw bl-aktar mod effettiv għall-ġid tal-moviment koperattiv.
§ Jitkompla l-proċess ta’ tisħih tal-liġi tal-koperattivi biex jitħarsu aktar il-bżonnijiet attwali tal-koperattivi. It-tisħiħ tal-liġi ser ikun qed jindirizza fost diversi issues, il-kunċett ta’ koperattivi soċjali li jħarsu l-interessi ta’ nies żvantaġġati. Għal dan il-għan qed issir konsultazzjoni mal-partijiet kollha konċernati.
§ Nippromovu mill-ġdid l-użu tal-mudell koperattiv fis-Servizz Pubbliku. L-iskemi attwali qed jiġu aġġornati sabiex ikunu aktar relevanti għar-realtajiet ta’ llum. Ħaddiema fis-settur pubbliku ser ikunu mħajra jiffurmaw koperattivi u l-Gvern ser jgħin sabiex dawn jirnexxu.
§ Jitfassal pjan ta’ edukazzjoni sabiex jiżdied l-għarfien tal-mudell koperattiv bħala alternattiva ta’ oħra ta’ mudell ta’ entrapriża. Dan il-pjan ser ikun qed jindirizza studenti, kummerċjanti, professjonisti u l-pubbliku in ġenerali. Ser ikunu qed naħdmu wkoll mill-qrib mal-kunsilli lokali sabiex nippromovu l-mudell koperattiv.
§ Titkompla l-ħidma sabiex ikun hemm level playingfield għall-koperattivi biex joperaw mingħajr żvantaġġi ma’ mudelli oħra ta’ intrapriżi. Għal dan il-għan qiegħda ssir konsultazzjoni mal-koperattvi sabiex ikun identifikati l-iżvantaġġi li qed ikunu iffaċċjati bħalissa.
§ Titkompla ħidma sabiex ikomplu jonqsu n-numru ta’ koperattivi li mhumiex konformi mal-liġi.
§ Titkompla ħidma sabiex jingħalqu numru ta’ każijiet ta’ stralċ li ilhom pendenti għall-numru ta’ snin.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan konkrett tal-Gvern għall-Iżviupp tal-Crafts Village f’Ta’ Qali? X’inhuma t-timelines applikabbli?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta' pjannar wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu u qed isiru l-preparamenti neċessarji biex jinkitbu s-sejħiet għall- offerti. Hekk Kif jiftħu l-applikazzjoniet tal-ERDF il-proġett se jiġi sottomess għall-fondi. Ix-xogħol mistenni jibda hekk kif jiġu approvati l-fondi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’proposti saru mill-Malta Industrial Parks jew mill-Ministeru tiegħu s’issa, minn Marzu 2013 sal-lum, lill-inkwilni tal-Crafts Village f’Ta’ Qali għall-izvilupp tal-Crafts Village?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inkwilini tal-Crafts Village f’Ta’ Qali ġew offruti kuntratt ta’ ċens ta’ 65 sena.
Ta’ Qali Crafts Village – laqgħat ta’ konsultazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn Marzu 2013 sal-lum, x’laqgħat ta’ konsultazzjoni saru, jekk saru, u ma’ min, dwar l-iżvilupp tal-Crafts Village f’Ta’ Qali?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni mill-MIP mal-inkwilini tal-Crafts Village f’Ta’ Qali.
Saru tlett laqgħat ghall-inkwilini kollha f’daqqa u l-fuq minn tmenin laqgħa fuq bazi individwali fejn kull inkwilin kellu l-possibilita’ jiddiskuti l-affarjiet li jolqtu lilu jew lilha.
F’dawn il-laqgħat ħafna mill-inkwilini ilmentaw mill-fatt li l-proġett kien ilu snin twal imwiegħed mill-amministrazzjoni preċedenti u qatt ma sar. Apprezzaw li din l-amministrazzjoni qed turi r-rieda li dan il-proġett jitlesta fl-iqsar zmien possibbli biex pajjizna jkollu vilaġġ tal-artiġġjanat li jkun ta’ livell ġħoli.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu ltaqax mal-operaturi kollha tal-Crafts Village f’Ta’ Qali minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fost l-ewwel impenji tiegħi fil-Ministeru kien hemm żjara fil-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali, fejn żort diversi ħwienet u huts u tkellimt ma’ diversi operaturi.
F’din l-okkażjoni wassalt il-messaġġ li jien kont aċċessibli għal dawk l-operaturi li xtaqu jitkellmu miegħi, kif jistgħu jaffermaw diversi operaturi. Fil-fatt, bqajt niltaqa’ regolarment mal-operaturi, inkluż sa din il-Ġimgħa stess.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu d-deadline li ngħataw l-inkwilini tal-Crafts Village f’Ta’ Qali mill-Malta Industrial Parks li se jiskadi fl-aħħar ta’ Marzu 2015?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inkwilini tal-Crafts Village f’Ta’Qali ma ngħataw l-ebda deadline mill-MIP.
Fl-aħħar ta’ Marzu 2015 jiskadu l-konvenji li hemm attwali.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – Persons of Trust
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena matul l-2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid, wieħed wieħed: min kienu dawn il-persuni u x’pożizzjoni kienu jokkupaw; kemm kien is-salarju annwali tagħhom; x’kienet l-ispiża, sena b’sena fuq il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera), u x’kienet sena b’sena l-ispiża fuq safar tagħhom?
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Id-Dipartiment tal-Kummerċ, l-Awtorita’ dwar il-Lotteriji u l-Logħob , Malta Enterprise, Kordin Grain Terminal u l-Bord tal-Koperattivi ma kellhomx persuni ta’ fiduċja bejn l-2004 u l-2012.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ x’sar mill-Gvern matul l-aħħar 12-il xahar dwar il-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-EXPO 2015?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Frar 2014 inħatar il-Kummissarju Ġenerali ta’ Malta għall-Expo li huwa responsabbli mill-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-Expo sabiex setgħu jibdew id-diskussjonijiet mal-Organizzaturi tal-Expo dwar il-lokazzjoni tal-Padiljun ta’ Malta, it-tqassim tiegħu, il-kirja, u arranġamenti relatati sakemm ġie ffirmat il-kuntratt uffiċjali tal-parteċipazzjoni fl-aħħar ta’ Frar 2014.
Wara li Malta ġiet allokata il-Padiljun, bdew ukoll il-preparamenti fuq tema sabiex din tiġi approvata mill-Organizzaturi. Fl-istess ħin tkomplew ukoll laqgħat kemm mal-Organizzaturi tal-Expo kif ukoll mal-pajjiżi parteċipanti l-oħra fil-Cluster sabiex naraw kif nistgħu nibbenefikaw mill-pjazza komuni li hemm f’nofs il-Cluster.
Wara li kienet ġiet approvata it-tema ta’ Malta mill-Organizzaturi, inħarġet sejħa (tender) għad-disinn u outfitting tal-intern tal-Padiljun li kien ibbażat fuq kunċett marbut man-naħal u l-għasel. Bdew ukoll diskussjonijiet mal-PBS sabiex jibdew jipproduċu filmati qosra b’temi speċifiċi li ser jintwerew fuq il-Padiljun, u tnedew ukoll diskussjonijiet ma’ Istitut tal-IT tal-MCAST li ser jieħu ħsieb il-programming tat-touchscreens fejn ser ikun hemm informazzjoni estensiva dwar storja, kultura, ikel, kummerċ, u turiżmu fost temi oħra.
Il-Padiljun ngħata lil Malta uffiċjalment fis-6 ta’ Frar ta’ din is-sena però għadhom għaddejjin diskussjonijet mal-Organizzaturi sabiex jitwasslu s-servizzi ta’ dawl u ilma sabiex il-kuntrattur ikun jista jibda jarma s-sett fil-post u biex jibda xogħol ieħor ta’ tisbiħ minn ġewwa. Ħarget sejħa għall-personnel li ser ikun hemm fuq il-Padiljun matul is-sitt xhur tal-Expo u bħalissa għaddejjin bl-interviews. Qed jitfassal ukoll pjan għal attivitajiet marbutin mal-ġurnata nazzjonali ta’ Malta li ser issir fis-16 ta’ Lulju 2015.
Apparti minn hekk, hemm ħsieb ukoll li jsiru attivitajiet oħra f’Milan li jkunu business- related u għal dan il-għan qed tintuża il-pjattaforma Expo Business Matching li twaqqfet mill-Organizzaturi bil-parteċipazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Milan. L-Organizzaturi tal-Expo għadhom jippreparaw aktar informazzjoni u regolamenti dwar postijiet fl-Expo site li jistgħu jintużaw mill-parteċipanti għall-attivitajiet tagħhom matul iż-żmien tal-Expo, kif ukoll dwar opportunitajiet għall-kummerċ ta’ ikel Malti. Ladarba jkun hemm din l-informazzjoni, jibdew isiru wkoll preparamenti għal attivitajiet li jkunu jistgħu jiġu organizzati.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ x’intefaq mill-Gvern s’issa in konnessjoni mal-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-EXPO 2015 u għal kull spiża jgħid jekk din saritx permezz ta’ tender jew direct order?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa s’issa kienet tikkonsisti f’€246,500 li hija l-kirja ta’ sitt xhur tal-Padiljun mingħand l-Organizzaturi. Kien hemm ukoll €80,811.70 li huwa l-ewwel pagament lill-kuntrattur li qed jaħdem fuq is-sett u l-outfitting tal-Padiljun minn ġewwa. Tħallas ukoll depożitu ta’ €26,784 għal appartamenti fl-Expo Village li l-Organizzaturi bnew għall-parteċipanti fejn ikunu jistgħu joqogħdu l-ħaddiema li ser ikun hemm fuq il-Padiljuni. Il-Padiljun u l-appartamenti ittieħdu direttament mingħand l-Organizzaturi skont ir-regolamenti tal-Expo. Fil-waqt li d-disinn u l-outfitting tal-Padiljun ingħata wara li ħarġet tender pubblika.
Matul is-sena li għaddiet tħallsu wkoll €9,000 fuq vjaġġi, akkomodazzjoni, u trasport intern għall-Kummissarju ta’ Malta u Project Leader sabiex dawn setgħu jmorru għal-laqghat li l-Organizzaturi tal-Expo sejħu matul is-sena kollha f’diversi lokalitajiet tal-Italja kif ukoll laqgħa fi Brussell. F’dan il-każ kien hemm ġbir ta’ quotations għall-akkomodazzjoni u mingħand linji tal-ajru fuq bażi ekonomika.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u l-Intrapriżi Żgħar – pagamenti mħallsa
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ pagamenti ta’ aktar minn €2,000 li saru matul is-sena 2014 mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet li jaqgħu fd-dekasteru tiegħu, u għal kull każ jgħid:
(a) id-data meta sar il-pagament;
(b) min irċieva l-pagament;
(ċ) għal xiex tħallas il-pagament;
(d) min approva l-ispiża; u
(e) il-pagament kienx qed isir wara li min tħallas kien rebaħ tender jew intgħażilx b’mod dirett?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – persuni inġaġġati f’position of trust
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14117, jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-persuni li ġew ingaġġati f'position of trust mid-dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li hu jmexxi, bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-31 ta' Jannar 2015?
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.