Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2006 Sitting 23 1998-12-07 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tat-Turiżmu

NTOM — Infiq ta' flus fuq reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm flus intnefqu mill-NTOM f'reklamar barra minn Malta biex jinġibdu aktar turisti hawn u fejn dawn intnefqu fis-snin 1996, 1997 u 1998?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-National Tourism Organisation - Malta (NTOM) nefqet l-ammonti li jidhru hawn taħt f'reklamar barra minn Malta: 1996 Lm1,832,835 1997 Lm1,334,896 1998 Lm 751,000 L-Onor Membru japprezza li l-kumplament tal-Mistoqsija hi ta' natura kummerċjali u għalhekk ma jkunx xieraq li din tingħata. Madankollu lest biex nagħtih l-informazzjoni kunfidenzjalment.
Leg 9 PQ #2166 Sitting 23 1998-12-07 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru, għall-perijodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sa l-1 ta' Diċembru, 1998, jagħti lista tal-kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt: (a) jindika x'kien il-kuntratt; (b) min għamel l-ispecificatins; (ċ) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (d) lil min intalbu l-quotations; (e) kemm kienet kull quote; (f) min rebaħ il-kuntratt; (g) ingħataw extensions fuq il-kuntratt oriġinali; u (h) kemm kien il-valur totali tagħhomw?

Response (REFALO, MICHAEL)

B'żieda mat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Numri 546 u 2311 fis-Seduti 10 u 23 rispettivament, inżid ngħid li fil-perjodu msemmi fil-Mistoqsija ngħataw tliet kuntratti oħra b'direct order. It-tlieta jirrigwardaw lill-Institute of Tourism Studies (I.T.S.). L-ewwel wieħed kien jirrigwarda servizz ta' sigurta' bil-lejl fl-Institute f'Pembroke. L-uffiċjali li evalwaw il-quotations kienu s-Sur Lino O. Borg, Direttur (Turiżmu), is-Sur Simon Micallef mill-Management Efficiency Unit u s-Sur Paul Micallef, Head of Administration, I.T.S. L-award sar mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru skond is-setgħa mogħtija lilu mill-Financial Regulations. Intalbu quotations mill-Group 4 Services u mis-Security Services. Il-Group 4 Services ikkwotaw Lm1.90 kull man hour + 5% E.T.S. Il-kumpanija l-oħra kkwotat Lm1.98 kull man hour inkluż it-taxxa. Il-kuntratt intrebaħ mis-Security Services u ngħata għal sena u jista' jiġi mġedded. Il-valur totali fuq medda ta' sena għal żewġ security officers tiġi tiswa Lm9,360. It-tieni u t-tielet kuntratti kienu jirrigwardaw armar u żarmar ta' scaffolding u xogħol ta' żebgħa fl-Atrium ta' l-I.T.S. L-uffiċjali li evalwaw il-quotations kienu l-istess tliet persuni msemmija aktar 'il fuq. L-award sar mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru skond is-setgħa mogħtija lilu mill-Financial Regulations. Il-quotations intalbu mingħand Bezzina Trading Yard Ltd (B.T.Y. Ltd) u Joseph F. Spiteri & Co Ltd. B.T.Y. Ltd ikkwotaw Lm2,500 għall-iscaffolding inkluż it-taxxa u l-istess ammont għax-xogħol ta' żebgħa. Id-ditta Joseph F. Spiteri & Co Ltd. ikkwotat Lm2,200 għall-armar ta' scaffolding biss. Il-kuntratt intrebaħ minn B.T.Y. Ltd. Il-quotation ta' l-armar u żarmar ta' l-iscaffolding u dik tax-xogħol ta' żebgħa flimkien ġew jiswew Lm5,000.
Leg 9 PQ #2311 Sitting 23 1998-12-07 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — Kuntratti

Question

Riferibbilment għall-perjodu 1 ta' Novembru, 1998 sat-30 ta' Novembru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?

Response (REFALO, MICHAEL)

Sal-lum il-Ministeru tat-Turiżmu xtara għamara fi żminijiet differenti li b'kollox jiswew Lm4,670 b'direct orders mingħand Mizzi Antiques ta' Aldo Moro Road, Marsa. Din l-għamara, li nxtrat bl-awtorita' tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru kif delegat minni skond il-Financial Regulations, kienet intiża għall-board room ta' Palazzo Spinola fejn qiegħed residenti l-Ministeru. L-għażla ta' għamara saret fl-ewwel lok għal raġuni ta' ħtieġa u fit-tieni lok bħala arredament mal-lokal antik kif ukoll ma' għamara oħra antika li nġiebet mill-House of Catalunya fl-imsemmija board room. Kif qed nispjega, għamara bħal dawn ma jipprestawx ruħhom għal quotations propju għax huma 'proprietary items'.
Leg 9 PQ #2025 Sitting 20 1998-12-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru tat-Turiżmu

Golf courses

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni tal-proposti ta' golf courses li saru minn diversi żviluppaturi?

Response (REFALO, MICHAEL)

Bħalissa qed issir evalwazzjoni minn dan il-Ministeru tal-proposti li kienu saru mill-i"Steering Committee" lill-Gvern f'April li għadda. Bħalma kien ġie rakkomandat il-proposta għal "golf course" f'Għawdex qed tiġi proċessata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Fi żmien qasir jiġu kunsidrati rakkomandazzjonijiet għal żvilupp ta' "golf course" oħra f'Malta.
Leg 9 PQ #135 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — Allowances

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jirċievu xi forma ta' allowance mill-5 ta' Settembru, 1998? Min huma u xi grad għandhom? F'liema dipartiment jew sezzjoni qegħdin? Għal-liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?

Response (REFALO, MICHAEL)

S'issa m'hemm ebda impjegat fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt it-treġija tiegħi li mill-5 ta' Settembru 'l hawn bdew jingħataw xi forma ta' allowance.
Leg 9 PQ #825 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dekasteru tiegħu (i) każwali u (ii) bil-kuntratt u għal liema pożizzjonijiet f'kull każ? Jista' jgħid kemm minn dawn ġie mitmum l-impieg/ingaġġ tagħhom jew għalqilhom it-terminu u ma ġġeddidx, inkluż dawk fuq bordijiet governattivi, parastatali jew ta' kull xejra oħra, mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn? Fil-każijiet kollha separatament jista' l-Ministru jgħid kemm ġie mħallas kumpens fejn applikabbli lil dawk fuq imsemmijin li ma baqgħux ingaġġati mill-Gvern preżenti?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-għadd ta' ħaddiema taħt id-dekasteru tiegħi li huma mpjegati fuq bażi każwali jew b'kuntratt huwa ta' 57 imqassmin hekk: Advisers 3 Executive Officers 2 Clerks/Receptionists 14 Housekeepers 2 Assistant Housekeeper 1 Assistant Works Manager 1 Assistant Adm. Officer 1 Assistant Security Officer 1 Telephone Operators 3 Security/Drivers 3 Kitchen Attendants 2 Charwomen 14 Watchmen 10 Ninsab infurmat ukoll li mill-5 ta' Settembru 1998 'il hawn, Assistant Works Manager irriżenja minn jeddu u Adviser skadilu l-kuntratt u ma reġax ġie mġedded. Dwar dak li għandu x'jaqsam ma' Bordijiet, nirreferi lil-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija 794. Ma tħallas l-ebda kumpens liż-żewġ persuni konċernati minħabba li dan ma kienx dovut lilhom.
Leg 9 PQ #970 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tat-Turiżmu

Monumenti Storiċi — Żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kemm-il-darba hemmx il-ħsieb li jiġu impjegati aktar żgħażagħ fuq bażi permanenti u mhux part-time sabiex jilbsu kostumi ta' eri differenti tul is-sena kollha u jkunu preżenti fuq il-monumenti storiċi tagħna bħal per eżempju suldati ta' l-Ordni ta' San Ġwann ġewwa l-Forti Sant'Anġlu, Birgu u l-gardjoli tal-Belt Senglea jew bħala baħrin Ingliżi fil-Mużew Marittimu u fuq il-moll tal-Birgu?

Response (REFALO, MICHAEL)

M'hemm ħadd li hu impjegat fuq bażi permanenti għall-iskop li semma l-Onor Membru.
Leg 9 PQ #459 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

NTOM — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 fin-National Tourism Organisation of Malta? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li, ħlief għal persuna waħda li talbet biex tiġi ssekondata ma' Ministeru ieħor, ma sar l-ebda trasferiment ieħor bejn is-6 ta' Settembru u t-28 ta' Ottubru 1998 fin-National Tourism Organisation - Malta.
Leg 9 PQ #121 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm nies ġew ingaġġati fil-Ministeru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998? Jista' jagħti l-ismijiet tan-nies li ġew ingaġġati? X'karigi ngħataw fil-ministeru? X'karigi kellhom qabel ma ġew ingaġġati? Min minnhom kien jaħdem mal-gvern u f'liema dipartiment kien jaħdem? X'inhuma l-kwalifiki akkademiċi ta' dawn? X'kondizzjonijiet ngħataw? Jista' jpoġġi l-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid x'karigi kull wieħed minnhom kellu fil-Partit Nazzjonalista?

Response (REFALO, MICHAEL)

Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għas-Segretarjat Privat. Ninsab infurmat li l-ebda kuntratt jew ftehim għadu ma ġie ffirmat ma' l-individwi kkonċernati u nkun f'qagħda li nwieġeb għall-mistoqsijiet magħmula f'xi seduta oħra wara li dawn jiġu ngaġġati formalment. Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru b'risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 81/9/1.
Leg 9 PQ #812 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dikasteru tiegħu li mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn ġew trasferiti: i) minn dipartiment għal ieħor fl-istess Ministeru; ii) minn dipartimenti f'Ministeru għal xi post ieħor li jaqgħu taħt Ministeri oħra? Jista', f'kull każ, il-Ministru jgħid minn fejn u għal fejn saru dawn it-trasferimenti u għal liema raġunijiet?

Response (REFALO, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Numri 283 u 450.
Leg 9 PQ #450 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

ITS — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 fl-Institute for Tourism Studies? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (REFALO, MICHAEL)

L-Institute of Tourism Studies flimkien mal-Kumpless tal-White Rocks u l-Martin Luther King Hall f'Pembroke jiffurmaw parti mid-Dipartiment tat-Turiżmu. Ninsab infurmat li, ħlief għal spostament ta' xi impjegati fl-istess Dipartiment maħsuba biex dan jitmexxa aħjar, ma saru ebda trasferimenti mill-Institute of Tourism Studies għal xi Dipartiment ieħor tal-Gvern.
Leg 9 PQ #955 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tat-Turiżmu

Ħaddiema — Beach cleaners

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li l-ħaddiema impjegati taħt l-isem ta' beach cleaners jingħataw numru ta' lezzjonijiet fuq l-importanza tal-kultura u l-ambjent ta' pajjiżna u dan sabiex japprezzaw aħjar ħidmiethom?

Response (REFALO, MICHAEL)

Napprezza s-suġġerimenti ta' l-Onor. Membru u sejjer nara' x'jista' jsir f'dan ir-rigward. Nittama wkoll li l-Onorevoli Ħabib tiegħi jaċċetta kull eventwali stedina li lest nagħmillu biex igħin fil-proċess li qed jissuġġerili nħejji.
Leg 9 PQ #1201 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru tat-Turiżmu

Turisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien: (a) in-numru ta' turisti li żaru Malta fl-1994, fl-1995, fl-1996, fl-1997 u fl-1998 sa Ottubru; (b) id-dħul mit-turiżmu fl-istess snin sena b'sena; (c) hemm żieda ta' sodod fil-lukandi fl-istess snin u f'liema kategorija ta' lukandi saret iż-żieda relattiva jekk kien hemm fl-istess sena?

Response (REFALO, MICHAEL)

L-għadd ta' turisti li żaru Malta fis-snin imsemmija kien hekk: 1994 1,176,223 1995 1,115,971 1996 1,053,788 1997 1,111,161 1998 (sa Settembru) 941,288 Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 513. L-għadd ta' sodod fil-Lukandi fl-ewwel ta' Jannar fl-istess snin li ma jinkludix is-self catering units, kien kif jidher hawn taħt: 5* 4* 3* 2* 1* Unclassified Total 1994 1554 8393 9000 1560 507 - 21014 1995 1674 9688 8099 1836 432 - 21729 1996 1274 9688 8464 2017 372 - 21815 1997 1774 10153 8500 2377 372 - 23176 1998 2878 10179 7587 2014 240 1932 24830
Leg 9 PQ #546 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — Kuntratti

Question

B'riferenza għall-perjodu 10 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Ottubru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-uniku kuntratt li sar b'direct order ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini bejn l-10 ta' Settembru u l-31 ta' Ottubru, 1998 sar bl-awtorizzazzjoni tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħi lill-Borg Brothers għall-prezz ta' Lm1,400. L-award sar skond id-dispożizzjonijiet ta' Regolament 11 (a)(iii) tal-Public Service (Procurements) Regulations, 1996 (A.L. Numru 70 ta' l-1996).
Leg 9 PQ #794 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilitajiet tiegħu ġew rikostitwiti jew imġedda mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn? In kwantu għal dawk rikostitwiti, jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni u għal kull persuna jgħid x'inhuma l-karigi tagħhom li kellhom fuq dawn il-bordijiet, minn meta ilhom maħtura fuq dawn il-bordijiet u x'inhuma r-raġunijiet għat-tneħħija tagħhom?

Response (REFALO, MICHAEL)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra listi tal-membri ta' tliet Bordijiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħi, jiġifieri l-Executive Board tan-National Tourism Organisation - Malta (NTOM), il-Hotels and Catering Establishments Board (HCEB) u dak ta' l-Institute of Tourism Studies (ITS), kif kienu kostitwiti qabel is-26 ta' Ottubru 1996, kif ġew kostitwiti wara s-26 ta' Ottubru 1996 u kif inhuma kostitwiti llum. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, il-Bordijiet reġgħu ġew rikostitwiti wara Ottubru 1998 għall-istess raġunijiet li kienu ġew rikostitwiti wara s-26 ta' Ottubru 1996.
Leg 9 PQ #102 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministru tat-Turiżmu — Safar

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il safra diġa' siefer mill-5 ta' Settembru 1998 s'issa? Liema bliet żar u x'kienet ir-raġuni? Min akkumpanjah għal kull safra? Kemm swiet kull safra? Ma' min tkellem u fuq xiex tkellem?

Response (REFALO, MICHAEL)

Mill-5 ta' Settembru 'il hawn, jien kont barra minn Malta fuq xogħol ta' promozzjoni tat-turiżmu darbtejn: darba Londra u darb'oħra Frankfurt. Fiż-żewġ okkażjonijiet, kont akkumpanjat miċ-Chief Executive ta' l-Organizzazzjoni Nazzjonali tat-Turiżmu għal laqgħat ma' Malta. Infurmat li ż-żewġ safriet ma qamux aktar minn dawk li kienu jsiru mill-predeċessuri tiegħi għall-istess skop. Għall-eżattezza l-mawra f'Londra swiet Lm1913 u dik ġo Frankfurt Lm1737.
Leg 9 PQ #435 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

NTOM — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 man-National Tourism Organisation of Malta? Jista' l-Ministru jgħid fl-imsemmi post tax-xogħol, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew ingaġġati ħaddiema ġodda mingħajr ma' ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi impjieg?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda persuna li ġiet impjegata b'kuntratt indefinit min-National Tourism Organisation - Malta bejn is-6 ta' Settembru u t-28 ta' Ottubru 1998.
Leg 9 PQ #513 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tat-Turiżmu

Turiżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien id-dħul mit-turiżmu ras għal ras fl-1992, fl-1993, fl-1994, fl-1995, fl-1996, fl-1997 u fl-1998?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li d-dħul mit-turiżmu ras għal ras bejn is-snin 1992 u 1997 kien kif ġej: 1992 Lm180.07 1993 Lm218.42 1994 Lm205.64 1995 Lm208.61 1996 Lm217.19 1997 Lm224.84 Jien infurmat ukoll li, fil-waqt li bejn Jannar u Ġunju 1997 id-dħul per capita kien ta' Lm218.49, dak għall-istess xhur fl-1998 kien ta' Lm209.01.
Leg 9 PQ #90 Sitting 7 1998-11-04 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — Diretturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħatru diretturi fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru 1998 'il hawn? Min huma? Xi kwalifiki għandhom? Fuq liema kriterji ngħataw il-ħatra?

Response (REFALO, MICHAEL)

Dan il-Ministeru m`għandux kumpaniji li jaqgħu taħt it-treġija tiegħu u għalhekk it-tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija hi fin-negattiv. Madankollu, jekk l-Onor Membru qed jirreferi għal membri fuq Bordijiet u/jew organizzazzjonijiet statutorji, nirreferih għall-avviżi li dehru fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern ta' nhar il-Ġimgħa, 30 ta' Ottubru 1998. Dawn il-persuni nħatru a bażi ta' l-integrita` tagħhom u l-esperjenza li għandhom fil-qasam turistiku.
Leg 9 PQ #283 Sitting 6 1998-11-03 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' transfers li saru fid-dekasteru u entitajiet li jaqgħu taħtu mis-6/9/98 sa l-24/10/98?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi ma saru ebda transfers fid-dekasteru u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta` tiegħi ħlief għal dawk li kienu maħsuba skond direttiva tal-Kabinett imħabbra f`ittra li ġġib id-data tal-25 ta` Awissu 1998 u li kopja tagħha qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.