Legislature:
Category:
Reset
Active:

Medicines Intelligence and Access Unit

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta twaqqfet il-Medicines Intelligence and Access Unit u x’kienet il-ħtieġa biex jitwaqqaf dan il-unit?

Response (DALLI, HELENA)

Il-Medicines Intelligence and Access Unit twaqqfet f’Novembru 2014. Dan il-Unit huwa responsabbli sabiex jilqa’ ilmenti mingħand pazjenti u professjonisti tas-saħħa, rigward nuqqas ta’ aċċessibilità ta’ mediċini għal diversi raġunijiet, filwaqt li permezz ta’ djalogu effettiv ma’ entitajiet governattivi u msieħba oħra tipprova issib l-aħjar għażla ta’ trattament li hemm fis-suq. Permezz ta’ kollaborazzjoni mal-MCCAA, il-Medicines Intelligence and Access Unit qegħdin fi djalogu kontinwu mal-partijiet interessati fil-qasam farmaċewtiku. Dan id-djalogu qed iservi biex il-prezzijiet tal-mediċini jinżammu baxxi għall-pazjenti u fl-istess waqt il-pubbliku jkollu disponibbli l-medicini essenzjali bi prezz raġjonevoli u xieraq meta mqabbel ma’ pajjiżi oħrajn. Dan qed iwwassal ukoll għal roħs fil-prezzijiet tal-mediċini għall-benefiċċju tal-konsumatur. Permezz ta’ dan il-Unit, l-Awtorità dwar il-Medicini saħħet il-kommunikazzjoni tagħha mas-Central Procurement and Supplies Unit. Dan sar billi ġie pprovdut it-taħriġ meħtieġ lill-ħaddiema fis-CPSU biex jkun jistgħu jirreġistraw il-mediċini huma stess. L-Awtorita` dwar il-Medicini għarfet il-bżonn li tintroduċi ‘fast track procedures’, fejn f’każijiet urġenti l-Awtorità tkun tista’ tevalwa l-liċenzjar ta’ mediċini fl-iqsar żmien possibbli u b’hekk tissimplifika dan il-proċess għall-benefiċċju tal-pazjenti.

Mediċini – informazzjoni lill-konsumaturi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inizjattivi ttieħdu sabiex tinforma l-konsumaturi dwar l-għażla tal-mediċini li hawn fis-suq?

Response (DALLI, HELENA)

Fl-2014 tnehdiet kampanja ‘Il-Mediċini: Ghażla Aħjar Għalik’ mill-Awtorità dwar il-Mediċini flimkien mal-MCCAA. Għal dan l-iskop, il-Medicines Intelligence and Access Unit qed jagħtu informazzjoni lill-konsumatur dwar mediċini alternattivi u kif wieħed jista’ flimkien mat-tabib jew l-ispiżjar tiegħu jiddiskuti l-għażla bejn il-mediċini. Din il-kampanja għadha għaddejja billi lista ta’ dawn il-mediċini qiegħda tiġi riveduta u ppublikata minn żmien għal żmien. Sabiex l-Awtorità dwar il-Mediċini tkun qrib il-pubbliku, professjonisti mill-Awtorità dwar il-Mediċini qegħdin kontinwament jipparteċipaw fi programmi televiżivi u fuq ir-radju sabiex jinfurmaw u jedukaw il-konsumaturi dwar l-għażla tal-mediċini. L- Awtorità dwar il-Mediċini saħħet ukoll il-lista tal-mediċini awtorizzati li hija disponnibli fuq is-sit elettroniku sabiex tipprovdi informazzjoni lill-konsumaturi bl-aħħar awtorizzazzjonijiet tal-mediċini. Sabiex tiġi assigurata li l-konsumatur jingħata l-għajnuna meħtieġa tnehdiet helpline fejn il-konsumaturi jistgħu jċemplu u jiksbu informazzjoni minn professjonisti fil-qasam tas-saħħa.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inizjattivi qed jieħu l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur sabiex il-konsumatur Malti jkun protett bħal dak Ewropew?

Response (DALLI, HELENA)

L-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur għandu fir-responsabbiltà tiegħu l-funzjonijiet tal-Uffiċċju Uniku ta’ Kooperazzjoni f’Malta responsabbli biex jikkoordina l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Koperazzjoni u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC) kif ukoll tal-Awtorità Kompetenti f’numru ta’ Direttivi li jaqgħu taħt l-istess Regolament. Permezz ta’ din il-funzjoni, l-Uffiċċju jipparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet tas-CPC fosthom: · CPC Sweeps – is-sweep huwa eżerċizzju fuq numru ta’ siti elettroniċi li ilu jsir mill-2006. F’dan l-eżerċizzju jintgħażel settur jew suġġett li jkun qed jinkwieta l-aktar lill-konsumaturi Ewropew. Bħala eżempju, f’dawn l-aħħar sentejn is-sweeps kienu jikkonċernaw garanziji legali u kummerċjali, u servizzi tal-ivjaġġar. L-eżerċizzju jitwettaq fl-istess perjodu mill-istati membri fejn siti elettroniċi li jinstabu li ma jkunux qed isegwu l-obbligazzjonijiet legali tagħhom skont il-liġijiet Ewropew jiġu segwiti u tittieħed azzjoni legali kontrihom jekk ma jirregolarizzawx ruħhom. · CPC Common Enforcement Actions - dawn l-azzjonijiet ta’ nfurzar huma azzjonijiet riċenti fejn l-istati membri flimkien mal-Kummissjoni Ewropea jingħaqdu flimkien biex jindirizzaw setturi speċifiċi li jkunu qed jaffetwaw il-konsumaturi Ewropew. S’issa saru żewġ azzjonijiet, dak tal-in app purchases u tal-car rentals. Malta tat kontribuzzjoni f’dawn iż-żewġ azzjonijiet, fejn permezz tagħhom kumpaniji kbar fiż-żewġ setturi rregolarizzaw is-siti elettroniċi fejn kien kemm prattiċi nġusti kif ukoll termini u kundizzjonijiet żleali. · CPC Common Activities - dawn l-attivitajiet jieħdu sehem fihom numru ta’ stati membri u jindirizzaw diversi suġġetti relatati mal-konsumatur. Fosthom, l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur bħalissa qed jipparteċipa f’żewġ attivitajiet li jirrigwardaw termini u kundizzjonijiet żleali kif ukoll attività fejn qed jingħata taħriġ fuq diversi metodi biex tiġbor evidenza ta’ prattiċi nġusti fid-dinja diġitali. Fiż-żewġ attivitajiet il-parteċipanti jingħataw iċ-ċans li jaqsmu bejniethom esperjenzi u każijiet relatati. Malta tipparteċipa b’mod attiv u saħansitra wieħed mill-workshops sar ġewwa Malta. L-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur ġieli wkoll ħa sehem f’dak li jissejjaħ exchange of officials fejn kemm uffiċjali Maltin ingħataw esperjenza barra minn Malta, u anke saret l-istess esperjenza ta’ uffiċjali minn stati membri ġewwa Malta. Dawn l-attivitajiet jgħinu ħafna sabiex uffiċjali jaqsmu esperjenzi li jkunu ta’ frott għal kif jiġu implimentati diversi liġijiet li jikkonċernaw il-konsumatur. L-Uffiċċju huwa wkoll membru fil-Consumer Protection Network, fil-Consumer Markets Expert Group, u expert groups oħra li jirrelataw ma’ oqsma oħra fosthom dawk ta’ kreditu tal-konsumatur u self fuq id-djar. Bħala Uffiċċju responsabbli f’dak li jirrigwarda drittijiet tal-passiġġieri, l-Uffiċċju huwa obbligat li jieħu sehem f’numru ta’ laqgħat li jsiru regolarment matul is-sena. L-Uffiċċju jipparteċipa wkoll f’laqgħat kull meta jkunu qed jiġu diskussi Direttivi jew Regolamenti Ewropew ġodda, kif ukoll fejn ikunu qed jiġu diskussi proposti ta’ emendi fuq numru ta’ Regolamenti jew Direttivi li jikkonċernaw il-konsumatur.

Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol — seminars

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru seminars ta’ informazzjoni lill-pubbliku mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol bejn l-2014 u l- 2015, liema suġġetti ġew diskussi u kemm intlaħqu nies b’dawn l-inizjattivi?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati u ngaġġati persuni mill-Ministeru u mid-dekasteri varji li jaqgħu taħtha tul din is-sena sa Settembru 2015?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li minn Jannar sa Settembru 2015 kienu ingaġġati u impjegati tmienja u għoxrin (28) persuna.

Strateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni 2015-2020

Question

Tistà l-Ministru tinforma lill-Kamra dwar xi rwol għandu l-Forum għall-Affarijiet tal-Integrazzjoni fil-passi li jmiss lejn l-Istrateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni 2015-2020?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li waħda mill-proposti elettorali ta’ dan il-gvern kienet dik li jitwaqqaf kunsill konsultattiv għall-komunitajiet barranin. Fl-ambitu tax-xogħol li qed isir sabiex Malta tadotta Strateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni tal-Immigranti għall-ħames snin li ġejjin, il-Ministeru tiegħi waqqaf Forum għall-Affarijiet tal-Integrazzjoni. Dan il-Forum jinkludi membri minn diversi komunitajiet barranin f’pajjiżna, minn pajjiżi u kontinenti differenti bil-għan li jinforma l-Ministeru dwar il-problemi li immigranti jħabbtu wiċċhom magħhom kif ukoll dwar il-bżonnijiet li huma għandhom sabiex l-integrazzjoni verament tkun tista’ sseħħ.

Protokolli dwar adozzjoni minn koppji tal-istess sess

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra fiex wasal pajjiżna fil-ħidma sabiex jistabbilixxi protokolli ma’ pajjiżi terzi li jippermettu l-adozzjoni minn koppji tal-istess sess?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Saħħa ta’ persuni trans

Question

Tista’ l-Ministru tindika x’inhu l-eżitu tal-ħidma ta’ Kumitat li qed jevalwa x’jista’ jsir mill-pajjiż sabiex is-saħħa ta’ persuni trans tkun inkluża fis-servizz tas-saħħa nazzjonali u x’direzzjoni ħa s’issa?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill- Onorevoli interpellat illi ġie iffurmat grupp ta’ ħidma magħmul minn esperti fl-oqsma relevanti. Dan il-grupp iltaqa’ diversi drabi biex jinħadmu protokolli ta’ kif għandu jitwaqqaf it-tali servizz. Inħadmu wkoll l-estimi finanzjari relatati ma’ dan is-servizz.

Drittijiet ta’ persuni gay, leżbjani, bisesswali, trans, intersess, u genderqueer

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-passi li se tkun qed tieħu Malta sabiex id-drittijiet tal-persuni gay, leżbjani, bisesswali, trans, intersess, u genderqueer, fejn Malta llum tinsab fuq quddiemnett, ikunu rikonoxxuti internazzjonalment?

Response (DALLI, HELENA)

Malta llum tinstab fil-quċċata Ewropea u dinija f’dal-qasam grazzi għall-mod sistematiku li ħadem bih il-Gvern u l-pariri siewja tal-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ. Dan hu rikonoxxut internazzjonalment u rifless fil-mod kif istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet internazzjonali jirriflettu xogħolna f’dal-qasam. Bħalma hu indikat fil-Pjan ta’ Azzjoni LGBTIQ 2015 – 2017, Malta mhux qiegħda tavvanza din il-politika fuq livell nazzjonali biss, iżda qed tkun attiva fuq livell internazzjonali. Il-miżuri li qed niffukaw fuqhom fuq livell internazzjonali huma: · L-addozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni dwar kwistjonijiet LGBTIQ fuq livell Ewropew, speċjalment bi sħab mal-gvern Olandiż u gvernijiet oħra firmatarji tat-talba għall-approċċ komrensiv LGBT; · Id-dħul ta’ Malta fil-Core Group tan-Nazzjonijiet Magħquda dedikat għad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ; · L-għoti ta’ vuċi għad-drittijiet tal-persuni trans, genderqueer u intersess, inkluż sapport għat-tneħħija tal-identitajiet u l-karatteristiċi tas-sess tagħhom mill-manwali ta’ patoloġiji; · Viżibbilità waqt il-laqgħat taċ-CHOGM li se jkunu qed isiru f’Malta u viżibbilità waqt il-Presidenza Ewropea mmexxija minn Malta.

Awtorità dwar il-Mediċini — funzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-funzjonijiet tal-Awtorità dwar il-Mediċini?

Response (DALLI, HELENA)

L-Awtorità dwar il-Mediċini għandha l-għan li tipproteġi u tħares is-saħħa pubblika. Dan isir permezz tar-regolamentazzjoni tal-medicini u l-attivitajiet farmacewtiċi. Bħala Awtorità tassisti u tagħti pariri lill-Awtorità dwar il-Liċenzjar fuq kull ma jirrigwarda r-regolament ta’ prodotti mediċinali u attivitajiet relatati. Din hija responsabbli wkoll biex tikseb u tivvaluta informazzjoni dwar is-sigurezza, il-kwalità u l-effikaċja qabel ma’ tinħareġ liċenzja għal prodott mediċinali u anke wara l-awtorizazzjoni tal-prodotti permezz ta’ proċeduri stabiliti kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej. Dan jinkludi il-ħrug, it-tneħħija, varjazzjoni, revokazzjoni jew sospensjoni relatati mal-liċenzji u l-awtorizzazzjoni tal-prodotti. L-Awtorità’ għandha rwol biex tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Awtorità dwar il-Liċenzjar fuq standards u liċenzjar, kif ukoll, tagħti parir lill-Awtorità dwar il-Liċenzjar fuq il-prekawzjonijiet jew restrizzjonijiet li prodotti mediċinali jistgħu jkunu soġġetti għalihom għat-tqegħid tagħhom fis-suq jew għall-użu kontinwu tagħhom f’Malta. Funzjoni oħra tal-Awtorità hija li jsiru spezzjonijiet lid-distributuri, manifatturi/importaturi u spiżeriji sabiex ikunu jistgħu jinħarġu il-liċenzji, isir it-tiġdid tal-liċenzji jew xi varjazzjoni. L-Awtorità dwar il-Medicini twettaq attivitajiet ta’ infurzar skont l-Att tal-Medicini 2003. L-Awtorità tagħti lill-industrija u lill-istakeholders kollha biex tiżdied l-aċċessibilita’ tal-mediċini fuq is-suq Malti għal-benefiċċju tal-konsumatur.

Awtorità dwar il-Mediċini – xogħol fil-qasam Ewropew

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, fi ħdan l-Awtorità dwar il-Mediċini, x’tip ta’ xogħol qed isir fil-qasam Ewropew?

Response (DALLI, HELENA)

L-Awtorità tal-Mediċini tagħmel xogħol ukoll Ewropew. L-Awtorità tevalwa applikazzjonijiet fejn Malta tintaghżel biex tkun Stat Membru ta’ Referenza, jiġifieri li Malta tintgħażel qalb l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropeja sabiex tevalwa l-benefiċċji u r-riskji ta’ prodotti mediċinali qabel ma jitpoġġew fuq is-suq Ewropew. L-Awtorità bħalissa qed tevalwa il-mitejn applikazzjoni bħala Stat Membru ta’ Referenza. Il-mizuri li hadet l-Awtorita biex terga tibda tigbed xoghol t’assessjar lejn Malta, għenu biex l-Awtorità issaħħaħ is-sostenibilità tagħha li jwassal għal aktar benefiċċji għall-pazjent. Dawn il-flus jiġu prinċiparjament minn kumpaniji bbażżati barra minn Malta. L-Awtorità dwar il-Medicini saħħet ukoll il-proċedura li kellha biex tagħti pariri xjentifiċi. Dan l-aħħar l-Awtorità għamlet l-ewwel proċedura biex tagħti pariri xjentifiċi flimkien mal-Awtorità tal-mediċini tal-Awstrija. Professjonisti tal-Awtorità ipparteċipaw u taw evalwazzjoni xjentifika fi Vienna lill-applikant li qed jiżvilupa mediċina għal kura ta’ marda rari bl-isem ta’ Duchenne’s Muscular Dystrophy li taffetwa tifel minn kull 3,600. Din hija waħda mill-ewwel pariri xjentifiċi li ngħataw b'kollaborazzjoni bejn żewġ awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni Ewropeja, b’hekk flok kumpanija kella żewġ pariri differenti, għanda parir wieħed konsolidat, u dan jissimplifika il-proċess ta’ riċerka u innovazzjoni. L-Awtorità qed tagħti kontribuzzjoni ukoll fl-evalwazzjoni tar-rapporti tekniċi li wasslet għall-opinjoni pożittiva li rrakomandat l-awtorizzazzjoni tal-prodott Raxone biex jitpoġġa fuq is-suq. Malta kienet involuta fl-evalwazzjoni ta’ din il-mediċina li hija indikata ghat-trattament ta’ indeboliment fil-vista f’pazjenti bil-Leber’s Heriditary Optic Neuropathy. Il-benefiċċji ta’ Raxone huma li jtejbu il-vista f’pazjenti b’din il-kundizzjoni speċifika.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — konsulenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-konsulenti (individwi jew kumpaniji) li qed jagħtu servizz lill-Ministeru, Segretarjat Parlamentari jew entità li taqa’ taħt ir-responsabilità tagħha fl-aħħar 12-il xahar? Għal liema skop qed tingħata din il-konsulenza? Kemm tħallsu għal din il-konsulenza xahar b’xahar fl-aħħar 12-il xahar? Dan is-servizz ingħata wara sejħa għall-offerti jew b’direct order?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Nofsinhar ta’ Malta – inizjattivi favur l-ambjent

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inizjattivi saru jew ser isiru favur l-ambjent fin-Nofsinhar ta’ Malta, bl-involviment tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Kunsill Konsultattiv Għan-Nofsinhar ta’ Malta (KKNM) wettaq numru ta’ proġetti u iniżjattivi, fosthom: ‘Ġnien il-Qari’ f’ Bir Miftuħ il-Gudja u r-riabilitazzjoni ta’ zona oħra ddedikata għall-qari f’Sta Lucia, liema proġetti jinkludu t-tħawwil ta’ siġar taz-zebbuġ b’valur ta’ €10,000, bi sħubija mal-Privat. Għaddejj ukoll il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ tender sabiex isiru studji xjentifiċi li jwasslu għar-riabilitazzjoni ta’ Wied Blandun. Il-KKNM iffirma Memorandum of Understanding mal-Kunsill lokali tal-Birgu biex isiru l-applikazzjonijiet u preparazzjonijiet neċessarji għal fondi Ewropej sabiex zona partikolari f’din il-belt tkun riġenerata fi spazju miftuħ għar-rikreazzjoni. Aktar tard din is-sena ser tkun varata skema għal kunsilli lokali tar-reġjun sabiex jitħawlu aktar siġar indiġeni f’din iz-zona.

Nofsinhar ta’ Malta – inizjattivi biex tissaħħaħ l-attività turistika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi proġetti jew inizjattivi saru jew ser isiru sabiex tissaħħaħ l-attività turistika fin-Nofsinhar ta’ Malta, bl-involviment tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor. Interpellant li wara li l-Kunsill Konsultattiv Għan-Nofsinhar ta’ Malta (KKNM) organizza konferenza għal tkabbir sostenibbli fit-turizmu bil-parteċipazzjoni tal-Ministeru għat-Turizmu, il-Kunsilli Lokali ta’ dan ir-reġjun u l-stakeholders rispettivi b’rizultat li flimkien mal-Minsteru għat-Turizmu, qiegħed isir xogħol fuq zewġ iniżjattivi: waħda sabiex jkun hemm aktar akkomodazzjonijiet turistiċi sostenibbli, u l-iniżjattiva l-oħra hija dwar aċċess aħjar għal informazzjoni relatata mal-postijiet storiċi u ta’ interess.

Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta u l-Kunsilli Lokali fin-Nofsinhar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sinerġija u x’livell ta’ konsultazzjoni hemm bejn il-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta u l-kunsilli lokali fin-Nofsinhar?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor. Interpellat li l-Kunsill Konsultattiv Għan-Nofsinhar ta’ Malta jagħmel laqgħat mal-kunsilli lokali fuq bazi regolari.

Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta – proġetti infrastrutturali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi proġetti ta’ natura infrastrutturali, bi sħab mal-privat, qegħdin jiġu kkunsidrati li jsiru permezz tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor. interpellat li l-Kunsill Konsultattiv Għan-Nofsinhar ta’ Malta bħalissa għaddej bi proċess ta’ identifikazzjoni ta’ siti tal-Gvern li huma ekonomikament vijabbli għal proġetti bi sħubija mal-privat, kif wkoll f’diskussjonijiet mal-kunsilli rispettivi u Projects Malta.

Liġi tal-unjoni ċivili, liġi tal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess f’Malta u Għawdex

Question

Tistà l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm il-koppja bbenefikat mil-Liġi tal-Unjoni Ċivili u mil-Liġi tal-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess f’Malta u f’Għawdex? Tista’ speċifikament tgħid kemm-il: · koppja daħlet f’unjoni ċivili f’Malta; · koppja daħlet f’unjoni ċivili barra minn Malta u rreġistrat l-istatus tagħha f’Malta; · koppja tal-istess sess iżżewġet barra minn Malta u rreġistrat l-istatus tagħha f’Malta; · koppja tal-istess sess applikat sabiex tkun ikkunsidrata għall-adozzjoni; · individwu bidel il-ġeneru uffiċjali tiegħu fuq iċ-ċertifikat tat-twelid?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella hawn taht: Kemm il-koppja dahlet f’unjoni civili f’Malta 56 (Malta) 5 (Ghawdex) Kemm il-koppja daħlet f’unjoni ċivili barra minn Malta u rreġistrat l-i status tagħha f’Malta 10 (Malta) Kemm il-koppja tal-istess sess iżżewġet barra minn Malta u rreġistrat l-i status tagħha f’Malta 12 (Malta) Kemm il-koppja tal-istess sess applikat sabiex tkun ikkunsidrata għall-adozzjoni. 1 Kemm il-individwu bidel il-ġeneru uffiċjali tiegħu fuq iċ-ċertifikat tat-twelid? 36 (wara d-dħul ta Att 540) 57 (b’kollox)

Drittijiet tal-bniedem

Question

Tistà l-Ministru tinforma lill-Kamra dwar x’inhuma l-prijoritajiet fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem li Malta se tkun qed timbotta waqt il-Presidenza Ewropea fl-2017 sabiex tkun kommessa azzjoni Ewropea dwarhom?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-isfond ta’ diversi skambji li saru bejn il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenziji rispettivi tagħha, kif ukoll fl-ambitu tax-xogħol li qed isir lokalment, kien deċiż li Malta tiffoka fuq żewġ prijoritajiet waqt il-Presidenza tagħha, li huma il-vjolenza kontra n-nisa, u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ. Dwar l-ewwel punt, se jkun propost qbil bejn l-istati membri għal bżonn ta’ miżuri Ewropej dwar il-vjolenza kontra n-nisa b’mod sistematiku. Il-Ministeru tiegħi se jkun qed jaħdem mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, kif ukoll l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali li diġà għamlu diversi studji f’dal-qasam u li wrew kemm is-sitwazzjoni hija mwierha madwar l-Ewropa kollha. Dwar it-tieni punt, Malta se tkun qed tfittex qbil għal politika Ewropea komprensiva u sistematika li tavvanza d-drittijiet indaqs għal persuni gay, liżbjani, bisesswali, trans u intersess. Mill-ġdid il-Ministeru tiegħi se jkun qed jaħdem mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali li ħadet ħsieb l-akbar servej li qatt sar ma persuni LGBT, u li għandi informazzjoni li waslet sabiex tippublika servej mal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-istati membri. Malta qegħda f’pożizzjoni tajba sabiex tavvanza dawn iż-żewġ politiki minħabba li fuq livell Ewropew Malta spiss tissemma bħala l-aħjar prattika fiż-żewġ oqsma sforz il-mod sistematiku li qed naħdmu bih.

Raħal Ġdid –Riġenerazzjoni tal-Pjazza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju wasal il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor. Interpellant li wara li l-Kunsill Konsultattiv Għan-Nofsinhar ta’ Malta (KKNM) lesta l-proċess ta konsultazzjoni ma l-entitajiet konċernati, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-pubblikazzjoni tat-tender u l-permessi tal-MEPA.

Employment and Industrial Relations Act — Emendi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14415, tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm xi żvilupp fuq l-emendi għall-Kapitolu 452 tal-Liġijiet ta’ Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-diskussjonijiet fil-bord għadhom għaddejjin u hekk kif il-Ministeru jirċievi l-proposti tal-bord jkun jista’ jimxi għal emendi meħtieġa fl-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.