Bank Ċentrali — Consultants
Question
Jista' l-Ministru jgħid il-Bank Ċentrali ta' Malta kemm ħallas lil kumpannija ta' consultants li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament, għall-istudju li sar dwar job descriptions u l-ikkategorizzar tagħhom? Kemm minnu ġie mplimentat?
X'kienet ir-raġuni li żewġ uffiċjali tal-Bank allegatament marru għand din il-kumpannija ta' consultantsqabel ma r-rapport ġie sottomess lill-Bank innifsu?
L-impjegati tal-Bank ser ikollhom aċċess għal dik il-parti tar-rapport li tikkonċerna l-career development tagħhom fuq bażi dipartimentali?
Xi kriterji sejrin jibdew jiġu applikati meta jkun hemm vacancy li timtela minn ġewwa jew minn barra? Billi l-unions kienu ġew mwiegħeda kopja ta' dan ir-rapport fil-bidu tal-proċess, jista' jgħid jekk minn meta tlesta r-rapport għaddewx kopja lilhom?
Il-Bank Ċentrali għandu 3 year strategic plan kif għandhom banek ċentrali oħrajn fl-Unjoni Ewropea? Il-Bank għandu xi pjan ta' retraining għall-impjegati tiegħu? X'inhuma l-kriterji li fuqhom qed jiġu offruti early ritirement plans lil ċerti impjegati? Il-Bank minn fejn qed jixtri l-biljetti tal-ajru konness ma' safar ta' diriġenti tal-Bank? Kien hemm xi tibdil wara li spiċċa minn ministru tal-finanzi l-Onor. John Dalli? Jista' jikkonferma li d-Deputat Gvernatur qed jkun involut fl-interviewing panels kollha inklużi anke xogħol sekondarju bħal Cash Handling Trainees?
Billi hemm diriġenti tal-Bank li għandhom aċċess għall-użu tal-karozzi tal-Bank jista' jgħid jekk dawn il-company cars jistgħux jintużaw wkoll minn membri tal-familji tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Bank Ċentrali, l-konsulenza u x-xogħol li sar fuq job evaluation bħala parti minn eżerċizzju ta’ ristrutturar tar-riżorsi umani tal-Bank li wassal għal benchmarking tal-jobs fil-livelli kollha sewa Lm35,800. Il-konsulenti ġew magħżula minħabba li huma rinomati internazzjonalment f’dan il-qasam, b’esperjenza twila u database mibnija fuq verifiki simili li saru f’numru ta’ banek Ċentrali oħrajn.
Bħala parti mill-eżerċizzju il-Bank intalab mill-konsulenti biex waqt it-tħejjija tar-rapport issir verifika minn uffiċjali tal-Bank biex jiżguraw li fehmu sew l-istruttura tal-Bank u t-tqassim tax-xogħol (reality check). Il-konsulenti ikkonkludew li l-istruttura tal-Bank u l-livelli tal-jobs kienu korretti. Għalkemm id-dettalji tar-rapport u l-metodoloġija użata huma għodda għall-użu esklussiv tal-management tal-Bank, ir-riżultati b’mod ġenerali ġew imfissra u spjegati mill-konsulenti u mill-Bank lir-rappreżentanti tal-ħaddiema. Il-proċess ta’ job evaluation skond il-metodoloġija użata mill-konsulenti qiegħed jintuża mill-Bank kull meta jkun hemm sejħa għal mili ta’ vakanzi, jew għal benchmarking ta’ jobs ġodda, li jinħarġu minn żmien għal żmien.
Ir-riżultati tal-konsulenza ma għandhom l’ebda sehem dirett fil-career development. Fuq il-livell personali ta’ l-impjegat, il-career development jiġi trattat mill-uffiċju tar-riżorsi umani, u fuq il-livell tal-Bank bħala istituzzjoni jiġi trattat matul l-istrategic workshop organizzat għall-impjegati kollha kull sena. F’dan il-workshop kull impjegat ikollu l-opportunità li jiddiskuti l-miri tax-xogħol (targets) għas-sena sussegwenti u jkun jista’ jikkontribwixxi għat-tfassil ta’ strateġija biex jintlaħqu l-għanijiet futuri tal-Bank.
L-artikolu 42 tal-ftehim kollettiv tal-Bank jelenka il-kundizzjonijiet ta’ l-iskema għall-waqfien mix-xogħol volontarju. Taħt dawn il-kundizzjonijiet, il-Bank fuq inizzjattiva tiegħu jista’ jagħmel offerta lil impjegat biex jispiċċa mill-impjieg qabel l-età ta’ l-irtirar. Offerti bħal dawn saru mill-Bank konformi ma’ dan l-artikolu.
Il-proċeduri għall-akkwist ta’ prodotti u servizzi huma dokumentati fil-policies and procedures. Taħt dawn ir-regoli il-Bank perjodikament joħroġ sejħa għall-offerti għal servizzi ta’ l-ivjaġġar. Bħalissa l-Bank jinqeda għand żewġ kumpaniji ta’ l-ivjaġġar. L-aħħar talba għall-offerti saret sentejn ilu.
Il-Bank jikkonferma li normalment d-deputat gvernatur jippresjedi s-selection panels.
Karozzi wżati minn uffiċjali għolja tal-Bank huma klassifikati bħala cars for personal use taħt l-income tax fringe benefits u għaldaqstant dawn l-uffiċjali jħallsu t-taxxi dovuti skond ir-regoli maħruġa mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni.