Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #4684 Sitting 110 2004-03-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ħatra ta' second secretary

Question

Wara li tħabbar ir-riżultat għall-ħatra ta' second secretary, jista' il-Ministru jgħid kemm għaddew minn dan l-eżami, kemm ħadu l-ħatra u hemmx xi ħsieb li tingħata l-ħatra lill-kumplament tal-kandidati li għaddew minn dan l-eżami?

Response (BORG, JOE)

Disgħa u sittin kandidat għaddew mill-proċess selettiv, li tmexxa taħt il-proċeduri stabbiliti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u li nżamm bejn Novembru u Diċembru 2002, għal ingaġġ bħala Second Secretary fil-Korp Diplomatiku Malti. Sa llum, sebgħa u għoxrin kandidat ħadu l-ħatra ta' Second Secretary, filwaqt li ħames kandidati oħra ngħataw il-permess li jkollhom il-ħatra tagħhom posposta għal ftit taż-żmien, disgħa mill-kandidati magħżula irrifjutaw il-ħatra bħala Second Secretary taħt dan il-proċess selettiv, b' kollox wiehed u erbgħin mid-disgħa u sittin kandidati li għaddew. Ir-riżultat tal-proċess selettiv, li ġie ippubblikat fit-22 ta' Mejju 2003, jibqa' validu sa sena minn din id-data, cioe' sal-21 ta' Mejju, 2004. Il-Ministeru qieghed gradwalment jimla' l-vakanzi kollha li għandu skond l-estimi finanzjarji approvati għal din is-sena.
Leg 10 PQ #4687 Sitting 110 2004-03-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Diplomatic passports

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inħarġu diplomatic passports mill-elezzjoni ġenerali 'il hawn? Jista' jagħti dettalji dwar il-kategoriji ta' persuni lil min inħarġu?

Response (BORG, JOE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija numru 3715. Minn informazzjoni li ksibt mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, in-numru ta' passaporti diplomatiċi li nħarġu mill-15 ta' Jannar 2004 sal-5 ta' Marzu 2004 hu ta' 6.
Leg 10 PQ #4339 Sitting 109 2004-03-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Biedja lokali

Question

Jista' il-Ministru jispjega x'inhu eżatt, qasam b'qasam il-hardship fis-settur tal-biedja lokali sabiex jadoperaw is-salvagwardji tal-biedja lokali li rrefera għalih fil-laqgħa tal-Kumitat ta' l-Affarijiet Barranin tal-Parlament tat-2 ta' Frar 2004?

Response (BORG, JOE)

Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant li s-salvagwardja li semmejt fil-qasam tal-biedja lokali mhix xi ħaġa li tistabilixxiha minn qabel, iżda tiġi determinata mill-effett li jista' jkollha l-importazzjoni fuq il-produzzjoni lokali. Bis-saħħa ta' din is-salvagwardja l-awtoritajiet Maltin ikunu jistgħu jagħtu l-għajnuna meħtieġa lis-settur tal-biedja, inklużi setturi speċifiċi. fil-każ li dawn jaffaċċjaw xi diffikulta' serja.
Leg 10 PQ #4636 Sitting 109 2004-03-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

UE — Laqgħa tal-Big Three

Question

Billi l-kanċillier Ġermaniż Schroder qal illi l-Prim Ministru Malti ma qajjem l-ebda kritika jew riservi dwar il-laqgħa bejn il-Big Three tal-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar dawn it-tip ta' summits u jekk kienx hemm xi konsultazzjonijiet mal-acceding countries u stati membri ż-żgħar dwar dan is-suġġett?

Response (BORG, JOE)

Laqgħat simili bejn gruppi ta' stati membri jiġru ta' spiss, kemm jekk l-istati involuti jkunu kbar, żgħar jew ta' daqs medju. M'hemm xejn ħażin li jsiru laqgħat bħal dawn diment li dawn ikunu maħsuba sabiex jikkontribwixxu għal pożizzjonijiet komuni eventwali bejn l-istati membri kollha, jew jekk il-materji trattati jkunu barra mill-kompetenza ta' l-Unjoni Ewropea. Laqgħat simili jistgħu jqanqlu tħassib jekk ikunu maħsuba sabiex grupp żgħir u magħluq ta' pajjiżi membri javvanza 'l quddiem sabiex dawn il-pajjiżi jiżviluppaw il-politika tagħhom bejniethom meta din tkun tirrigwarda materji li jaqgħu taħt il-kompetenza ta' l-Unjoni Ewropea. Biex grupp ta' stati membri jasal biex jimxi 'l quddiem b'dan il-mod, dan għandu jkun permess u regolat mill-Unjoni Ewropea stess bħalma seħħ fir-rigward ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u fir-rigward tax-Schengen u bħal ma kien hemm maħsub fl-abbozz tat-Trattat Kostituzzjonali li kienet qed tiddiskuti l-Konferenza Inter-Governattiva dwar il-Futur ta' l-Ewropa. F'dan il-każ il-proċess għandu jkun miftuħ għal dawk il-pajjiżi kollha li jkunu lesti biex jieħdu dan il-pass.

Proġetti fil-pajjiżi l-aktar żgħar

Question

Meta huwa maħsub li pajjiżna jibda jsegwi l-politika ta' l-Unjoni Ewropea u joħroġ 0.33% tal-GDP tiegħu (li bħalissa jitilgħu għal xi Lm4 miljuni) fis-sena fi proġetti ta' żvilupp fil-pajjiżi l-iżjed fqar?

Response (BORG, JOE)

Għalkemm fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li nżammet f'Monterrey fil-Messiku bejn it-18 u t-22 ta' Marzu 2002, l-Unjoni Ewropea għamlet pleġġ li tilħaq medja ta' 0.39 fil-mija tal-GNI tagħha bħala Assistenza Uffiċċjali għall-Iżvilupp (ODA), u kull Stat Membru qabel li jikkkontribwixxi ta' l-anqas 0.33 fil-mija tal-GNI bħala ODA, se jkun diffiċli għall-Istati Membri li għad iridu jaċċedu għall-Unjoni illi jilħqu il-livell mixtieq ta' ODA, minħabba limitazzjonijiet kemm finanzjarji kif ukoll ta' riżorisi umani li jiffaċċjaw. Madankollu, bl-għajnuna anki ta' l-organiżżazzjonijiet mhux governattivi lokali, il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin qed ifassal Karta dwar il-Politika Maltija għall-Iżvilupp, kif ukoll abbozz ta' Pjan ta' Azzjoni għat-twettieq ta' din il-politika fis-snin li ġejjin. Dawn id-dokumenti mistennija jitressqu għall-kunsiderazzjoni tal-Kabinett tal-Ministri fil-futur qarib. Il-Pjan ta' Azzjoni se jidentifika u jikkwantifika l-infieq attwali f'dak li huwa ODA minn naħa Maltija, kif ukoll se jipproponi kalendarju dwar kif il-figura ta' infiq fuq bażi nazzjonali tista' tiżdied fis-snin li ġejjin sabiex tilħaq il-perċentwali mixtieqa mill-Unjoni Ewropea.

Budget Rebate tar-Renju Unit — Fondi lill-Unjoni Ewropea

Question

Tikkonferma li parti mill-fondi 204 miljun Euro fis-sena li Malta se tagħti lill-Unjoni Ewropea se jmorru għall-budget rebate tar-Renju Unit biex tieħu lura dak li ħallset żejjed lill-fondi tal-UE? Għal kemm snin mistennija nħallsu dawn iż-2.4 miljun euro fis-sena?

Response (BORG, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #4201 Sitting 107 2004-03-02 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-affarijiet barranin — Kiri ta' affarijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kirjiet ta' vannijiet, karozzi, trakkijiet, gafef, għamara, mobile phones, photocopiers, computers, pjanti, eċċ. li għandu l-ministeru u d-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekastru tal-ministeru? Kemm hi r-rata tal-kirja kull ġurnata f'kull każ separatament? Fil-preżent, kemm hi ċ-ċifra taż flus tal-kontijiet pendenti li l-ministeru u l-entitajiet għandhom iħallsu għal dawn il-kirjiet? Kemm kienet in-nefqa globali ta' dawn il-kirjiet matul is-sena li għaddiet? Jista' jinformani kemm kienet in-nefqa globali għal karozzi u għamara ġdida li nxtrat matul is-sena 2003?

Response (BORG, JOE)

Peress li jidher li l-informazzjoni ddettaljata li qed jitlob l-Onorevoli Membru fil-Mistoqsija tiegħu mhux se twassal għal xi titjib fl-amministrazzjoni pubblika ta' pajjiżna jew għal xi benefiċċju rilevanti ieħor, ma naħsibx li l-ħin estensiv li jeħtieġ il-Ministeru tiegħi sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba ikun ġustifikat u ċertament huwa ħin li jista' jintuża aħjar. L-Onorevoli Membru għandu jikkunsidra jagħmel Mistoqsija aktar iffokata u ristretta.

European Economic Area — Norveġja

Question

Kemm huwa stmat li ddaħħal Malta f'fondi mingħand il-pajjiżi ta' l-European Economic Area u mingħand in-Norveġja?

Response (BORG, JOE)

Huwa stmat li mid-data tas-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea, Malta ser iddaħħal total ta' 724,200 euro fis-sena minn dawn iż-żewġ alllokazzjonijiet fuq medda ta' ħames snin. Il-komponent multilaterali jammonta għal 384,000 euro, fil-waqt li dak bilaterali tan-Norveġja jammonta għal 340,200 euro fis-sena.
Leg 10 PQ #4494 Sitting 107 2004-03-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Protfolio tal-Kummissarju ta' l-Unjoni Ewropea

Question

Billi ċerti pajjiżi li sejrin jissieħbu fl-UE urew ċerti riservi dwar il-portfolio ta' Kummissjarju li ġie offrut lilhom, tistax tgħid Malta jekk kinitx kuntenta jew kellhiex xi riservi dwar il-portofolio offrut lilha?

Response (BORG, JOE)

Nixtieq niċċara li l-portafolio tal-Kummissarju ma' jiġix offrut lil pajjiż iżda lill-Kummissarju konċernat. Jiena m'għandi l-ebda riserva fuq il-portafolio offrut lili anzi jien sodisfatt ħafna bih. Nixtieq inżid li kien fost l-preferenzi li ndikajt jiena stess lill-President tal-Kummissjoni. Irrid nagħmilha ċara, pero', li t-tqassim eventwali tal-portafolji bejn il-Kummissarji għall-perjodu minn Novembru 2004 sa Ottubru 2009, jiġi deċiż mill-President ġdid tal-Kummissjoni.
Leg 10 PQ #4472 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxatur John Lowell

Question

Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra s-CV inklużi ċ-ċertifikati u diplomi ta' studji ta' l-ambaxxatur John Lowell, residenti f'Washington?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Curriculum Vitae ta' l-Ambaxxatur ta' Malta fl-Istati Uniti.
Leg 10 PQ #4473 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Kumpannija Nortel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ambaxxatur li għandu kuntatti kummerċjali mal-kumpannija Nortel fil-Kanada? Saru xi kuntatti mill-ambaxxatur Malti tagħna fl-Istati Uniti li hu akkreditat għall-Kanada ma' din il-kumpannija?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultalix li xi ambaxxatur għandu kuntatti kummerċjali mal-kumpanija Nortel fil-Kanada. Jien infurmat li ma saru l-ebda kuntatti mill-Ambaxxatur Malti tagħna fl-Istati Uniti li hu akkreditat għal-Kanada, ma din il-Kumpanija.
Leg 10 PQ #4474 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxatur Salvinu Busuttil

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk mill-1.12.03 s'issa l-ambaxxatur Salvinu Busuttil kienx Malta ma' delegazzjonijiet ta' industrijalisti barranin? Jekk iva, jista' jgħid jekk talabx u ngħatax l-assistenza tat-taqsima kummerċjali u ekonomika tal-ministeru? Jekk le, jista' jgħid minn min kien akkumpanjat fil-laqgħat li kellu hawn Malta?

Response (BORG, JOE)

Bħala parti mix-xogħol ta' l-Ambaxxata biex tippromwovi l-industrija Maltija l-Ambaxxatur flimkien ma l-ogħla rappreżentanti tal-Malta Enterprise (li għandha rappreżentant bħala Kunsillier Ekonomiku fi ħdan l-Ambaxxata ta' Malta f'Pariġi għen biex niżlu Malta diversi industrijalisti Franċiżi interessati f'pajjiżna. L-ogħla rappreżentanti tal-Malta Enterprise ħadu sehem f'dawn il-laqgħat flimkien ma l-Ambaxxatur (li kien Malta għal btala). L-Ambaxxata żammet informata t-taqsima Kummerċjali u Ekonomika, tal-Ministeru tiegħi.
Leg 10 PQ #4475 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Maġistrat Borg Olivier de Puget — Ambaxxatur għal Brazil

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta nħatar ambaxxatur għal Brazil il-maġistrat Borg Olivier de Puget? Fejn hu residenti? Kemm-il darba mar il-Brazil? Kemm qamet kull żjara għal dan il-pajjiż? Xi pjani għandhom il-gvern u l-ambaxxatur in kwestjoni dwar kif jistgħu jiġu żviluppati r-relazzjonijiet ta' Malta mal-Brazil fil-ġejjieni?

Response (BORG, JOE)

Il-Maġistrat Borg Olivier de Puget inħatar ambaxxatur għall-Brzżil b'residenza f'Washington, D.C. fit-22 ta' Settembru 2002. L-ambaxxatur qiegħed jistenna li l-Awtoritajiet Brażiljani jinformaw lill-Gvern Malti bid-data li fiha irid jippreżenta l-ittri tal-kredenzjali. Ghaldaqstant, għadu ma għamel ebda żjara għal dan il-pajjiż. Bħal fil-każ ta' relazzjonijiet bilaterali oħrajn, anke f'dan il-każ il-Gvern deherlu li kellu jirrreċiproka l-ħatra ta' ambaxxatur mhux residenti tal-Brażil għal Malta. B'dan il-mod ir-relazzjonijiet bilaterali jistgħu jiġu żviluppati aħjar fil-ġejjieni.
Leg 10 PQ #4476 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Lichtenstein — Ambaxxatur non residenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien l-iskop li jinħatar ambaxxatur non residenti għall-Lichtenstein meta l-ministeru għandu ambaxxaturi residenti f'Ġinevra u fi Vjenna u kien ikun aktar naturali li wieħed minn dawn jiġi akkreditat għal Lichtenstein minn dawn il-bliet?

Response (BORG, JOE)

L-Ambaxxatur mhux residenti għall-Liechtenstein huwa akkreditat għal pajjiż ieħor (Norveġja) u mhux għall-Lichtenstein biss. Il-kriterju li għalih jinħatru ambaxxaturi għal pajjiżi oħra m'għandux ikun biss abbażi ta' prossimita' ġeografika.
Leg 10 PQ #4512 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Bordijiet u Kummisjonijiet — Perċentwali ta' rġiel u nisa

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-perċentwali ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il-perċentwal ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet u kummisjonijiet?

Response (BORG, JOE)

matul l-2003 kien hemm erba' bordijiet / kummissjonijiet li kienu komposti kif ġej: 1. Malta / EU Steering and Action Committee (MEUSAC) - Core Group Dan kien magħmul minn 25 membru, 92% rġiel u 8% nisa. 2. Awtorita' Nazzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar Armi Kimiċi. L-Awtorita' kienet komposta minn ħames membri, kollha rġiel. 3. Il-Bord tal-Konsulenti għall-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Dan il-Bord bħalissa hu magħmul minn 13-il membru, 85% irġiel u 15% nisa. 4. Il-Bord tal-Kunsillieri tal-Voice of the Mediteranean Dan il-Bord kien kompost minn sitt membri, kollha rġiel. Dan il-bord ġie xolt fl-aħħar tas-sena 2003. Matul l-2003 il-bordijiet fil-Ministeru kienu ippresjeduti minn irġiel.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien is-safar li sar fuq xogħol uffiċjali minn uffiċjali governattivi jew oħrajn li tħallsu mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu matul is-sena 2003? Min siefer? Fejn kienet kull safra? Kemm kienet l-spiża ta' kull safra? Min awtorizza kull safra? Min minn dawk li siefru mar first class jew club class?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Is-safar kollu kien awtoriżżat mis-segretarju permanenti tal-Ministeru tiegħi, u mill-Prim Ministru fil-każ tiegħi.
Leg 10 PQ #4406 Sitting 105 2004-02-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxatur Licari — Laqgħa mad-direttur tal-world heritage centre tal-UNESCO

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-laqgħa li l-ambaxxatur Licari huwa mifhum li kellu nhar is-6 ta' Jannar, 2004 mad-direttur tal-world heritage centre tal-UNESCO meta huwa ssottometta environmental impact assessment dwar it-temporary landfills li ġie mgħoddi lilu mill-ministeru għar-riżorsi u infrastruttura?

Response (BORG, JOE)

Wara li l-Ambaxxatur Malti għall-UNESCO issottometta l-Environmental Impact Assessment dwar it-temporary landfills lid-Direttur tal-World Heritage Centre, dan ta' l-aħħar qal lill-istess Ambaxxatur li ser isegwi l-proċedura normali, jiġifieri li jitlob il-parir ta' l-organiżżazzjonijiet non-governattivi li huma rikonoxxuti mill-UNESCO bħala esperti fil-qasam tal-wirt kulturali.
Leg 10 PQ #4407 Sitting 105 2004-02-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Kumitat tal-kunsill ta' l-Ewropa dwar prevenzjoni ta' tortuura u trattament inuman — Żjara ta' delegazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk tħejjix xi rapport dwar iż-żjara ta' delegazzjoni tal-kumitat tal-kunsill ta' l-Ewropa dwar il-prevenzjoni tat-tortura u trattament inuman u degradanti li saret fit-tieni nofs ta' Jannar ta' din is-sena? X'kien l-eżitu taż-żjarat li għamlu liċ-ċentri li qegħdin jospitaw l-immigranti llegali?

Response (BORG, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #4423 Sitting 105 2004-02-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxati Maltin — Nationals barranin

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4314 u cioe' kienx hemm xi ambaxxati Maltin barra l-pajjiż fejn spiss irriżulta li nationals barranin li applikaw il-visa section ta' l-ambaxxata ppreżentaw għadd ta' employment documents imbagħbsa (forged)? Jekk iva, fejn irriżulta dan? Huwa minnu li ġieli kien hemm każi fejn individwi barranin applikaw għall-visa biex jidħlu Malta f'ċerta ambaxxata fejn ippreżentaw inviti minn kumpanniji Maltin biex iżuru pajjiżna għal taħdidiet kummerċjali fejn wara li sar l-istħarriġ neċessarju rriżulta li ma kien jeżisti ebda rbit kummerċjali bejn iż-żewġ naħat?

Response (BORG, JOE)

Skond l-informazzjoni li nġabret jirriżulta li fl-Ambaxxati ta' Malta fil-Kajr, f'Tunis, f'Beijing u fi Tripli ġieli ltaqgħu ma' każijiet fejn l-applikanti għal visa jipproduċu dokumenti foloz ta' impieg. Fl-Ambaxxata ta' Malta fil-Kajr tlett individwi barranin applikaw għall-visa biex jidħlu Malta, u pproduċew inviti minn kumpaniji Maltin li wara rriżulta li ma kellhom l-ebda rabta kummerċjali ma' l-applikanti.
Leg 10 PQ #4471 Sitting 105 2004-02-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Richard Cachia Caruana — First permanent representative

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'se jkun il-pakkett finanzjarju offrut lis-sur Richard Cachia Caruana bħala first permanent representative fi Brussels tal-Gvern Malti?

Response (BORG, JOE)

Il-kuntratt tas-Sur Richard Cachia Caruana bħala ir-Rappreżentant Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea fi Brussell għadu m'huwiex finaliżżat.