Peress li huwa fatt magħruf li l-obesita` fost it-tfal hija allarmanti, jista’ il-Ministru jgħid x'inhu jagħmel id-dipartiment ta’ l-edukazzjoni biex jiżgura li l-lezzjonijiet f'kull livell ta’ l-iskejjel primarji, sekondarji u sixth form fl-edukazzjoni fiżika jiżdiedu? X'qed isir biex il-ġenituri jintwerew il-benefiċċju li t-tfal tagħhom jagħmlu eżerċizzji fiżiċi regolari u li dawn għandhom jibdew l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li:
1. Id-Dipartiment tal-Kurrikulu jorganizza regolarment korsijiet għall-għalliema biex jaddottaw strateġiji ta' tagħlim biex aktar jimmotivaw lill-istudenti lejn l-attivita' fiżika.
2. Ikunu organizzati għadd ġmielu ta' Field Days u Fun Runs, fuq bażi ta' reġjun, ta' lokalita' u ta' skola. F'ħafna minn dawn jipparteċipaw il-ġenituri.
3. Id-Dipartiment tal-Kurrikulu jemmen li parti sostanzjali tal-problema tista' titnaqqas bi programm edukattiv. L-istudenti jingħataw tagħrif u parir mhux biss mill-P.E. teachers iżda wkoll minn teachers tal-PSD u tal-Home Economics meta l-istudenti jagħżlu dan is-suġġett bħala 'option'.
4. 'Id-dieta' u 'r-relazzjoni bejn l-attivita' u l-ikel' huma wkoll temi fis-sillabu għall-istudenti tal-P.E. 'option'.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx previst li fis-sena skolastika li ġejja jkun hemm aktar lezzjonijiet ta' taħriġ fiżiku? Kemm kien hemm f'din is-sena li se tagħlaq? Jista’ jagħti l-figuri għal kull livell?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux previst li fis-sena li ġejja jkun hemm żieda fil-lezzjonijiet ta' l-Edukazzjoni Fiżika.
Fis-sena li għaddiet it-taqsim ta' ħin għall-lezzjonijiet ta' l-Edukazzjoni Fiżika kien hekk:
1. Skola Primarja: sagħtejn u nofs fil-ġimgħa
2. Junior Lyceum Form 1 u 2: 2 lezzjonijiet fil-ġimgħa
3. Skola Sekondarja Form 1, 2 u 3: 2 lezzjonijiet fil-ġimgħa
4. Junior Lyceums Form 3, 4 u 5: lezzjoni waħda fil-ġimgħa
5. Skola Sekondarja Form 4 u 5: lezzjoni waħda fil-ġimgħa
6. Junior Lyceum (Klassi P.E. option): Form 3, 4 u 5: 4 lezzjonijiet fil-ġimgħa
7. Skola Sekondarja (Klassi P.E. option): Form 4 u 5: 5 lezzjonijiet fil-ġimgħa.
Biex jinġabar in-numru ta' lezzjonijiet li attwalment saru matul is-sena skolastika, ikun jeħtieġ li tintbagħat ċirkulari għall-informazzjoni mill-iskejjel mid-dipartiment ta' l-'Operations' fi ħdan id-Diviżjoni.
Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Għalliema ta' l-edukazzjoni fiżika
Question
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema ta’ l-edukazzjoni fiżika mpjegati mad-dipartiment ta’ l-edukazzjoni? Dawn huma kollha mpjegati fix-xogħol li ggradwaw għalih? Kemm minnhom jgħallmu f'aktar minn skola waħda? Kemm huma assenjati għall-iskejjel primarji, sekondarji u sixth form?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħal issa hawn 125 għalliem ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel statali. X'uħud minnhom jgħallmu suġġett ieħor ukoll.
Mhux kollha huma ggradwati B.Ed, għaliex x'uħud attendew it-Training Colleges waqt i oħrajn huma 'instructors'.
37 minnhom jgħallmu f'iktar minn skola waħda.
Dawn l-għalliema huma assenjati fl-iskejjel kif jidher hawn taħt:
23 peripatetic fl-iskejjel primarji
11 activity teachers (PE) fl-iskejjel primarji
01 swimming promotion unit
83 fis-sekondarji u junior lyceums
07 sekondarja għolja.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru placements ta' xogħol sena b'sena minn kemm ilha mwaqqfa t-taqsima għal-persuni b'diżabilita' fl-ETC?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ għamlet dawn il-placements ta' xogħol għal persuni b'diżabilita' minn Ottubru 1995 sa Settembru 2002.
Ottubru sa Settembru Total
1995-1996 66
1996-1997 64
1997-1998 59
1998-1999 40
1999-2000 27
2000-2001 45
2001-2002 67
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 312 u cioe' jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-programmi ta' ħidma tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija għas-sena 2002 u 2003?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif għadu ma wasallix u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Skejjel — Ċirkolari dwar żgħażagħ taħt l-eta' fi stabilimenti ta' divertiment
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni jhossx l-obbligu li qabel ma jibda s-sajf, peress li jiżdied sew in-numru ta' żgħażagħ barranin, ħafna minnhom taħt l-eta', jibgħat ċirkulari li tfakkar lill-kapijiet ta' dawn l-iskejjel li l-liġi ma tippermettix lil żgħażagħ taħt is-sittax-il sena li jidħlu f'bars u postijiet ta' divertiment, u dan għax l-iskejjel stess jorganizzaw ħafna mill-attivitajiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel kollha li jgħallmu l-Ingliż bħala lsien barrani jħossu diġa dan l-obbligu u ħafna minnhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex l-istudenti taħt is-sittax il-sena, meta joħorġu filgħaxija, ikun hemm min jieħu ħsiebhom u jwissihom kontra dan il-periklu li l-liġi ma tippermettix. Il-Bord ta' Sorveljanza bi ħsiebu jibgħat Ċirkolari lill-iskejjel kollha li jgħallmu l-Ingliż bħala lsien barrani kif suġġerit mill-Onor. Membru.
Wara t-tweġiba parlamentari dwar in-numru ta' ommijiet li kienu għadhom l-iskola u peress li jidher li l-attivita' sesswali ta' eta' żgħira qed tikber, jista' il-Ministru jgħid jekk l-istudenti kemm bniet kif ukoll subien fl-iskejjel sekondarji ta’ l-Istat jiġux mgħallma l-perikli tas-sess f'eta’ żgħira jew aħjar sex education?
L-istudenti jiġu mgħallma l-konsewgenzi u r-responsabbiltajiet taghhom wara t-twelid ta' tarbija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel Sekondarji qed isir programm mill-għalliema tal-Personal and Social Development (PSD) fuq is-Sexuality and Relationship Education. Dan il-programm mifrux mill-Form I sa Form IV u s-sena d-dieħla jidħol ukoll fil-Form V. Fil-lezzjonijiet l-istudenti ma jiġux mogħtija biss tagħrif fuq is-suġġett iżda wkoll valuri u skills marbutin mas-suġġett.
L-istudenti kollha fil-Form IV jattendu wkoll seminar ta' tlett ijiem fejn is-suġġett tas-Sexuality and Relationship Education jiġi trattat bejn l-istudenti u l-għalliema tal-P.S.D. Fis-seminar jattendu studenti subien u bniet u jkun hemm parti mill-programm li jittratta dwar relazzjonijiet fejn is-subien u l-bniet ikunu flimkien. Naturalment joħorġu ahjar il-konsegwenzi u r-responsabiltajiet taż-żgħażagħ Maltin.
Korporazzjoni ta' l-Impjiegi u Taħriġ — Employment Barometer
Question
Jista' il-Minsitru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar tagħrif miġbur mill-Korporazzjoni ta' l-Impjiegi u Taħriġ għall-Employment Barometer għall-perjodu li jibda minn Mejju 2003?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Barometru ta' l-Impjiegi għall-perjodu li jkopri Ġunju sa Diċembru 2003 għadu qed jiġi kkompilat peress li l-istħarriġ fost l-imprendituri ġie mitmum fl-10 ta' Ġunju 2003.
Il-publikazzjoni hija mistennija li toħroġ fl-ewwel ġimgħa ta' Lulju 2003.
Jista' il-Ministru jgħid x'kontroll isir fuq dawk l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin biex jiġi assigurat li dawk kollha li jiġu mpjegati bħala għalliema jkunu fil-fatt iggradwati jew almenu għandhom l-A level fis-suġġett? Kemm saru spezzjonijiet f'kull skola mill-1 ta' Ġunju 2002 sa l-1 ta' Ġunju ta' din is-sena għal dan il-għan? Inqabdu xi nies li ma kellhomx il-kwalifiki skond il-liġi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel kollha li jgħallmu l-Ingliż bħala lsien barrani jafu li kull min jgħallem magħhom irid ikollu liċenzja maħruġa mingħad il-Bord ta' Sorveljanza. Matul is-sena li għaddiet, mill-1 ta' Ġunju 2002, membri tal-Bord ta' Sorveljanza għamlu żjarat fl-iskejjel kollha f'Malta u Għawdex u ma nstab l-ebda każ ta' għalliema fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż bħala lsien barrani mingħajr liċenzja.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ sensji li sofrew il-ħaddiema f’Malta u Għawdex separatament matul l-ewwel erbgħa xhur ta’ din is-sena, xahar b’xahar? Kemm minnhom sabu mpjieg alternattiv u kemm minnhom bdew jitħarrġu għall-ħiliet ġodda? X’kienet is-sitwazzjoni għall-istess perjodu fis-snin 2000, 2001 u 2002, rispettivament?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif ġie mgħoddi lili u ser titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm kien hemm ħaddiema li ġew issensjati u li bdew jirreġistraw għax-xogħol. Din it-tabella taqsam l-informazzjoni bejn Malta u Għawdex u turi stampa ta' l-ewwel erba' xhur tas-snin 2000, 2001, 2002 u 2003. It-tabella turi wkoll kemm minn dawk li kienu ssensjati ġew impjegati.
S'issa il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC) ma żżomx informazzjoni b'mezz elettroniku dwar dawk li ġew issensjati u ħadu taħriġ.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema li ħadu l-impjieg mal-gvern u/jew mal-kumpanniji fejn il-gvern għandu l-ishma matul Jannar, Frar, Marzu u April ta’ din is-sena, separatament? Kemm minn dawn l-impjiegi kienu f’Malta u kemm f’Għawdex? Kemm minnhom kienu bil-kuntratt, każwali, part-time u permanenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond l-informazzjoni li tirċievi l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra turi kemm kien hemm impjiegi mal-kumpaniji (engagements) fejn il-Gvern għandu l-isħma, matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu u April 2003.
L-informazzjoni mitluba dwar is-Servizz Pubbliku hi responsabbilta' tal-Management and Personnel Office fl-Ufffiċċju tal-Prim Ministru.
Kemm kien hemm studenti jatendu l-aħħar sena tal-korsijiet B.Ed fl-Universita' tul din is-sena akkademika 2002-3 u f' liema suġġetti? Kemm kien hemm studenti jattendu kors PGCE tul din is-sena akkademika u f' liema suġġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif dwar in-numru ta' studenti li jattendu l-Universita' fil-kors tal-BEd (Hons) fl-aħħar sena imqassma b'suġġetti, u n-numru ta' studenti fil-kors tal-PGCE imqassma b'suġġetti.
Impjiegi — Kuntratturi li qed iħaddmu nies barranin illegalment
Question
F'kummentarju fuq Capital Radio fl-4 ta' Ġunju, fis-2.15 ta' wara nofsinhar intqal li hemm kuntratturi li qed iħaddmu ħaddiema barranin illegalment u jħallsuhom bi 80 ċenteżmu fis-siegħa u dan anke fuq proġetti tal-gvern. Jista’ il-Ministru jinvestiga u jara jekk dan l-abbuż hux qed isir jew le? Jekk jinstab li dan hu minnu, jista’ jagħti dettalji dwar fuq liema xogħol kienu qed jitħaddmu u min kienu l-kuntratturi in kwestjoni u fuq kollox jittiehdu l-passi meħtieġa skond il-liġi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-materja tirrigwarda lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Impjiegi u għalhekk il-Mistoqsija għandha issir lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu ħaddiema barranin jaħdmu illegalment f'Malta u Għawdex minn Jannar 2003 sal-31 ta' Mejju 2003? Jista’ jagħti dettalji dwar ix-xogħol li kien qed isir u ta' liema nazzjonalita` kienu? F'kemm-il każ ittieħdu passi bil-qorti?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Impjiegi — Nies li nqabdu jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw
Question
Jista' il-Ministru jgħid minn Jannar sal-31 ta' Mejju 2003 kemm inqabdu nies jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol? Liema kien ix-xogħol prinċipali li nqabdu jagħmlu? Jekk inqabdu jaħdmu ma' xi kuntrattur, ittieħdu passi wkoll kontra dan?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jogħġbu l-Ministru jispjega fid-dettall mqar b'eżempji, kif ser igawdu l-istudenti Maltin bil-parteċipazzjoni ta' Malta fil-programm ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-E learning li ġie introdott f'Mejju 2003?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mis-sena 2002 Malta saret membru sħiħ tal-European Schoolnet.
Il-European Schoolnet (EUN) hi organizzazzjoni internazzjonali iffinanzjata minn aktar minn 26 Ministeru ta' l-Edukazzjoni. L-għan tagħha hu li tiżviluppa t-tagħlim għall-iskejjel, għalliema u studenti fl-Ewropa.
Dan iseħħ permezz ta' l-użu tal-komunikazzjoni u bdil ta' informazzjoni, fis-sistema edukattiva, b'mezzi innovattivi, u billi naġixxu bħala 'gateway' għal 'networks' skolastiċi, kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali.
Fost l-attivitajiet l-iktar popolari għall-iskejjel Maltin hija l-eSchola u l-eLearning Awards.
eSchola titfa' l-attenzjoni fuq l-aħjar tat-teknoloġija ta' l-informatika u l-komunikazzjoni fl-edukazzjoni, minn madwar l-Ewropa. eSchola toffri opportunita' lill-għalliema Maltin biex jitgħallmu minn kollegi Ewropej.
eSchola toffri l-possibilta' li wieħed jissçħeb ma' komunita' ta' għalliema u skejjel minn madwar l-Ewropa u anke minn pajjiżi oħra.
Għalliema u studenti jistgħu jiltaqgħu, ibiddlu ideat u jaħdmu ma' xulxin fuq proġetti ta' daqs u tul differenti.
Din is-sena ser ikun hemm opportunita' għall-ġemellaġġ u 'networking' ta' skejjel.
L-eLearning Awards, organizzati mill-'European Schoolnet' (EUN), huma mmirati għall-għalliema u skejjel biex permezz tagħhom jiġu ppremjati proġetti, attivitajiet, riżorsi 'online' u websites ta' l-iskejjel li juru użu innovattiv u eċċellenti tal-ICT fit-tagħlim.
Il-Website ta' l-iskola ta' Marsaxlokk http://schoolnet.gov.mt/mxlokkprimaryc ġiet magħżula għal dawn l-eLearning Awards.
Jista' il-Ministru jgħid x'użu qed jagħmel il-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni minn Villa Psaigon li tinsab ġewwa Ħad Dingli? Meta kien l-aħħar li ntużat billi tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (GALEA, LOUIS)
L-iskop ta' Villa Psaigon hu li tintuża bħala residenza/'day field study centre' għat-tfal ta' l-iskejjel sekondarji. Peress li dan iċ-ċentru kien jeħtieġ tiswijiet biex titjieb is-sigurta' u s-safety tiegħu, is-servizz edukattiv ġie sospiż temporanjament.
Fis-16 ta' Diċembru, 1999 id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni applika formalment lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jinħarġu permessi biex dan il-post jiġi re-abilitat. Dan il-permess ġie rifjutat mid-Development Control Commission fil-11 ta' Marzu, 2002. Id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni baqa' iħoss il-ħtieġa ta' dan il-post li kien ta' benefiċċju kbir għall-istudenti, għalhekk fis-16 ta' Marzu, 2002 id-dipartiment reġa' applika għal rekonsiderazzjoni ta' din l-applikazzjoni (PA 6640/99).
Fis-26 ta' Mejju, 2003 nstema' l-appell u l-applikazzjoni ġiet approvata. It-tender għal dan ix-xogħol qiegħed jiġi ppreparat mill-Perit appuntat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada għall-pubblikazzjoni.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 283 u cioe' jista' il-Ministru jagħti l-lista sħiħa tal-presidenti tal-kunsilli skolastiċi maħtura għas-sentejn li ġejjin? Jista' għid fuq liema kriterji nħatru? Jista' jgħid f'liema kunsilli skolastiċi l-presidenti ġew maħtura kif indikati mill-kunsilli lokali? Jista' jgħid f'liema kunsilli skolastiċi l-Ministru ma aċċettax ir-rakkmandazzjoni tal-kunsilli lokali u x'kienu r-raġunijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-ħatra ta' Presidenti tal-Kunsilli ta' l-Iskejjel, li saret wara konsultazzjoni, tajt każ ta' diversi kriterji, fosthom:
1. Li fil-fehma tal-Ministru ta' l-Edukazzjoni il-persuna hi idonea għall-iskola li għaliha hi nħatret bħala President;
2. Li ma tkunx serviet bħala Kap ta' din l-iskola fil-passat qarib;
3. Li ma hijiex preżentement isservi bħala Sindku tal-Kunsill lokali;
4. Li ma tkunx kandidata ma' xi partit politiku għall-elezzjonijiet ġenerali;
5. Li preżentement ma hix isservi bħala għalliema;
6. Li ma tkunx ġenitur ta' tfal li jattendu fl-iskola fejn se tkun isservi bħala President.
Kull Kunsill Lokali kien mgħarraf b'ittra datata 20 ta' Jannar 2003 sabiex 'jindika ismijiet ta' persuni li fil-fehma tiegħu huma adatti biex iwettqu l-funzjoni tagħhom ta' Presidenti skond il-provedimenti ta' l-Avviż Legali 135 ta' l-1993'. Fl-istess ittra kien indikat ċar li l-Ministru ta' l-Edukazzjoni 'qed iniedi proċess ta' konsultazzjoni wiesgħa bil-għan li jikseb opinjonijiet dwar persuni li jistgħu jiġu kkunsidrati minnu biex iservu bħala Presidenti' u 'il-Ministru jirriserva li jinnomina dik il-persuna li fil-fehma tiegħu tkun idonea għall-iskola konċernata'.
L-elezzjonijet tal-Kunsilli saru fl-24 ta' Jannar 2003 u l-ewwel laqgħa tal-Kunsill trid tissejjaħ mill-President tal-Kunsill. Sussegwentament, il-Ministru ta' l-Edukazzjoni għadda sabiex jaħtar il-Presidenti wara li ħa inkonsiderazzjoni l-opinjonijiet ta' dawk il-Kunsilli li għażlu li jibgħatu nomini. Diversi Kunsilli ma bagħtu ebda nomina anke invista ta' l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali li nżammu f'Marzu. Kunsilli oħra bagħtu n-nomini tagħhom wara li kien diġa' nħatar il-President.
Il-Ministru aċċetta n-nomina tal-Kunsilli Lokali f'dawn l-iskejjel:
Attard, B'Bugia B, B'Kara A u B, Fgura B, Floriana, Gharghur, Gudja, Ħamrun (A, B, C), Kalkara, Kirkop (tieni għażla), Mellieħa, Mġarr, Mosta B, M'Scala, Naxxar, Pieta', Qormi SS A u B, Senglea, Sliema, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Tarxien, Vittoriosa, Żabbar A, Żebbuġ B, Żejtun A u B, Żurrieq A, Għajnsielem, Qala, San Lawrenz, Sannat, Rabat u Xewkija.
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni ħatar jew se jaħtar Presidenti oħra u mhux skond kif indikat mill-Kunsilli Lokali f'dawn l-iskejjel:
a. Il-Ministru għażel persuni li skond il-fehma kienu aktar idonei biex iservu f'dawn l-iskejjel: B'Bugia A, Fgura A, Għaxaq, Żabbar A, Kerċem, Nadur u Żebbuġ (Għawdex).
b. Il-Ministru ħatar Presidenti hu peress li n-nomini mill-Kunsilli Lokali waslu tard; Cospicua, Dingli (persuna indikata Sindku), Lija/Balzan, Qormi San Ġorġ A u B, Santa Venera A u B u Żurrieq B.
c. Il-Ministru għad irid jaħtar Presidenti f'dawn il-lokalitajiet; Mqabba, Mtarfa (persuna indikata Sindku), Pembroke u Siġġiewi.
d. Żebbuġ A: il-persuna indikata kienet kandidata għall-elezzjoni ġenerali.
Lista bl-ismijiet tal-Presidenti konċernati ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Għalliema barranin
Question
Kemm hemm persuni ta' nazzjonalita' barranija jaħdmu mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni bħala għalliema full-time, part-time, jew casuals? Minn liema pajjiżi huma? X'suġġetti jgħallmu? Fuq liema kriterji u b'liema kwalifiki ġew appuntati? X'inhi l-pożizzjoni legali tagħhom f'pajjiżna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li persuni ta' nazzjonalita' barranija li jaħdmu mad-Dipartiment ta' l-Edukazjoni bħala għalliema huma tnejn.
Dawn huma għalliem ta' nazzjonalita' Rumena li jgħallem l-Ispanjol bi grad ta' Għalliem Temporanju u għalliem ta' nazzjonalita' Tedeska li jgħallem it-Tedesk bi grad ta' 'Supply Teacher'.
Il-Board li ntervistahom sab li kellhom kwalifiki biżżejjed biex ikunu eliġibbli u ġew impjegati peress li ma kienx hemm għalliema Maltin disposti biex jgħallmu s-suġġett tagħhom.