Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #18218 Sitting 376 2006-04-24 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sannat Special Unit — Persuni b'Diżabilita'

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se jsir l-upgrading u żvilupp tas-Sannat Special Unit sabiex jaqdu l-bżonnijiet tal-persuni b'diżabilita' li jattendu din il-unit?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 17716.
Leg 10 PQ #18221 Sitting 376 2006-04-24 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Track tal-Korsa taż-Żwiemel

Question

B'riferenza għall-ammont mensili li jingħata mill-Ministru għad-diesel sabiex it-track tal-korsa taż-żwiemel tiġi ppreparata għat-tiġrijiet u peress li d-diesel għola u se jkompli jogħla, ma taħsibx il-Ministru allura li l-ammont li jingħata għad-diesel għandu jiżdied ukoll?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-allokazzjoni għall-fuel li tingħata lil Gozo Horse Racing Associationsabiex it-track tal-korsa tiġi ppreparata għat-tiġrijiet żdieded bi 25% biex tkopri ż-żieda fil-prezz tad-diesel.
Leg 10 PQ #18222 Sitting 376 2006-04-24 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — San Lawrenz

Question

B'riferenza għax-xogħlijiet li qed isiru fit-triq mir-Rabat għal San Lawrenz, tista' il-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-mina li tifforma parti mill-akkwadot hijiex se tintmess jew le?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-mina li tifforma parti mill-akkwadot fit-triq bejn ir-Rabat u San Lawrenz ser titħalla fejn hi.
Leg 10 PQ #18086 Sitting 374 2006-04-04 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Biċċerija ta' Għawdex

Question

Tista' il-Ministru tgħid fiex waslu x-xogħlijiet fil-biċċerija ta' Għawdex u meta se tibda tiffunzjona biex taqdi l-bżonnijiet ta' l-Għawdxin?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li wara li kienet inħarġet offerta għal xogħolijiet strutturali fil-biċċerija, liema xogħol ġie finaliżżat, fil-frattemp kien hemm ghaddej ukoll il-proċess ta' tender għad-'Disinjar, provvista, stallazzjoni, ittestjar u kummissjonar ta' tagħmir għas-slaughtering line u servizzi anċillari fil-Biċċerija Ċivili fix-Xewkija'. Dawn l-offerti bħalissa qegħdin fl-istadju ta' evalwazzjoni. Il-biċċerija tkun tista' tibda tiffunzjona mill-ġdid meta jitlesta x-xogħol ta' din l-offerta li skond l-istess offerta m'għandux ikun aktar minn 183 ġurnata mid-data ta' l-aċċettazzjoni.
Leg 10 PQ #18069 Sitting 373 2006-04-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija — Skola Primarja

Question

Peress li l-iskola primarja Rosa Magro fix-Xewkija, Għawdex għandha diversi ħsarat strutturali li jenħtieġu attenzjoni immedjata, liema ħsarat huma ta' periklu għat-tfal u l-ġenituri jinsabu nkwetati ħafna dwar dan u peress li minn informazzjoni li ngħatat fiċ-ċerimonja ta' l-għoti tal-premjijiet nhar il-Ġimgħa li għaddiet ġie mħabbar li se jsiru xi xogħlijiet, tista' il-Ministru telenka x-xogħlijiet li se jsiru, tgħid x'tenders ingħataw, meta se jinbeda x-xogħol u meta hu previst li jitlesta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ma jirriżultax li hemm ħsarat strutturali li huma ta’ periklu għat-tfal. a) Ix-xogħlijiet ppjanati huma: i) Qlugħ tad-dawl u installar mill-ġdid kemm tad-dawl kif ukoll ta’ dawk is-servizzi msejħin ‘low voltage’ u jinkludi wkoll sistema ta’ ‘fire/smoke detection and alarm’, CCTV; ii) Tikħil u tibjid ta’ kullimkien; iii) Irranġar tal-ħsara fil-kolonni, liema ħsara fil-preżent ma hijiex ta’ natura strutturali u m’hi ta’ ebda periklu għal persuni li jiffrekwentaw l-iskola; iv) Irranġar tal-bjut, inkluż dak tas-sala, tqegħid tal-‘waterproofing membrane’; v) Installazzjoni ta’ faċilitajiet sanitarji ġodda; vi) Upgrading komplet tas-sala ta’ l-iskola inkluż; dawl u sound; vii) Aperturi ta’ l-aluminium biex jingħalaq il-kurridur t’isfel; viii) Xogħol biex il-basement jiġi kkonvertit fi kmamar utilizzabli. Dan jinkludi xogħol ta’ ‘damp proofing’ ukoll. b) Intbagħtu d-dokumenti tat-tender lid-Dipartiment tal-Kuntratti għal ħafna mix-xogħolijiet imsemmija hawn fuq, liema tender hu stmat li ser jiswa madwar Lm135,000. Għal xogħolijiet oħra li jiswew anqas minn Lm20,000 hu maħsub li jinħarġu tenders Dipartimentali. c) Hu mistenni li x-xogħol li l-aktar jista’ jtellef il-ħidma ta’ l-iskola jibda fil-bidu tal-vaganzi tas-sajf. Xogħol li ma jtellifx l-andament tal-iskola jibda kif jiġu aċċettati l-offerti. d) Hu previst li xogħol jitlesta sa qabel tibda s-sena skolastika l-ġdida.
Leg 10 PQ #18072 Sitting 373 2006-04-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Tenders

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm inħarġu u ngħataw tenders fl-2005 mill-Ministeru, għal-liema xogħol, min ħa t-tender, kemm ġie jiswa x-xogħol u kemm dam biex sar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni qed tinġabar u għaldaqstant risposta tingħata f’seduta oħra.
Leg 10 PQ #18073 Sitting 373 2006-04-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Direct Orders

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm ingħata xogħol b'direct order mill-Ministeru fl-2005, għal-liema xogħol, min għamlu, kemm ġie jiswa x-xogħol u kemm dam biex sar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #18133 Sitting 373 2006-04-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Servizz ta' helicopter

Question

Tista' il-Ministru tikkonferma li s-servizz tal-helicopter f'Għawdex għal darb'oħra reġa' ġie sospiż? X'inhi r-raġuni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 17984 li ngħatat fis-seduta Nru. 370.
Leg 10 PQ #17837 Sitting 370 2006-03-27 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Impjant għat-trattament tad-Drenaġġ

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta hu mistenni li jitlesta l-proġett ta' l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ li għandu jsir f'Għawdex? Sa meta suppost jitlesta skond il-ftehim ma' l-Unjoni Ewropea?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-proġett tal-impjant għat-trattament tad-drenaġġ kien ippjanat li jitlesta għall-aħħar tas-sena 2006, imma minħabba diversi ċirkustanzi li ma kienx hemm kontroll fuqhom, hu mistenni li jitlesta lejn il-bidu tal-2007.
Leg 10 PQ #17847 Sitting 370 2006-03-27 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Pjan ta' Żvilupp

Question

Nirriferi lill-Ministru għat-tweġiba li tatni fit-3 ta' Ottubru 2005 għall-mistoqsija parlamentari 14471 fejn kont tlabtha tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjan ta' żvilupp għal Għawdex. Peress li fit-tweġiba tagħha kienet qalet li l-pjan kien għadu fi stadju ta' konsultazzjoni interna, issa li wara sena u nofs ta' konsultazzjoni din ġiet konkluża, tista' il-Ministru tpoġġi kopja ta' dan il-pjan fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li għadni minix f’pożizzjoni li npoġġi kopja tal-pjan ta’ żvilupp fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #17834 Sitting 369 2006-03-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Pjan ta' Żvilupp

Question

Nirriferi lill-Ministru għal sintesi ta' l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp għal Għawdex li dehret fil-ħarġa ta' The Gozo Observer ta' Diċembru 2005 fejn jingħad fost l-oħrajn li l-issues ta' governanza pubblika "jenħtieġu miżuri mmirati lejn governanza pubblika, iktar effiċjenza u effettivita'". Il-pjan jenfasizza li fil-qalba ta' governanza f'Għawdex għandu jkun id-dimensjoni reġjonali, li permezz tagħha jkunu stabiliti u implimentati prioritajiet u miżuri li jirrikonoxxu l-karatteristiċi, il-kapaċitajiet u l-bżonnijiet distinti ta' Għawdex, tista' il-Ministru tgħid x'inhuma l-miżuri konkreti u implimentabbli proprosti fil-pjan f'dan ir-rigward?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li peress li r-ristrutturazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex sabiex tissodisfa l-bżonnijiet distinti ta' Għawdex skond il-pjan imsemmi għadha qiegħda tiġi mfassla, fil-preżent minix f'pożizzjoni li nagħti l-informazzjoni mitluba.
Leg 10 PQ #17835 Sitting 369 2006-03-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Istitut għall-Istudji Turistiċi

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'korsijiet ġodda se jibdew fl-istitut għall-istudji turistiċi tal-Qala iktar tard din is-sena u s-sena d-dieħla? Kif jinħatru, min jaħtarhom u min jimpjegahom il-lecturers għal dawn il-korsijiet? Minfejn jitħallsu l-ispejjeż tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-pjan għall-aktar tard din is-sena u s-sena d-dieħla hu li nkomplu bl-istess korsijiet li għaddejjin bihom f’din is-sena akkademika. Barra l-korsijiet li ssoltu joffri l-ITS Għawdex, bħalissa għaddejjin ukoll dawk offruti taħt l-iskema tal-European Social Fund (ESF). Dawn huma korsijiet organizzati mill-ETC b’kollaborazzjoni ma’ l-ITS Għawdex u l-Ministeru għal Għawdex. Dwar il-lecturers li jmexxu l-korsijiet taħt l-iskema ta’ l-ITS, dawn jiġu maħtura mill-ITS Malta skond il-kriterji tagħhom. L-istess lecturers huma impjegati mill-ITS Malta. L-ispejjeż ta’ dawn il-lecturers jitħallsu mill-fondi allokati għall-korsijiet li jsiru fiċ-centru ta’ Għawdex ta’ l-ITS, taħt il-voti tal-Ministeru għal Għawdex. Il-lecturers li jmexxu l-korsijiet ta’ taħt il-proġett tal-European Social Fund, jiġu mpjegati u mħallsa taħt kriterji stabbiliti mill-offerta ta’ l-istess proġett kif approvati mid-dipartiment tal-kuntratti.
Leg 10 PQ #17855 Sitting 369 2006-03-22 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Studji Turistiċi

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se jibda x-xogħol infrastrutturali għall-proġett ta' faċilita' ġdida għal taħriġ fl-istudji turistiċi f'Għawdex u preċiżament fil-Qala? Min rebaħ il-kuntratt għal dan ix-xogħol? Meta hu stmat li se jitlesta x-xogħol? Kemm intefgħu offerti għall-bini ta' din l-istess faċilita' ġdida għall-istudji turistiċi fil-Qala? Min kienu? Kemm kienet kull offerta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ix-xogħol infrastrutturali fuq il-proġett beda fit-18 ta' Marzu 2006. Il-kuntratt intrebaħ mill-konsorzju Kerc JV. Il-proġett għandu jkun komplut sa Marzu 2007. Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsijiet dwar l-offerti lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #17716 Sitting 368 2006-03-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Skola tas-Sannat

Question

Tista' il-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett li kellu jsir fl-iskola tas-Sannat ġewwa Għawdex għal tfal bi bżonnijiet speċjali? Tista' tgħid ukoll jekk kienx hemm taħditiet bejn il-ministeri konċernati jew le? Jekk fl-affermattiv, x'ġie deċiż wara dawn id-diskussjonijiet? Kemm hemm flus ivvutati sabiex dan il-proġett isir, jekk inhu l-każ? Meta huwa maħsub li dan il-proġett jinbeda u jitlesta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-Istrategic Masterplan tal-FTS, li jinkludi wkoll proposta dwar il-progett li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, għadu fil-fazi ta' diskussjoni .
Leg 10 PQ #17812 Sitting 368 2006-03-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Pjan ta' Żvilupp

Question

Nirriferi lill-Ministru għat-tweġiba li tatni fl-14 ta' Novembru 2005 għall-mistoqsija parlamentari 15540. Nirriferi wkoll għal sintesi ta' l-abbozz tal-pjan li dehret fil-ħarġa ta' The Gozo Observer ta' Diċembru 2005 fejn ingħad li sas-sena 2010 jenħtieġ li jinħolqu madwar 1,400 post tax-xogħol f'Għawdex, jiġifieri medja ta' 230 post tax-xogħol fis-sena. Peress li fl-aħħar erba' snin (2000-2004) il-postijiet tax-xogħol full-time fis-settur privat flok żdiedu naqsu b'129, taħseb il-Ministru li d-dewmien bla bżonn biex jiġi konkluż il-pjan u biex dan il-pjan jibda jiġi implimentat se jnaqqas il-possibbilta' li jinħolqu l-postijiet tax-xogħol meħtieġa skond il-pjan?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-ewwelnett nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li d-dikjarazzjoni tiegħu li fl-erba’ snin bejn is-snin 2000 u 2004 il-postijiet tax-xogħol full-time fis-settur privat f’Għawdex naqsu b’129 hija żbaljata. Fil-fatt in-numru ta’ dawn il-postijiet naqas f’dan il-perjodu minn 4658 għal 4597, jiġifieri nuqqas ta’ 61. Minkejja dan, f’Settembru 2005 dan in-numru tela’ għal 4711, jiġifieri żieda ta’ 53 fuq is-sena 2000. Dawn il-figuri joħorġu ċar fi News Release numru 49/2006 li n-National Statistics Office ħareġ fil-15 ta’ Marzu 2006. Barra minn dan, l-Onorevoli Nterpellant għandu jkun jaf li bħal ma jiġri f’kull Pjan ta’ Żvilupp fir-rigward ta’ proġettar ta’ ħolqien ta’ xogħol, wieħed ma jistax jintrabat ma’ medja ta’ postijiet ta’ xogħol għal kull sena minħabba ċirkustanzi li jistgħu jinqalgħu li ma jkunx ippreveda.
Leg 10 PQ #17627 Sitting 365 2006-03-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Kiri ta' Karozzi

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' karozzi mikrija mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt il-ministeru tagħha? Kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus totali għal dawn il-kirjiet matul l-2005?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed titpogga fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #17463 Sitting 364 2006-03-13 Oral · Final From: JOSEPH DEBONO GRECH To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Karozzi

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm inxtraw, inkrew jew ġew leased karozzi fil-ministeru u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha separatament bejn Ottubru sa Diċembru 2005 u mill-1 ta' Jannar sal-lum separatament? X'inhi ċ-ċilindrata ta' dawn il-karozzi u x'tip ta' fuel jużaw?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #17640 Sitting 364 2006-03-13 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Toroq

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn sar xogħol ta' patching fit-toroq f'Għawdex mill-ewwel ta' Jannar 2006 u tindika meta saru dawn ix-xogħlijiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li mill-ewwel ta’ Jannar sal-lum, f’Għawdex sar xogħol ta’ patching mill-ħaddiema tad-Dipartiment għal-Proġetti u Żvilupp kif jidher fl-iskeda li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #17569 Sitting 363 2006-03-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Fuel

Question

Tista' il-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 17154 u tgħid kemm kienet in-nefqa globali għal fuel tal-ministeru, enti, kumpanniji eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru tagħha matul l-2005?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li n-nefqa għall-fuel tal-Ministeru għal Għawdex u d-dipartimenti li jaqghu taħtu għas-sena 2005 kienet ta' Lm39,867.72.
Leg 10 PQ #17176 Sitting 362 2006-03-07 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Produzzjoni ta' l-għeneb tat-tagħsir

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16860, tista' il-Ministru tgħid x'kienu r-raġunijiet li ma nżammitx statistika f'Għawdex qabel is-snin in kwestjoni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li qabel l-2004 ma nżammitx statistika minħabba li f’dawk is-snin ma kienx obligatorju li l-bdiewa jagħmlu dikjarazzjoni tal-produzzjoni tal-għeneb għall-għasir.