Ministeru għal Għawdex — Infiq kapitali fil-qasam tal-kura ta' l-anzjani
Question
Tista' il-Ministru tgħid x'kienet in-nefqa rikorrenti u kapitali separatament li għamel il-Ministeru tagħha u l-Welfare Committee separatament, kull sena mill-1999 'il hawn fil-qasam tal-kura ta' l-anzjani, inkluża l-għajnuna fid-djar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
In-nefqa rikurrenti tal-Ministeru fuq is-servizz ta’ għajnuna fid-djar kienet hekk:
1999 Lm185,900
2000 Lm197,674
2001 Lm248,433
2002 Lm282,121
2003 Lm342,814
2004 Lm360,873
2005 Lm337,299
2006 Lm264,081 (todate)
Informazzjoni dwar in-nefqa rikurrenti fuq l-anzjani fl-isptar Ġenerali t’Għawdex ma tistax tiġi mogħtija għaliex ma jinżammux records separati għal kull sala.
Rigward in-nefqa kapitali b’risq l-anzjani f’Għawdex bħal ma hija residenza Sant’Anna, din kienet iffinanzjata mill-Welfare Committee u għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-parti tal-mistoqsija lil Ministru konċernat.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 19445, fejn il-Ministru talbitni ngħidilha liema hu r-rapport tal-Prim Ministru li jien irriferejt għalih fil-mistoqsija tiegħi, ir-rapport li rriferejt għalih hu l-ewwel sena ta' ħidma 2003-2008 ta' l-uffiċċju tal-prim ministru. Peress li f'dan ir-rapport il-prim ministru qal li ġie mwaqqaf il-kumitat reġjonali għall-proġetti f'Għawdex li identifika l-proġetti infrastrutturali li se jsiru permezz ta' fondi strutturali u ta' koeżjoni tal-UE", li fost oħrajn jinkludu x-xiri ta' vapur żgħir għal servizz bil-lejl bejn Malta u Għawdex u servizz ta' trasport bejn l-arjuport internazzjonali ta' Malta u ċ-Ċirkewwa", tista' il-Ministru issa tgħidli jekk dan il-kumitat qabilx li jitwarrbu dawn iż-żewġ proġetti? Jekk fl-affermattiv, tista' il-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħa/laqgħat fejn il-kumitat ta l-approvazzjoni tiegħu? X'se jsir mill-flus li l-kumitat alloka għal dawn iż-żewġ proġetti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li r-rwol tal-Kumitat dwar il-Proġetti ta’ Għawdex huwa li jipprepara l-lista ta’ Proġetti għal Għawdex għall-għażla finali. M’hijiex kompetenza ta’ dan il-Kumitat li jagħmel l-għażla finali.
Il-flus allokati għal dawn iż-żewġ proġetti ġew ri-allokati għall-proġetti tat-Triq tax-Xlendi.
Inżid ngħid ukoll li l-proposta ta’ xiri ta’ vapur zgħir kienet sabiex ikun hemm night service. Fil-fatt dan is-servizz beda jingħata mill-Gozo Channel
Tista' il-Ministru tagħti assigurazzjoni: li l-proġett għat-trattament tad-drenaġġ li huwa finanzjat mill-Unjoni Ewropea se jitlesta sa Novembru ta' din is-sena kif stipulat fil-kuntratt għall-finanzjament tiegħu; u li mhu se jintilfu l-ebda fondi ewropej ta' pre-adeżjoni allokati għal dan il-proġett?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-proġett għat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex mistenni jibda jopera għall-ħabta ta' nofs is-sena id-dieħla.
Tista' il-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa kapitali fuq iċ-Ċittadella sena b'sena, mill-1999 'il hawn? X'inhuma x-xogħlijiet li saru? X'inhuma l-komponenti ta' l-ispiża?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar. Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-pjan ta' żvilupp għal Għawdex li ħejja l-ministeru tagħha tressaqx għall-approvazzjoni tal-gvern? Jekk fl-affermattiv, meta tressaq u għaliex għadu ma ġiex approvat? Jekk għadu ma tressaqx għaliex ma tressaqx u meta hemm il-ħsieb li jitressaq?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ żvilupp għal Għawdex ġie approvat mill-Gvern u fil-fatt ġie inkluż fil-pre-budget document 2007.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-coach ta' l-isptar li ġġorr il-pazjenti Għawdxin lejn St Luke's u lura ma toperax is-Sibt? Tista' tgħid jekk hemmx xi ħsieb li dan is-servizz jibda jingħata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li dan is-servizz fil-fatt ilu jingħata. Fil-fatt il-coach, meta jkun hemm talba awtorizzata minn tabib, tmur nhar ta’ sibt ukoll mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-Isptar San Luqa.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ġew ikkummissjonati rapporti fid-dekasteru tagħha kull sena għal dawn l-aħħar erba' snin? Kemm swew kull wieħed u x'inhuma dawk pendenti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni għaliex numru ta' sidien ta' vetturi kbar ġejjin minn Għawdex għal Malta l-ġimgħa l-oħra (wara xogħol fuq ġbid ta' film) intalbu sabiex jorbtu l-istess vetturi fuq il-vapur minħabba ċ-ċaqliq?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant illi din il-mistoqsija diġa' ġiet imwieġba mill-Ministru konċernat. Qed nirreferi għal mistoqsija numru 21001
Tista' il-Ministru tgħid xi proġetti għandu l-gvern dwar l-inċineratur ta' l-isptar ġenerali ta' Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi wieħed mill-proġetti ppjanati għall-Isptar Ġenerali t'Għawdex huwa l-'clinical waste decontamination unit', li jinkludi t-tneħħija ta' l-inċineratur. Fil-fatt, diġa sar l-istudju neċessarju marbut ma' dan il-proġett u anke saret l-applikazzjoni lill-MEPA għall-permessi neċessarji.
Tista' il-Ministru tgħid fejn intrema' it-terrapien tax-xogħlijiet fit-toroq tar-Rabat/San Lawrenz u Għajnsielem/Xewkija? Tista' tgħid kemm kien hemm load ta' terrapien li ġie mormi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li parti mill-materjal fuq it-triq tar-Rabat/San Lawrenz ġie riċiklat u ntuża bħal rdim fuq l-istess post filwaqt li materjal ieħor li ma kienx addattat biex jintuża fuq is-sit ġie mitfugħ fil-barriera ta’ Isopu n-Nadur Għawdex. Jiena nfurmata wkoll li ma tinzammx informazzjoni dwar in-numru ta’ viegi ta’ terrapien mormi minhabba li il-kejl relevanti ghal kuntratt huwa tal-volum imhammel. Dwar il-parti tal-mistoqsija li tirreferi għat-triq ta’ Għajnsielem nitlob l-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li x-xogħol fuq it-triq bejn ir-Rabat u San Lawrenz għadu għaddej? X'kienet it-target date li fiha x-xogħol kellu jitlesta? Qiegħed isir xi tip ta' monitoring sabiex jassigura li x-xogħol qiegħed isir skond l-arti u s-sengħa u li l-poplu Għawdxi qiegħed jieħu value for money?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li ix-xogħol huwa ppjanat li jitlesta sa l-aħħar ta’ din is-sena kif stipulat fil-kuntratt tax-xogħlijiet.
Is-superviżjoni, ‘project management’ u ‘quality assurance’ ta’ dawn ix-xogħlijiet qiegħdin isiru minn ditta indipendenti taħt kuntratt li kien inħareġ għal dan il-għan.
X'inhi r-raġuni li kontra d-dikjarazzjoni espressa mill-Ministru, ix-xogħol fuq it-triq tax-Xlendi għadu ma bediex? Fejn marru l-flus li kienu ppjanati biex jintnefqu fuq din it-triq?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Inserraħ moħħ l-Onorevoli Interpellant li d-deċiżjoni tal-Ministeru għal Għawdex li tinbena mill-ġdid it-triq tax-Xlendi se tiġi onorata.
Peress li Triq Għajn Qatet, Rabat tinsab fi stat ħażin ħafna, tista' il-Ministru tara li jsir ix-xogħol ta' patching neċessarju kemm jista' ikun malajr?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li ser tittieħed l-azzjoni neċessarja fil-ġranet li ġejjin
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-proċess sabiex jinġiebu aktar nurses u SRNs fil-gżira Għawdxija waqaf?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li t-Tnejn 11 ta’ Settembru 2006, ġew trasferiti mill-isptar San Luqa u SVPR għall-isptar Ġenerali ta’ Għawdex żewġ Enrolled Nurses u Psychiatric Registered Nurse. Infurmata ukoll li fil-jiem li ġejjin ser tiġi trasferita wkoll SRN oħra li ser tibda taħdem fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li xogħol tal-gvern m'għadux jinġab aktar f'Għawdex biex b'hekk anke l-proċess ta' skrivani li jiġu jaħdmu Għawdex minn Malta waqaf ukoll?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li kuntrarju għal dak li qed jallega fil-mistoqsija tiegħu, l-proċess tat-trasferiment ta’ xogħol dipartimentali minn Malta għal Għawdex għadu għaddej. Fil-fatt il-Call Centre tal-Gvern tal-153 għadu kemm ġie trasferit għal Għawdex proprju minn nhar it-Tnejn 18 ta’ Settembru 2006. Barra minn dan, l-Onorevoli Nterpellant għandu jkun jaf li hu maħsub li xogħol dipartimentali ieħor jiġi trasferit minn Malta għal Għawdex matul din is-sena.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li beda x-xogħol fuq it-triq mir-Rabat għall-Imġarr, Għawdex meta l-parti tar-Rabat għal San Lawrenz għadha ma tlestietx?
Għaliex ix-xogħol mhuwiex jitkompla anke bil-lejl biex l-inkonvenjent kbir ta' l-abitanti li joqogħdu l-Għarb u San Lawrenz forsi fl-aħħar jasal fit-tmiem tiegħu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li il-kuntratt tax-xogħol fuq Triq l-Imġarr u dak tat-Triq mir-Rabat għal San Lawrenz huma indipendenti minn xulxin. Il-kuntrattur huwa marbut bi żmien sa meta għandu jlesti x-xogħol u għalhekk x-xogħol fuq Triq l-Imġarr kellu jibda hekk kif ġiet mogħtija l-offerta.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija jiena nfurmata li l-kuntrattur huwa obbligat li jlesti x-xogħol fiż-żmien stipulat fl-offerta u l-mod kif jitqassam ix-xogħol matul il-ġurnata jew bil-lejl hija responsabilita’ tal-kuntrattur.
Tista' il-Ministru tgħid kemm kienet il-produzzjoni tat-tjur tas-simna fl-ewwel sitt xhur tas-sena f'Għawdex? Tista' tipprovdi l-istess tagħrif għall-ewwel sitt xhur tas-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-produzzjoni tat-tjur tas-simna fl-ewwel sitt xhur tas-sena f’Għawdex għal dawn l-aħħar snin kienet kif ġej :
Rjus
2006 Jannar – Ġunju 185034
2005 Jannar – Ġunju 231454
2004 Jannar – Ġunju 493583
2003 Jannar – Ġunju 584703
Din l-istatistika bdiet tinżamm fl-Lulju tas-sena 2002, u għalhekk m’hemmx tagħrif għal-perjodi ta’ qabel.
Tista' il-Ministru tgħid kemm se jiġi jiswa x-xogħol li qed isir fit-triq mir-Rabat sa San Lawrenz u jingħata breakdown ta' l-ispejjeż u minn min qed isir ix-xogħol?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f’seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid kemm se jiġi jiswa x-xogħol fit-triq mill-Imġarr sax-Xewkija, jingħata breakdown ta' l-ispejjeż u minn min qed isir ix-xogħol?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li x-xogħol fit-triq mill-Imġarr sax-Xewkija jaqa’ fir-responsabilta tal-Awtorita’ Dwar it-Trasport nitlob l-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista' il-Ministru tgħid favur min ġew aġġudikati, jekk ġew, it-tenders għax-xogħlijiet: 1) fl-incubation centre - Għajnsielem; 2) training hotel - Qala; 3) decompression chamber; 4) biċċerija? Jekk ġew aġġudikati, tista' in oltre tgħid kemm se jiswew dawn ix-xogħlijiet kull wieħed separatament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.