Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sigurta' Soċjali — Familji b'ħamest itfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn familji li għandhom ħamest itfal li l-eta' tagħhom hi ta' inqas minn 16-il sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li n-numru ta' familji li għandhom ħamest itfal jew aktar, li l-eta' tagħhom hija ta' anqas minn sittax-il sena u li jirċievu l-'Allowance' tat-Tfal huwa ta' 227. Billi familji li d-dħul tagħhom jaqbeż l-'means test' għall-'Allowance' tat-tfal jagħżlu li ma jagħmlux talba, d-Dipartiment mhux f'pożizzjoni li jindika n-numru sħiħ ta' familji f'Malta li għandhom aktar minn ħamest itfal li l-eta' tagħhom hija anqas minn 16 il-sena. 3.12.98

Djar — Tiswijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li flat li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament jiġi rranġat l-aktar it-tieqa tal-komun, u jiġi mbajjad u mkaħħal peress li qiegħed jidħol ħafna ilma tax-xita?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar ser jinvestiga l-każ imqajjem mill-Onor. Interpellant. 3.12.98

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru W5, jista' l-Ministru jara li s-Sinjura, li isimha qed jintbagħat separatament, hijiex se terġa' tmur fil-post li twaqqgħalha, peress li l-post kien tagħha personali u ma ħaditx kumpens?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi m'hemm l-ebda ħsieb li l-persuna indikata terġa tintbgħat fil-post li nbena flok dak li twaqqa' għax dan kontra l-'policy' tad-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Dwar kumpens, il-persuna għanda tmur id-Dipartiment tal-Artijiet u tingħata l-kumpens skond il-liġi. 3.12.98

Sptar San Luqa — Ditta responsabbli mit-tindif

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1579 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi u ċioe' jgħid jekk jafx li d-ditta privata responsabbli mit-tindif fl-Isptar San Luqa: 1) ma tħallasx il-ħaddiema meta jkunu morda; 2) ma tħallasx il-ħaddiema b'rata ta' overtime meta jaħdmu aktar minn 40 siegħa fil-ġimgħa; 3) qed tiskoraġġixxi lill-ħaddiema milli jissieħbu fi trade unions; 4) qed ikollha nuqqas ta' proviżjoni ta' prodotti bħal detergents li huma tant meħtieġa fix-xogħol tagħhom? Jistgħu jitjiebu l-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' dawn il-ħaddiema billi l-Gvern jagħmel dawn bħala kondizzjoni qabel ma jingħata kuntratt ta' tindif?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ħlas lill-ħaddiema meta jkunu morda u ħlas lill-ħaddiema b'rata ta' 'overtime' meta jaħdmu aktar minn 40 siegħa fil-ġimgħa hu possibbli permess ta' regolamenti li joħorġu minn 'Wages Councils' jew minn kundizzjonijiet' miftehma f''Collective Agreement'. Id-ditti tal-'Cleaning Services' għadhom ma jaqgħux taħt 'Wages Councils' u għalhekk mhumiex koperti b'benefiċċji oħrajn minbarra l-'leave' b'vaganza u l-paga minima li huma ġa regolati b''National Standard Orders'. Qiegħed nara x'jista jsir biex is-sistema ta' 'National Standard Orders' tiġi estiża biex tkopri benefiċċji oħrajn minbarra dawk li huma ġa regolati b' 'National Standard Orders'. Madankollu, jien informat li l-ispetturi tad-Dipartiment tax-Xogħol qed jinvestiga il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-'Cleaners' fl-Isptar San Luqa. 3.12.98

Flats tal-Gvern — Ppparkjar ta' muturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk muturi jistgħux jiġu pparkjati fil-parti komuni ta' flattijiet tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-'flats' tal-Gvern jiġu amministrati mid-Dipartiment ta' l-Artijiet, il-mistoqsija l-aħjar li tiġi magħmula lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment ta' l-Artijiet. 3.12.98

Pembroke/Buġibba — Plots

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm plots bejn l-1992 u l-1996 f'Pembroke u Buġibba li l-inkwilini rrinunzjaw għalihom u li għaddew għand kumpanniji tal-bini flok ma nbnew mill-Awtorita' tad-Djar u wara tqassmu? Kemm hi s-somma li tħallset għal kull plot?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-lokalita' ta' Pembroke kien hemm żewġ rinunzji u f'dik ta' Buġibba kien hemm waħda. Dawn it-tlett plots kienu oriġinarjament allokati mill-Awtorita' tad-Djar taħt l-iskemi tagħha tal-'Home Ownership'. Waħda mill-plots ta' Pembroke ġiet allokata bħala maisonettes u garages taħt waħda mill-iskema ta' l-Awtorita' tad-Djar. Il-plot l-oħra ta' Pembroke u dik ta' Buġibba ser jinbnew mill-Awtorita' tad-Djar u ser jiġu allokati taħt skemi ta' l-Awtorita' tad-Djar. Fit-tlett każi, l-Awtorita' tad-Djar ħarġet jew ser toħroġ sejħa għall-offerti biex jiġu żviluppati minn kuntratturi privati fuq pjanti ippreparati mill-istess Awtorita' tad-Djar. 3.12.98

Anzjani — Djar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li oriġinarjament kienu fi djar ta' l-anzjani li ntbagħtu mill-gvern f'dar ta' l-anzjani privata? Liema huma dawn id-djar privati? Kemm persuni ntbagħtu minn djar ta' l-anzjani jew mill-kommunita' u li għalihom iħallas il-gvern? Kemm hu l-ħlas minn kull persuna? Saret kwotazzjoni jew tender qabel intagħżlet id-dar privata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' anzjani li ntbagħtu mill-Gvern f'dar ta' l-anzjani privata kien 19. Dawn l-anzjani li ġew alloġġjati ġo Villa Messina, Rabat, kollha huma residenti tad-Dar ta' l-Anzjani tal-Furjana, li bħalissa qegħda tiġi mkabbra u rinnovata, u li kienu qegħdin allokati temporanjament, kontra kull sens ta' privatezza u dinjita', fid-djar ta' l-anzjani l-oħra. Mhux etiku li tingħata risposta rigward il-ħlas li qed isir għal kull persuna peress li sar ftehim ta' natura kummerċjali mal-prinċipali ta' Villa Messina. Pero' nassigura lill-Onor. Interpellant li l-ħlas li qed isir huwa irħas mill-medja ta' kemm anzjan qiegħed jiswa lill-Gvern fid-Djar ta' l-Anzjani tiegħu. Biex dan l-arranġament sar possibli ngħatat ukoll l-awtorita' mill-Ministeru tal-Finanzi. 3.12.98

Sigurta' soċjali — Għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tintlaqa' t-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, sabiex ikollha s-servizz li jingħata mill-assistenti soċjali każwali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ġie eżaminat mill-Bord li ddeċieda li din il-persuna ma tingħatax is-servizz tal-'Home Help'. 3.12.98

Djar — Tiswijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu rranġati l-gallarijiet tal-post, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, liema talba ilha li ġiet mistħarrġa mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li x-xogħolijiet tal-ħadid tal-gallarijiet ġew approvati mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar u ġie referut lid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi biex isiru ix-xogħolijiet b'Requisition No. DMS6/97/082. Wieħed jittama li x-xogħol ma jdumx ma jitlesta minn dan id-Dipartiment li jaqa' taħt il-Ministeru għall-Ambjent. 3.12.98

Benefiċċji soċjali — Children's allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu maħsub li jibbenefikaw familji mill-miżura meħuda fil-Budget għas-sena 1999, rigward iċ-children's allowance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma li l-Onor. Interpellant li billi s'issa l-ogħla dħul fil-'means test' għall-'Allowance' tat-tfal kien ta' madwar Lm10,000, mhux magħruf eżatt kemm ser jibbenifikaw familji bil-miżura imsemmija. Dan għaliex numru ta' familji jagħżlu li ma jagħmlux talba għall-'Allowance' tat-Tfal peress li jafu li bid-dħul tagħhom ma jikkwalifikawx. 3.12.98

Sigurta' Soċjali — N.I.

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma maħsuba li jinġabru aktar flus mis-sena l-oħra mill-ħlas tal-bolla tan-National Insurance kaġun taż-żieda fil-bolla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li ż-żieda fid-dħul mill-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali fl-1999, b'effett taż-żieda fil-bolla kif imħabbra fid-diskors ta' l-Onor. Ministru tal-Finanzi, hu maħsub li jlaħħaq madwar Lm4.8 miljuni li Lm1.6 miljun minnhom huma bħala State Grant.

Sigurta' Soċjali — Familji bi dħul ta' Lm10,000

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn familji li jiddikjaraw dħul ta' bejn Lm10,000 u Lm13,000 fis-sena u li fl-istess ħin għandhom ħamest itfal? Kemm se tiswa din il-miżura soċjali ġdida?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Numru 2031. 3.12.98

Sptar San Vinċenz de Paule — Sala R.B.3

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif fl-Isptar San Vinċenz de Paule qatt ma kien hemm purtieri fis-sala R.B.3? Meta jaħseb li dawn se jsiru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'din is-sala partikulari RB3 m'hemmx purtieri madwar is-sodod. Hemm ippjanat li f'din is-sala se jitwaħħlu l-purtieri s-sena d-dieħla. Bħalissa f'din ir-residenza għaddej programm ta' twaħħil ta' purtieri fis-swali tan-nisa f'St. Francis Wing li għandhom 'priorita' aktar mis-sala RB3. 3.12.98

Benefiċċji soċjali — Familji b'ġenitur wieħed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn familji b'ġenitur wieħed li jirċievu allowance u li jiddikjaraw li għandhom dħul ta' anqas minn Lm3,000 u kemm se jikkwalifikaw familji ġodda fl-istess kategorija, issa li c-ceiling tela' għal Lm4,000? Kemm se tiswa din il-miżura soċjali ġdida?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-istatistika ta' familji b'ġenitur wieħed li jirċievu xi allowance tat-tfal u li jiddikjaraw li għandhom dħul ta' anqas minn Lm3,000 hi kif ġej: Stat Ċivili tal- persuna li għamlet Dħul dikjarat bejn Dħul dikjarat bejn it-talba u qed Lm0 - Lm2604 Lm2605 - Lm3000 tirċievi l-Allowance ____________________ __________________ ___________________ De Facto Separated 425 18 Divorced 29 1 Legally Separated 959 68 Single 857 49 Widow/er 258 71 TOTAL 2528 207 Tajjeb jingħad li l-istatistika li jżomm id-Dipartiment hija dwar l-istat ċivili ta' l-applikant u mhux kif fil-fatt qed jgħix. Għaldaqstant jista' jkun li għalkemm hawn fuq persuna hija indikata bħala familja b'ġenitur wieħed, fil-fatt hija tkun qed tgħix ma' persuna oħra u ffurmat familja oħra u għalhekk t-test tal-meżżi għal skopijiet ta' l-Allowance tat-tfal ikun sar fuq id-Dħul tal-familja kollha. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant, billi l-miżura mħabbra fid-diskors tal-Budget titratta dwar tibdil fis-ceiling għal skopijiet ta' taxxa fuq id-Dħul, ikun tajjeb li l-mistoqsija tiġi ndirizzata lil Ministru tal-Finanzi. 3.12.98

Reserved parking — Applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal reserved parking tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jaf il-Ministru li din il-persuna li għandha problemi ta' mobility toqgħod fi triq li minnha tidħol għal qalba ta' Paceville u minħabba nuqqas ta' parking u kontestazzjonijiet oħra b'konnessjoni tat-traffic tagħmilha diffiċli li toħroġ minn ġewwa darha anke f'każijiet urġenti ta' mard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. L-applikazzjoni li saret riferenza għalija f'din il-Mistoqsija Parlamentari, ġiet miċħuda mill-Bord tal-Kontroll tat-Traffiku fuq rakkomandazzjoni tal-Bord Keep Clear tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' wara li anke saret żjara fid-dar tal-applikanta. 2. L-ittra li tinforma lil din l-applikanta b'din id-deċiżjoni ġġib id-data tas-17 t'Ottubru 1997. 2.12.98

Ħaddiema impressed

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb tal-Gvern li l-ħaddiema impressed mal-Gvern isiru tal-post mal-gvern? Jekk huwa l-ħsieb, jista' l-Ministru jgħid meta se ssir din il-miżura? Jekk m'huwiex il-ħsieb tal-gvern x'inhi r-raġuni? Fil-preżent kemm jammontaw il-ħaddiema impressed u minn liema lokalitajiet ġejjien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 1115. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata Tweġiba f'xi Seduta oħra. 2.12.98

Sigurta' Soċjali — Kontribuzzjonijiet tan-N.I.

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu każijiet pendenti quddiem il-Qrati ta' Malta/Tribunali relattivi għal ġbir ta' arretrati fil-ħlasijiet tal-kontribuzzjonijiet tan-National Insurance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għad-domanda Parlamentari Nru. 64 li fiha ingħatat l-informazzjoni mitluba. 2.12.98

ETC — Persuni jirreġistraw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni 'l fuq min 40 sena jirreġistraw għax-xogħol illum? Jista' l-Ministru jagħti breakdown taż-żmien li ilhom jirreġistraw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'Ottubru 1998 in-numru ta' persuni 'l fuq minn 40 sena li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kien ta' 2,729. It-tabella ta' hawn taħt turi l-perjodu taż-żmien li ilhom jirreġistraw għax-xogħol. PERJODU OTTUBRU 1998 0 - 1 sena 1,092 1 - 2 snin 548 2 - 3 snin 376 3 - 4 snin 185 4 - 5 snin 146 5 snin u 'l fuq 382 TOTAL 2,729 L-aħħar figuri ppublikati huma ta' Settembru 1998. 2.12.98