Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ħlas li qed jintalab lill-anzjani fil-homes sabiex jitteħdilhom id-demm fl-istess home u ma joqogħdux imorru l-isptar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-anzjani residenti fid-Djar ta' l-Anzjani tal-Gvern ma jintalbu l-ebda ħlas sabiex jitteħdilhom id-demm fl-istess dar ta' l-anzjani u ma joqgħodux imorru l-isptar.
Ma neskludix il-fatt li hemm residenti li b'mod privat iġibu t-tabib tagħhom tal-familja jew nurse privata biex jitteħdilhom id-demm.
Jista' il-Ministru jieħu passi dwar l-għadd kbir ta' ġrieden li qed ikun hemm ħdejn il-bankijiet fix-xatt ta' l-Imsida ftit 'il hinn mill-knisja tar-raħal?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant għalkemm ma jirriżultax li hemm infestazzjoni ta' ġrieden, ħaddiem mis-Sezzjoni tal-Pest Control fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, għamlu trattament għal kontra l-ġrieden fl-akkwati msemmija, nhar il-Ġimgħa 22 ta' Settembru 2006. Trattamenti oħra fl-istess żona jerġgħu isiru perjodikament.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list għad-dħul f'San Vincenz de Paule u f'Bormla home?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninfoma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għad-dħul f'San Vinċenz de Paul hu 714 mentri dawk għad-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla hu 157.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list għall-operazzjonijiet tal-kataretti? Kemm-il operazzjoni ta' dan it-tip issir kull ġimgħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li sas-27 ta' Settembru 2006 iċ-ċifra ta' pazjenti fuq il-waiting list għall-operazzzjonijiet tal-kataretti hi ta' 3,883. L-ebda waħda hija urġenti.
F'Ġimgħa jsiru medja ta' 34 operazzjoni tal-katarretti.
Dipartiment tas-saħħa — Sezzjoni dwar il-mard fit-tfal u ż-żgħażagħ
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk teżistix xi sezzjoni, kemm fil-ministeru jew fid-dipartiment tas-saħħa, li tieħu ħsieb il-mard marbut mat-tfal u ż-żgħażagħ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mard tat-tfal jiġi ttrattat fid-Dipartiment kliniku tal-Pedjatrija sakemm ma jkunx meħtieġa xi interventi speċjaliżżati partikolari eż. terapija intensiva fuq tfal 'l fuq minn 3 snin isru fl-ITU tal-adulti.
Mard taż-żgħażagħ jiġi ttrattat fid-Dipartiment kliniku skond il-każ.
Jista' il-Ministru jara li ssir xi ħaġa bis-serjeta' sabiex jiġu eliminati l-ammont kbir ta' firien li qed joħorġu minn sprall fi Pjazza P Vassallo, Bormla quddiem żewġ bars ewlenin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn spezzjoni li saret minn Uffiċjali tas-Saħħa Pubbliku fil-post indikat, ma rriżulta li hemm xejn li jippermetti infestazzjoni ta' firien. Madankollu, saru żewġ trattamenti għal kontra l-ġrieden mis-Sezzjoni tal-Pest Control fi ħdan l-istess Dipartiment, nhar it-Tlieta 19 ta' Settembru (wara lment li kien mibgħut mill-Kunsill Lokali ta' Bormla) u nhar l-Erbgħa 27 ta' Settembru, 2006. Trattamenti oħra fl-istess żona jerġgħu isiru perjodikament.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20264 u jgħid kemm hawn geriatrics doctors ikkwalifikati? Fejn jaħdmu? Hemm talba għal aktar u jekk iva, fejn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumitat għall-Approvazzjoni ta' Speċjalisti sallum approva 7 tobba bħala speċjalisti fil-ġerjatrija. Dawn jaħdmu San Vinċenz De Paul.
Bħal issa qed jiġi revedut il-manpower plan.
Jista' il-Ministru jgħid jekk is-sezzjoni tal-mastrudaxxi f'St. Luke's hijiex se tiġi trasferita fl-isptar Mater Dei?
Jista' jgħid jekk huwiex minnu li l-impjegati fit-taqsima tal-mastrudaxxi f'St. Luke's qed ikollhom isewwu għamara maħduma mill-kuntrattur?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-diskussjonijiet f'kull livell fis-settur tas-servizzi dwar l-aħjar użu tar-riżorsi umani għall-Isptar Mater Dei għadu għaddej.
Xi għamara ilha tinħadem minn diversi kuntratturi għal dawn l-aħħar għaxar snin speċjalment meta jsir refurbishment ta' swali.
Għamara oħra tinħadem mill-impjegati stess fit-taqsima tal-mastrudaxxi.
Dawn l-impjegati isewwu, meta jkun hemm il-bżonn, kemm l-għamara magħmula minnhom kif ukoll għamara magħmula minn diversi kuntratturi.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex is-sezzjoni tat-tapezzara f'St Luke's ġiet żmantellata? Kemm qed jiġi jiswa x-xogħol li qed jingħata lill-kuntrattur? Per eżempju, matul is-sena 2006 b'kemm ingħata xogħol? Liema kuntratturi
ħadu x-xogħol matul l-2006?
Jista' il-Ministru jagħti t-tagħrif b'mod separat għall-isptar St Luke's u San Vincenz de Paule?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Workshop tat-tapezzara fl-Isptar San Luqa ġie meħud biex jintuża bħala extension għal boiler room. In-numru ta' ħaddiema li kienu jaħdmu hemm kien ta' ħamsa. Wieħed kien supervisor u l-erbgħa l-oħra ma kellhomx grad ta' tapezzara. Is-supervisor ġie trasferit f'post ieħor fl-istess grad ta' supervisor. Wieħed mil-erbgħa ħaddiema ġie trasferit għal punch room u t-tlieta l-oħra irtiraw għax waslu għall-eta' tal-pensjoni. Sa 29 ta' Settembru ta' din is-sena intefqu Lm1,761.15c f'tiswijiet u xogħlijiet ta' tapezzerija.
It-tapezzar awtoriżat mil-Medical/General Stores biex jagħmel ix-xogħol huwa Mr.Michael Grima.
Tajjeb li wieħed jinnota li biex kien issir ix-xogħol ta' tapizzerija għal San Luqa wieħed irid jikkunsidra s-salarju tal-ħames ħaddiema kif ukoll l-ispejjeż għal-materjal li bla dubju jissupera l-ammont li s' issa ġie mħallas.
Ninforma ukoll li s-Sezzjoni tat-tapezzara f'San Vinċenz de Paul, kienet komposta minn żewġ Hospital Auxiliaries li wieħed minnhom biss kellu s-sena ta' tapezzar.
Peress li dan ta' l-aħħar ħa appointment ta' supervisor ġie assenjat xogħol relatat ma' l-appointment il-ġdid u għaldaqstant ma kienx hemm min jagħmel ix-xogħol ta' tapezzar li jirrikjedi li jkollu l-istess sena.
Wara li ħarġu quotations f'Marzu 2006, kien hemm offerta waħda biex dan ix-xogħol jsir barra. Dan il-kuntrattur jismu Louis Mifsud.
Bejn Marzu 2006 u Settembru 2006, dan il-kuntrattur tħallas is-somma ta' Lm1,595.
Billi quddiem il-lukanda Lapsi f'San Ġiljan hemm lukanda li ilha magħluqa żmien twil bi swimming pool mimli ilma qiegħed u nfettat, jistgħu l-awtoritajiet tas-saħħa jieħdu passi kontra dan l-inkonvenjent għar-residenti ta' l-inħawi f'San Ġiljan?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li waqt spezzjoni li saret fid-29 ta' Awissu 2006 ġie kkonfermat li ma hemm ebda ilma fis-swimming pool indikat; inoltre din ġiet mgħottija b'tali mod li ma tistax tinżel xita ġewwa fiha.
Infurmat ukoll li azzjoni legali ttieħdet minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika kontra l-persuna responsabbli mil-lukanda ndikata fl-20 ta' Mejju 2005 u l-każ qiegħed sub-judiċe.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19505 u jgħid kemm-il persuna ngħatat għajnuna medika minħabba problemi ta' alkaħol fl-ewwel ħames xhur tas-sena? Kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Kemm kienet l-iżgħar persuna? Jista' jgħid kif dawn il-figuri jikkomparaw ma' dawk tas-sena li għaddiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numri ta hawn taħt jirrapreżentaw pazjenti li ngħataw kura l-Isptar San Luqa u nstabilhom livel għoli ta' alcohol fid-demm.
Sena 2005
(Jannar-Mejju)
Sena 2006
(Jannar-Mejju)
Number >80m/100ml
87
144
Irġiel
60
92
Nisa
27
52
L-izgħar eta' kienet kif jidher hawn taħt:
Sena 2005
(Jannar-Mejju)
Sena 2006
(Jannar- Mejju)
Irġiel
15 -il sena
13 -il sena
Nisa
15 -il sena
14 -il sena
Ta' min jinnota li dawn il-figuri ma jirrapreżentawx il-problema sħiħa relatata ma' l-alcohol iżda tirrapreżenta biss persuni li iddaħħlu d-dipartiment ta' l-emerġenza ġewwa l-Isptar San Luqa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti (in-patients) fl-isptar San Luqa li għandhom 'il fuq minn 60 sena minn dawn l-irħula mniżżla hawn taħt bejn Ġunju 2005 u Ġunju 2006?
Jista' jgħid kemm kien hemm pazjenti mill-irħula mniżżla hawn taħt li wżaw is-servizzi ta' l-out-patients psychiatric unit ta' l-isptar San Luqa bejn Ġunju 2005 u Ġunju 2006?
Jista' jgħid kemm hemm residenti ġo San Vincenz de Paule li huma ġejjin mill-irħula mniżżla hawn taħt:
Valletta, Birgu, Isla, Bormla, Żabbar, Fgura, Floriana, Kalkara, Luqa, Marsa, Paola, Santa Luċija, Tarxien u Xgħajra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' pazjenti li għandhom 'l fuq minn 60 sena u li ddaħħlu fl-Isptar San luqa bejn 1 ta' Ġunju 2005 u t-30 ta' Ġunju 2006 kien ta' 6,124 mqassmin hekk: Valletta 707, Birgu 270, Isla 287, Bormla 573, Żabbar 739, Fgura 474, Floriana 270, Kalkara 133, Luqa 442, Marsa 531, Paola 925, Santa Luċija 208, Tarxien 528, Xgħajra 37.
In-numru ta' pazjenti li wżaw is-servizzi ta' l-Out Patients Psychiatric Unit ta' l-Isptar San Luqa bejn l-istess perjodu kien ta' 3,664 mqassmin hekk: Valletta 361, Birgu 97, Isla 190, Bormla 401, Żabbar 511, Fgura 319, Floriana 150, Kalkara 118, Luqa 199, Marsa 329, Paola 408, Santa Luċija 186, Tarxien 361, Xgħajra 34.
In-numru ta' residenti fir-Residenza San Vinċenz huwa ta' 298, mqassmin hekk: Valletta 47, Birgu 14, Isla 10, Bormla 25, Żabbar 35, Fgura 11, Floriana 21, Kalkara 11, Luqa 20, Marsa 34, Paola 48, Santa Luċija 6, Tarxien 15, Xgħajra 1.
Jista' il-Ministru jgħid kemm f'Malta u Għawdex ġew reġistrati teenage deliveries ta' trabi kull sena mill-2001 sa l-aħħar ta' Ġunju 2006? Jista' jgħid kemm trabi twieldu minn ommijiet xebbiet? Jista' jgħid kemm trabi twieldu lil tfal taħt l-eta' ta' l-iskola?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li bejn Jannar tas-sena 2001 u Ġunju tas-sena 2006 ġew irreġistrati li twieldu 1252 tarbija minn ommijiet ta' 19 -il sena jew inqas. Minn dawn 1014 il-tarbija twieldu minn ommijiet single, 250 tarbija minn ommijiet ta' 16 -il sena jew inqas. Id-dettalji sena b'sena huma kif jidhru hawn taħt:
Sena
Trabi li twieldu minn ommijiet 19 -il sena u inqas
Trabi li twieldu lil ommijiet 19 -il sena u inqas u reġistrati bħala
single
Trabi li twieldu minn ommijiet ta' 16 -il sena jew inqas
2001
248
183
46
2002
234
171
36
2003
222
171
41
2004
223
193
52
2005
229
208
53
Jannar- Ġunju 2006
96
88
22
Jista' il-Ministru jispjega kif allavolja l-gvern ikkommetta ruħu li kellu jissorpassa l-problema ta' l-inċineratur u għad li kien hemm diversi rapporti maħruġa mill-istatistika ta' l-Unjoni Ewropea, xorta waħda din il-problema għadha qed tippersisti?
Ma jidhirlux il-Ministru li dan l-inkonvenjent qiegħed jikkrea preġudizzju u danni kbar lin-nies tad-dintorni? Jista' jikkommetti ruħu meta dan l-inċineratur se jitneħħa darba għal dejjem?
Din id-domanda parlamentari saret ukoll fuq l-istigazzjoni tas-sindku ta' Tal-Pieta'.
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub li jiftakar il-problemi kontrattwali li kien hemm fil-proċess preċedenti ta' tenders għal apparat li jittratta l-iskart kliniku. Dan tawwal il-proċess bla bżonn. Għaldaqstant dan il-Ministeru kien u għadu jagħmel dak kollu li hu possibbli biex jirrisolvi din il-problema mill-aktar fis.
Fl-ambitu ta' żviluppi ġodda anke fit-teknoloġija ta' kif jiġi ttrattat l-iskart ġew diskussi soluzzjonijiet oħra. Meta tittieħed id-deċiżjoni liema option se tiġi implimentata, mbagħad wieħed jista' jindika f'liema żmien l-inċineratur ta' St. Lukes jista' jiġi dikummissjonat.
Ta' min isemmi li bħalissa qed isiru preparattivi fl-Isptar San Luqa biex jintuża l-biodiesel biex itejjeb is-sitwazzjoni ta' l-emissjonijiet.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlametnari 20326 u jipprovdi l-informazzjoni li ġejja fir-rigward ta' l-operat preżenti ta' l-inċineratur ta' l-isptar San Luqa: a) kemm ilu jopera l-inċineratur ta' l-isptar? b) x'tip ta' skart jinħaraq f'dan l-inċineratur? c) x'ammont ta' skart inħaraq fl-inċineratur ta' l-isptar San Luqa matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005? d)x'monitoraġġ qed isir fil-konfront ta' l-emissjonijiet li joħorġu miċ-ċumnija ta' dan l-inċineratur? e) kemm hu l-għoli taċ-ċumnija ta' l-inċineratur (chimney stack height)? f) kemm hu d-diametru taċ-ċumnija ta' l-inċineratur (chimney stack diameter)? g) kemm tkun il-flue gas exit temperature meta l-emissjonijiet joħorġu mill-inċineratur? h) kemm tkun normalment il-flue gas exit velocity ta' l-inċineratur imsemmi? i) x'tip ta' maintenance jingħata l-inċineratur ta' l-isptar San Luqa u b'liema frekwenza jsir dan? j) kif ikunu disposti materjali residwi li jkun hemm fl-inċineratur? k) b'liema frekwenza qed ikun imħaddem l-inċineratur ta' l-isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif ġejja:
a) L-inċineratur preżenti, tad-Ditta Ingliża Incinco ġie kkummissjonat fl-1977.
b) Fl-inċineratur qed jinħaraq biss skart kliniku, kif stipulat mil-Istituzzjonijiet tal-Kura tas-Saħħa, kemm publiċi, kif ukoll privati.
c) L-inċineratur mhux attrezzat biex iżomm dettalji ta' kemm jiġi proċessat, kuljum, skart kliniku. Minn studji li saru fl-2001 u 2006, jirriżulta li l-inċineratur jipproċessa mat-Tunellata (medja) ta' skart kliniku kuljum.
d) L-inċineratur mhux mgħammar b'apparat li jagħmel monitoraġġ ta' l-emissjonijiet miċ-ċumnija. Minħabba f'hekk qed issir superviżjoni kontinwa ta' l-operat, inkluż emissjonijiet, biex jitħaddem bl-aħjar mezz possibbli.
e) Jirriżulta minn records fl-Isptar San luqa li ċ-ċumnija ta' l-inċineratur (Chimney stack height) hi ta' 42.5 metri.
f) Id-dijametru taċ-ċumnija ta' l-inċineratur (Chimney stack diameter) hu ta' 0.55 metri.
i) Minħabba n-natura ta' servizz essenzjali fuq bażi nazzjonali, l-inċineratur, inkluż il-burners, refractories u ċ-ċumnija, issirilhom preventive maintenance b'mod regolari. F'każ ta' ħsarat oħra, isir sforz biex dawn jissewwew, b'mod effiċjenti u effikaċi, fl-iqsar żmien possibbli.
j) Wara li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa, l-iskart residwu jiġi mibgħut fil-faċilita' għad-disponiment ta' l-iskart fiż-Żwejra.
k) Bħala proċedura, l-inċineratur jitħaddem għal xi sitt siegħat kuljum.
L-informazzjoni għad-domandi g u h għadha qed tinġabar, u r-Risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20129 dwar żewġ residenti anzjani, ninforma lill-Ministru li qed ngħaddilu separatament l-ismijiet ta' dawn l-anzjani.
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isiru diversi xogħlijiet fis-sala 9/10 St.Joseph li kien jirrikjedi li r-residenti jiċċaqalqu b'mod temporanju mill-kmamar tagħhom biex ikun jista' jsir ix-xogħol ta' manutenzjoni u tisbieħ għall-benefiċċju tal-istess residenti. Hekk kif jitlesta x-xogħol, ir-residenti jerġgħu lura fil-kmamar tagħhom.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li ntbagħat għal kura minn Malta fi sptar ġewwa Londra minħabba li kien weġġa' serjament, kellu jħallas saħansitra l-passaġġ ta' l-ajru minn Malta u lura?
Jista' jgħid jekk dan il-pazjent jistax jikkwalifika għall-għajnuna fl-ispejjeż tat-trasport bl-ajru minħabba li se jkollu jerġa' imur għal kura mill-ġdid f'dan il-pajjiż? Jekk iva, kif jista' jibbenefika minn din l-għajnuna?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta' natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 13567 f'Seduta 235 tal-leġislatura preċedenti.