B'riferenza għall-mistoqsija 35264, ix-xogħol jinkludu wkoll il-parti tal-bypass li ġġarfet? Jekk le, għaliex u meta sa jsiru x-xogħlijiet f'din il-parti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol li hemm referenza għaliħ fil-Mistoqsija Parlamentari numru 35264 ma japplikax ma' din il-parti tat-triq.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont li ntnefaq fuq il-bini tat-toroq mill-1 ta' Ottubru, 1998 sal-lum, kull sena separatament?
Jista' jagħti d-dettalji dwar in-nefqa li saret f'kull triq, inkluż l-isem tat-triq u l-lokalita`?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir il-landscaping matul is-central strips f'Qormi Road, Ħal Qormi, kif imwiegħed f'mistoqsija parlamentari preċedenti?
Meta ħarġet it-tender u min kienet l-aġenzija li rebħitha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tlabt id-Direttorat tat-Toroq jieħu l-passi neċessarji dwar din l-area.
Jikkonsidra l-Ministru li l-iron barriers li saru fis-central strip, minn Portes des Bombes san-niċċa ta' Sant'Anna, Furjana, huma estetikament mhux xierqa ma' triq prinċipali bħal din?
Ta' min kien il-parir ta' dawn il-crash barriers? Hemm alternattiva oħra li ssir xi ħaġa aktar ta' dekor?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ħejjiet proġett biex tiġi rranġata Triq Sant'Anna fil-Furjana u l-barriers imsemmija se jiġu nkorporati f'dan il-proġett.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma ġietx offruta fond alternattiv għall-ħanut li qed jiġestixxi f'Pinto Wharf, Valletta? Jaf il-Ministru li s-sidien tal-ħwienet l-oħra kollha ġew akkomodati alternattivament minħabba l-proġġett tas-sea terminal?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36044 u jgħid kemm-il kilometru tarmak ingħata mill-gvern ċentrali f'Raħal Ġdid, Santa Luċija, Gudja, Raħal Ġdid ta' Lourdes u l-Marsa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 36044.
Jista' il-Ministru jispjega għaliex l-awtorita` marittima ma ntervjenitx u ma ħadet l-ebda passi fil-każ li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima ta' Malta hija konxja mill-problema u qiegħda tieħu l-passi kollha sabiex tiġi solvuta.
Birkirkara — Triq Bwieraq u Triq is-Salib Imqaddes
Question
Jista' il-Ministru jagħti struzzjonijiet lid-dipartiment tax-xogħlijiet biex jistħarreġ kif tista' tiġi rranġata r-rokna bejn Triq Bwieraq u Triq is-Salib Imqaddes ġo B'Kara minħabba li wara li twaqqgħet dar, għadha maqlugħa f'nofs ta' triq roqgħa mdaqqsa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-twaqqiegħ li sar fi Triq Bwieraq kien pass preparatorju sabiex it-triq tkun tista' tinfetaħ u qed isiru l-istejjem biex ikun jista' jinbena ġibjun taħt l-art f'din il-wesgħa, biex wara tiġi asfaltata t-triq.
B'referenza għat-tweġiba tiegħek tat-8/10/2002 għall-mistoqsija 35719 u għall-mistoqsija 34723 tal-15/07/02, kemm normalment jieħu żmien biex jasal ir-rapport mingħand l-utilities għand id-dipartiment konċernat? Liema huma s-sezzjonijiet li wieġbu s'issa? Min huma s-sezzjonijiet kollha li jiffurmaw l-utilities?
Response (GALEA, ĊENSU)
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, jien infurmat li l-Utilities huma Drainage Department, Maltacom, Water Service Corporation, Enemalta u l-Melita Cable.
Iż-żmien li jieħdu dawn l-Utilities biex jippreparaw ir-rapporti tagħhom ivarja skond il-komplessita tax-xogħol li jkunu jridu jwettqu, jew tas-servizzi li jkollhom fit-toroq li dwarhom ikun jridu jirrapurtaw.
Fil-każ preżenti id-Dipartiment tad-Drenaġġ u l-Enemalta huma l-Utilities li għadhom ma għaddewx ir-rapport lid-Direttorat.
Fid-dawl tar-risposta li huwa tagħni għall-interpellanza tiegħi 35706, dwar l-asfaltar tat-toroq f'Ta' Xlejli, jista' il-Ministru jkompli jinformani dwar l-iskop li għalih ser jiġi ffirmat dan il-kuntratt ta' ftehim u sa meta ser ikun iffirmat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li dan hu proġett pilota u li l-iskop tal-ftehim hu biex ilaqqa l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali fi sħubija, sabiex toroq li l-Awtorita' kellha l-ħsieb li tagħmel aktar 'il quddiem ikunu jistgħu isiru issa mill-Kunsill u l-ispejjeż għalihom jiġu rifonduti fuq perjodu ta' tliet snin mill-fondi ta' l-Awtorita'.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn vetturi llum u x'tip huma? Jista' jagħti wkoll breakdown ta' kemm għandhom żmien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li n-numru ta' vetturi liċenzjati sat-30 ta' Settembru 2002 hu kif ġej:
Vetturi privati 193,784
Vetturi kummerċjali 44,893
Vetturi għall-kiri 7,602
Buses, Coaches u Mini-Buses 1,129
Muturi 12,971
Total: 260,379
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella dwar kemm dawn il-vetturi għandhom żmien.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li minkejja l-wegħdiet li saru lir-residenti ta' Għar Barka, is-servizz tat-trasport pubbliku għadu qatt ma ġie estiż għal dawn l-inħawi tar-Rabat, Malta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li wara ftehim li sar bejn id-Direttorat għat-Trasport Pubbliku u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku, ġie mifthiem li dawk it-toroq li jridu jintużaw mir-rotta ta' Għar Barka ġew irranġati mid-Direttorat tat-Toroq, filwaqt li l-Kunsill Lokali tar-Rabat ukoll ħa ħsieb ix-xogħol tat-tarmak.
Ser issir site visit finali il-ġimgħa d-dieħla sabiex jiġi spezzjonat ix-xogħol u skond ma' jirriżulta, r-rotta l-ġdida ta' Għar Barka tkun tista' tibda topera mill-aktar fis.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li f'toroq rurali fejn qed isiru xogħlijiet fuq it-toroq bħal dawk ta' l-Imtarfa bypass, it-triq ta' Burmarrad, it-triq tas-Salina u t-triq tan-Naxxar saru xogħlijet ta' bini ta' ħitan bi blokki tal-konkrit jew tal-ġebel tal-franka minflok il-ħitan tas-sejjieħ? Għaliex qed isir dan l-abbuż ta' nfieq żejjed ta' flus u ta' qerda tal-karatteristiċi rurali tal-gżejjer tagħna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi fejn f'toroq rurali qed isir xogħol b'panewwijiet tal-konkos li għandhom wiċċ b'ġebel rustiku, dan qed isir b'esperiment sabiex ikun jista' jiġi deċiż jekk dan it-tip ta' kostruzzjoni tkunx adattata għal żoni rurali. Minn naħa l-oħra ħitan tal-franka qed ikollhom jibqgħu jinbnew f'toroq rurali peress illi ma hawnx biżżejjed ħaddiema li jibnu ħitan tas-sejjieħ, biex ilaħħqu max-xogħol kollu li hemm bżonn isir. Minbarra hekk dawn il-ħitan qed jinbnew bħala għajnuna lill-bdiewa li ħafna drabi kienu ser jispiċċaw bl-għelieqi tagħhom esposti.
Jista' il-Ministru jara li urġentement jissewwew u jinxtegħlu iż-zebra crossings tal-parti t'isfel ta' Vjal il-Ħaddiem (li hemm fejn il-knisja tan-Nigret ) u dik li hemm fil-qasam tad-djar ta' Għajn Qajjed (quddiem dar 13) peress li ilhom ix-xhur mitfija tant li aktar qed ikunu ta' periklu milli għajnuna għall-pedestrians? Jekk fl-affermattiv, meta se jsir ix-xogħol meħtieġ u għaliex tħallew daqstant żmien fid-dlam?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi l-crossings li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma installations ġodda u filwaqt li x-xogħol fuq il-pelican light (ta' ħdejn il-Knisja) qed isirlu l-wiring u jitwaħħlu l-lanterni, fil-każ taż-zebra crossing (ta' quddiem dar 13) id-Direttorat tat-Toroq lesta x-xogħol tac-civil engineering u waħħal l-arbli sabiex ix-xogħol ta' wiring ikun jista' jsir mill-Enemalta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm vapuri li bħalissa huma reġistrati taħt il-bandiera Maltija? X'inhu t-tunellaġġ? Kemm-il vapur ħassar ir-reġistrazzjoni tiegħu fl-ewwel disa' xhur tas-sena? Kemm-il wieħed kellu r-reġistrazzjoni tiegħu mħassra mill-awtorita' marittima fl-istess żmien? X'kienu r-raġunijiet prinċipali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' bastimenti inkluż pleasure yachts, reġistrati taħt l-Att Dwar il-Bastimenti Merkantili, sat-30 ta' Ġunju 2002 kien ta' 3100 b'tunellaġġ gross totali ta' 27,063,313.
Matul l-istess perjodu sar għeluq ta' reġistrazzjoni ta' 203 bastimenti, inklużi pleasure yachts, b'tunellaġġ gross totali ta' 2,336,321. Minn dawn kien hemm 19-il bastiment b'tunellaġġ gross ta' 85.128 li l-għeluq tar-reġistrazzjoni tagħhom sar wara li ntużaw is-setgħat tal-Ministru responsabbli għall-bastimenti u tar-Reġistrattur Ġenerali li jordna l-għeluq tar-reġistrazzjoni prinċipalment minħabba defiċenzi tekniċi u ċertifikati meħtieġa li jkunu skadew.
L-informazzjoni għall-perjodu li jagħlaq fl-aħħar ta' Settembru 2002 għadha qed tinġabar u tkun inkluża fir-rapport annwali ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta għas-sena Ottubru 2001 - Settembru 2002 li ser npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fil-futur qrib.
Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm bemm vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija li huma miżmuma f'xi portijiet barranin? Fejn? Għal liema raġuni? Kemm ilu miżmum kull wieħed?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li huwa ferm diffiċli biex wieħed ikun jaf bl-eżatt f'xi mument partikolari kemm mill-eluf ta' bastimenti reġistrati mal-Awtorita' Marittima li jbaħħru mad-dinja kollha jkunu miżmuma f'xi port.
Jekk l-Onor. Interpellant jsemmi xi perjodu jew xahar partikolari nara li l-informazzjoni tinġabar u tingħata, kif fil-fatt ġara f'każ ta' mistoqsijiet oħra simili.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu karrozzi b'kollox? Kemm minnhom huma petrol u kemm diesel? Minn fejn jingħataw il-fuel? Il-karozzi jittieħdu magħhom id-dar, jew jitħallew il-ministeru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru għandu żewġ karozzi uffiċjali. It-tnejn jaħdmu bil-petrol li jingħata minn pompi tal-petrol privati u li ma jitħallewx il-Ministeru.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid hemmx il-ħsieb li ssir Triq il-Barumbara, Ħaż-Żabbar għax minkejja li hi ferm abitata għadha fi stat ħażin ħafna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-Triq hija asfaltata u x-xogħol ta' resurfacing li għandha bżonn din it-triq jaqa fl-ambitu ta' xogħol ta' manutenzjoni li jagħmel il-Kunsill, għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.