Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #19696 Sitting 399 2006-06-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Biċċerija

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-biċċerija ta' Għawdex reġgħetx bdiet tiffunzjona? Jekk fin-negattiv, għaliex għadha mhijiex tiffunzjona u meta maħsub li tibda tiffunzjona?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-biċċerija ta' Għawdex għadha ma bdietx tiffunzjona. Jiena nfurmata li bħalissa qiegħda tiġi evalwata l-offerta għad-disinjar, provvista, stallazzjoni, ittestjar u kummissjonar ta' tagħmir għas-slaughtering line u servizzi anċillari fil-Biċċerija Ċivili fix-Xewkija. Il-biċċerija tkun tista' tibda tiffunzjona mill-ġdid meta jitlesta x-xogħol ta' din l-offerta li skond l-istess offerta m'għandux ikun aktar minn 183 ġurnata mid-data ta, l-aċċettazzjoni.
Leg 10 PQ #19698 Sitting 399 2006-06-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru Għal Għawdex — Allowances

Question

Tista' il-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 19281, li oriġinarjament kont għamiltilha fil-21 ta' Frar 2006 permezz ta' mistoqsija parlamentari 17300, dwar allowances fil-Ministeru għal Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #19701 Sitting 399 2006-06-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Bini ta' toroq f'Għawdex

Question

Tista' jekk jogħġobha l-Ministru tagħtini tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19288 dwar bini ta' toroq f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li malli l-informazzjoni tkun miġbura kollha din titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #19690 Sitting 398 2006-06-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

De Minimis Rule

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19441 dwar id-de minimis rule, tista' il-Ministru tirrispondi l-ewwel parti ta' dik il-mistoqsija u tgħidli jekk l-inċentivi li qed jingħataw skond l-Att dwar il-Promozzjoni ta' negozji humiex kollha koperti bid-de minimis rule?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Is-settur tal-manifattura hu settur importanti f'pajjiżna u għalhekk l-politika tal-Gvern hija immirata biex issostni dan is-settur ħalli jkompli jiġenera l-impjiegi u l-ġid. Sturment importanti f'dan ir-rigward hu l-Att dwar il-Promozzjoni ta' Negozji li jagħti inċentivi speċifiċi lil dan is-settur kemm għal dak li għandu x'jaqsam ma investimenti kif ukoll għajnuniet oħra marbutin mal-valur miżjud. Ta' min isemmi li l-Gvern innegozja b'suċċess ma' l-Unjoni Ewropea kundizzjonijiet speċjali għal pajjiżna għal perjodu transitorju. Barra minn dan jeżistu firxa oħra ta' inċentivi offruti minn agenziji tal-Gvern biex ikomplu isostnu dan is-settur. Il-Ministeru għal Għawdex minn dejjem kien minn ta' quddiem biex joffri skemi biex jgħin l-intrapriżi Għawdxin biex l-intrapriżi Għawdxin ikunu sostenuti fid-dawl tal-kompetizzjoni globali li kull pajjiż qed iħabbat wiċċu magħha.
Leg 10 PQ #19691 Sitting 398 2006-06-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Proġetti ta' Embellishment

Question

Tista' il-Ministru tagħtina t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19437 dwar proġett ta' embellishment f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li malli l-informazzjoni tkun miġbura kollha din titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #18945 Sitting 397 2006-06-14 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Helicopter/cruise liners

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm qasmu nies bil-helicopter għal Għawdex is-sena l-oħra u fil-ħames snin ta' qabel, sena b'sena? Tista' tgħid kemm waqfu cruise liners ġo Għawdex is-sena l-oħra?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministri koncernati.
Leg 10 PQ #18946 Sitting 397 2006-06-14 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm tħassru vjaġġi tal-Gozo Channel is-sena l-oħra u din is-sena u għaliex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #18947 Sitting 397 2006-06-14 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għal Għawdex

Vjaġġi bejn Malta u Għawdex

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm qasmu nies bejn Malta u Għawdex is-sena l-oħra? Kif jikkompara dan ma' l-aħħar ħames snin, sena sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernati.
Leg 10 PQ #19580 Sitting 396 2006-06-13 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Karozzi

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tip huma l-karozzi uffiċjali tagħha? Dawn il-karozzi nkrew jew inxtraw, u jekk inxtraw meta nxtraw u kemm tħallsu flus għalihom? X'inhu n-numru uffiċjali u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozzi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-karozza uffiċċjali tiegħi hija tat-tip BMW 320D li nxtrat fit-30 ta' Marzu għall-prezz ta' Lm14,500. B'riferenza għat-tieni parti tal-mistoqsija, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jindika x'relevanza għandha dil-parti tal-mistoqsija.
Leg 10 PQ #19266 Sitting 395 2006-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Karozzi

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża għall-kiri ta' karozzi matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, mill-Ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Tista' tipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 2004 u 2005 separatament?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #19568 Sitting 395 2006-06-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sannat — Triq tal-Lewż

Question

Peress li qed isiru diversi lmenti dwar Triq tal-Lewż, fis-Sannat minħabba l-istat ħażin ta' l-istess triq, tista' il-Minstru tara li din is-sena s-sitwazzjoni tiġi rimedjata kemm jista' ikun malajr?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li x-xogħlijiet fi Triq il-Lewż fis-Sannat huma ppjanati li jsiru aktar il-quddiem.
Leg 10 PQ #19569 Sitting 395 2006-06-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Seduti tat-Tribunali Lokali

Question

Peress li s-seduti tat-tribunali lokali qegħdin isiru fis-sala ta' l-NGO centre u f'liema sala m'hemmx arja kkondizzjonata, u peress li waqt is-seduti jsiru lmenti kemm mill-pubbliku kif ukoll wardens u persuni oħra minħabba s-sħana, tista' il-Ministru tara jekk din il-problema tistax tiġi riżolta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fis-sala tal-NGO Centre hemm sistema ta' fans li jtaffu l-problema. L-istallazzjoni ta' apparat tal-arja kkondizzjonata qed tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-prioritajiet ta' dan il-Ministeru.
Leg 10 PQ #19443 Sitting 394 2006-06-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Konferenza għar-reġjuni periferiċi u marittimi

Question

Nirriferi lill-Ministru għal Għawdex għad-diskors li għamlet lill-uffiċċju politiku tal-konferenza għar-reġjuni periferiċi u marittimi li ltaqa' f'Għawdex fl-10 ta' Mejju 2006, fejn hi qalet li Għawdex akkwista trattament speċjali mill-Unjoni Ewropea f'dokument anness mat-Trattat ta' Adeżjoni? Tista' jekk jogħġobha l-Ministru tgħid xi trattament speċjali qed jakkwista Għawdex illum u se jakkwista fis-snin 2007-2013 permezz tad-dokument li hi rriferiet għalih?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li fl-10 ta' Mejju jiena m'għamilt l-ebda diskors lill-uffiċċju politiku tal-konferenza għar-reġjuni periferiċi u marittimi. Pero' jiena indirizzajt lil dan l-uffiċċju politiku tas-CPMR fil-5 ta' Mejju 2006, meta l-membri kollha ta' dan il-Political Bureau ltaqgħu Għawdex. Id-dokument li għamel referenza għalih l-Onor Interpellant jirreferi għal ċirkustanzi fejn Malta tilħaq livell ta' żvilupp ekwivalenti għall-medja ta' 75% ta' dak ta' l-Unjoni Ewropea u l-livell ta' żvilupp f'Għawdex ma jilħaqx dan il-livell. Peress li kemm fil-preżent kif ukoll għas-snin 2007-2013 dan ma kienx il-kas, kemm Malta kif ukoll Għawdex ser jibbenefikaw mill-ogħla livell ta' fondi mogħtija mill-Unjoni Ewropea. Kif kien il-kas f'dan il-perjodu ta' programmazzjoni, fil-perjodu li jmiss Għawdex se jerġa jibbenefika minn 10 fil-mija tal-fondi allokati għal Malta.
Leg 10 PQ #19444 Sitting 394 2006-06-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Pjan ta' Żvilupp

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 17834 dwar il-pjan ta' żvilupp għal Għawdex, tista' il-Ministru tgħid jekk l-implimentabilita' tal-miżuri proposti fil-pjan tiddependix mir-ristrutturazzjoni tal-ministeru għal Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li r-ristrutturazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex tkun ta' għajnuna fl-implimentabilita' tal-miżuri proposti fil-Pjan ta' Żvilupp għal Għawdex.
Leg 10 PQ #19445 Sitting 394 2006-06-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Kumitat dwar il-proġetti f'Għawdex

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-kumitat dwar il-proġetti f'Għawdex ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea qabilx li jitwarrab il-proġett ta' servizz shuttle ta' trasport bejn l-ajruport internazzjonali ta' Malta u ċ-Ċirkewwa li skond rapport uffiċjali tal-prim ministru, dan il-kumitat kien identifika li għandu jsir?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħti aktar informazzjoni dwar ir-rapport uffiċċjali tal-Prim Ministru li qiegħed jirreferi għalih f'din il-mistoqsija parlamentari.
Leg 10 PQ #19447 Sitting 394 2006-06-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Dive sites

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm-il dive site artifiċjali se jsiru f'Għawdex sa l-aħħar ta' l-2007? Fejn se jsiru? Fiex se jkunu jikkonsistu? Meta hu maħsub li jitlestew? Kemm se jiswew? Taħseb li jkun hawn bżonn ta' aktar dive sites artifiċjali minbarra dawk li se jsiru?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli nterpellant li l-Ministeru għal Għawdex huwa responsabbli minn proġett immirat għat-titjib ta' l-industrija ta' l-għadds f'Għawdex li huwa ko-finanzjat mill-Fondi Strutturali ta' l-Unjoni Ewropea. Parti minn dan il-proġett tinkludi l-kreazzjoni ta' dive site artifiċjali fix-Xatt l-Aħmar li ser tkun tikkonsisti f'żewġ vapuri li għadhom kif ġew akkwistati wara li l-proċess ta' tendering ġie finalizzat. Din il-parti tal-proġett ser tiswa Lm61,950.00. Huwa ppjanat li l-vapuri jiġu mgħarrqa lejn l-aħħar ta' Lulju ta' din is-sena. Parti oħra minn dan il-proġett hija t-tħejjija ta masterplan għall-industrija ta' l-Għadds f'Għawdex li ser jistabbilixxi l-ħtiġijiet u l-prioritajiet għall-iżvilupp u t-tisħiħ tagħha.
Leg 10 PQ #19450 Sitting 394 2006-06-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Shuttle service project

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk kemm-il darba l-kumitat dwar il-proġetti f'Għawdex ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea qabel li jitwarrab il-proġett ta' servizz shuttle ta' trasport bejn l-ajruport internazzjonli ta' Malta u ċ-Ċirkewwa? X'kienu l-proġetti alternattivi li l-kumitat approva li għandhom isiru minfloku? X'kienet il-priorita' tal-proġetti alternattivi approvati mill-kumitat? Meta saret il-laqgħa li fiha ġie deċiż li jitwarrab il-proġett u minfloku ġew approvati proġetti alternattivi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-proġetti alternattivi magħżula u prijoritiżżati mill-kumitat biex jiġu ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali kienu kif murija hawn taħt: - Bini ta' athletics track fil-Korsa ta' Għawdex - Immoderniżżar ta' skejjel f'Għawdex - Restawr tat-Triq tax-Xlendi - Titjib fit-Triqat tal-Ħniena, Sant' Antnin u Borg Għarib - Immoderniżżar tal-ġonna ta' Villa Rundle - Ħolqien ta' l-esperjenza Arkeoloġika u Storika tax-Xagħra - Implimentazzjoni ta' Niche Web Portal u Strateġijia ta' Sinjali Il-laqgħa saret fis-7 ta' April 2005.
Leg 10 PQ #19253 Sitting 393 2006-06-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Fuel

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża tal-fuel tal-Ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Tista' tipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 2004 u 2005 separatament?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #19437 Sitting 393 2006-06-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Proġetti ta' Embellishment

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm proġetti ta' tisbih - embellishment - saru f'Għawdex mill-ministeru tagħha, sena sena mill-1999 'il hawn, u tgħid x'kienu l-proġetti, fejn saru, kemm kienet l-ispiża ta' kull proġett u x'kienu l-kompenenti ta' l-ispiża?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Malli l-informazzjoni kollha mitluba mill-Onorevoli Interpellant tkun miġbura, titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.