Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni illi l-bdiewa qed jispiċċaw imorru l-pitkalija fil-ħinijiet bikrin ta’ filgħodu jistennew fil-kju biex jiġbru kaxxi tal-pitkalija vojta u qed jibqgħu b’xejn? Ma jħossx il-Ministru li dan it-telf ta’ ħin qiegħed jaffettwa ħażin finanzjarjament lill-bdiewa? Hemm xi ħsieb li l-Gvern jirrifondi lill-bdiewa l-ammont żejjed li ħallsu fil-kontribuzzjoni tal-kaxxi, peress illi l-Gvern kien żied din il-kontribuzzjoni bl-iskuża li kien ser 'jitjieb s-servizz tal-kaxxi', liema titjib qatt ma seħħ anzi l-provvista ta’ dan s-servizz ħżien immens?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 22813 u 22815.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul minn meta żdiedet il-kontribuzzjoni għall-kaxxi tal-pitkalija u minn €.003 għal €.009 għal kull Ewro ta’ bejgħ lill-bdiewa, pitkala u xerrejja separatament sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li d-dħul għal kull ewro ta’ bejgħ lill-bdiewa, pitkala u xerrejja, minn Ottubru 2015 sa Jannar 2016 huwa ta :
Pitkal – €16,447
Xerrej - €43,959.94
Bidwi – €43,917.71
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tiġi varata l-Politika Nazzjonali Agrikola li kien ħabbar is-Segretarju Parlamentari waqt id-diskors tal-baġit tiegħu f’Ottubru li għadda?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li fil-preżent il-kuntrattur imqabbad ippreżenta “Issues Paper” li qiegħda tiġi evalwata. Sussegwentament din l-Issues Paper ħa toħroġ għall-konsultazzjoni pubblika. Wara din il-konsultazzjoni pubblika jkun jista’ jiġi ppreżentat il-Pjan tal-Politika Agrikola Nazjonali. Il-konsultazzjoni pubblika hija ppjanata għall-aħħar ġimgħa ta’ Frar.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda u jispiċċa r-refurbishment ta’ €1.6 miljuni tal-Pitkalija li ġew ivvutati fil-baġit li għadda? Il-Ministru ser jagħti garanzija illi dan il-Gvern, li dejjem ippriedka t-trasparenza, mhux ser jagħmel bħalma għamel 9 xhur ilu li wara 24 xahar fil-Gvern qata' ħesrem l-opportunità lill-bdiewa li tiġi refurbished il-pitkalija? Fiex ser jikkonsisti dan ir-refurbishment?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li mill-1998 sal-2013, perjodu ta’ 15 –il sena taħt Gvern Nazzjonalista, ma’ sar xejn fil-Pitkalija biex jiġi mtejjeb l-operat jew l-infrastruttura tal-post. Issa wara 180 xahar ta’ negliġenza u telqa, kif jistgħu jixhdu l-bdiewa, pitkala u xerrejja li jagħmlu użu mill-Pitkalija, l-Onor. Interpellant qed jippretendi li f’anqas minn 30 xhar isir ix-xogħol kollu li ma sarx f’180 xhar.
Ninsab infurmat ukoll li dak li qed jallega l-Onor Interpellant, tant mhuwiex veru, li l-Gvern qata’ ħesrem l-opportunità lill-bdiewa li tiġi
refurbished
il-Pitkalija, li fil-fatt il-Gvern fl-estimi 2016 ivvota €1.6 miljun sabiex isir ir-
refurbishment
tant meħtieġ. Fil-mument qegħdin jiġu ppreparati t-
tenders
neċessarji, sabiex tiskatta l-proċedura tat-
tenders
ħalli f’qasir żmien jibdew jitwettqu x-xogħlijiet meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru rċeviex ilmenti li x-xogħol li sar biex jiġi rranġat is-slip li hemm fl-inħawi tal-moll tal-Veccia, San Pawl il-Baħar fil-fatt ma sarx skond il-ħtiġijiet tas-Sajjieda? X’passi se jieħu l-Ministeru biex jiġi rranġat is-slip li fil-fatt ma ġiex irranġat?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li x-xogħlijiet meħtieġa għall-moll tal-Veċċja kienu ġew diskussi permezz ta’ diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni kemm mas-sajjieda tal-lokal, mar-residenti, kif ukoll mal-Kunsill Lokali (ma’ 3 Sindki differenti), qabel ma nbeda l-proċess għall-permess mill-MEPA u saħansitra qabel ma beda x-xogħol fuq dan il-proġett. F’dawn il-laqgħat is-sajjieda kienu lmentaw dwar is-sitwazzjoni ta’ dak iż-żmien, fejn is-slipway ma setax jiġi użat u kien ikollhom jużaw crane sabiex itellgħu u jniżżlu d-dgħajjes tagħhom. Permezz ta’ dan il-proġett, li reġa’ ta ħajja lill-moll wara snin twal ta’ abbandun u periklu għall-istess sajjieda, sar xogħol ta’ bini mill-ġdid fuq l-islipway il-kbir skont il-ħtiġijiet indikati mis-sajjieda. Issa li tlesta dan il-proġett, dan l-islipway qed jerġa’ jiġi użat.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar xogħlijiet strutturali li mistennija jsiru fil-pitkalija f’Ta Qali matul din is-sena?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li għadu ftit kmieni biex ngħidu x-xogħlijiet li ser isiru għalkemm dawn huma diversi. Is-Segretarjat Parlamentari qiegħed fi stadju avvanzat tax-xogħol preparatorju u bħalissa qiegħed jiffinalizza l-prijoritajiet li jridu jsiru skont il-finanzi disponibbli. Meta dawn ikunu lesti inkunu nistgħu nagħtu informazzjoni iżjed preċiża.
Jista’ l-Ministru jara li l-moll użat mis-sajjieda f’Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk ma jibqax jiġi mblukkat b’ detriment għas-sajjieda nfushom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura qiegħed jikkordina mal-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi assigurat aċċess u użu adegwat ta’ din iż-żona li hi waħda pubblika.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iwassal biex minn meta nbiddlu l-ħaddiema li kienu responsabbli mill-ħasil tal-kaxxi fil-Pitkalija u minflokhom ġew ingaġġati persuni oħra, qed ikun hemm nuqqas kbir ta’ iġjene fil-kaxxi? Ma jħossx il-Ministru illi peress li l-ħaddiema li kien hemm qabel tneħħew meta dawn kellhom ammont sostanzjali ta’ esperjenza f’dan ix-xogħol, is-sitwazzjoni ta’ iġjene tal-kaxxi tal-pitkalija kull ma jmur qed tmur mill-ħażin għall-agħar b’detriment kbir għall-bdiewa, pitkala u xerrejja?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-proċess tal-ħasil tal-kaxxi fil-Pitkalija baqa’ jsir bl-istess sistema li kienet tintuża qabel u mhux minnu li jirriżulta xi nuqqas kbir ta’ iġjene, anzi l-iġjene tal-ħasil tal-kaxxi tjieb peress li saret manutenzjoni estensiva fuq l-apparat tal-ħasil. Dan l-apparat kien ilu ma jkollu manutenzjoni ‘l fuq minn ħames snin, u għalhekk ma kienx jiffunzjona b’mod tajjeb. Issa li saret il-manutenzjoni meħtieġa, il-ħasil tal-kaxxi qed isir b'mod aħjar. B’referenza għat-tieni parti tad-domanda, ninsab infurmat ukoll li fil-proċess tal-ħasil tal-kaxxi m’hemm l-ebda intervent uman li jista’ jkun ta’ detriment għall-iġjene fil-ħasil.
Jista’ l-Ministru jgħid kif ser jittieħdu passi konkreti biex il-bdiewa ma jkollhomx għalfejn imorru l-pitkalija numru ta’ drabi biex jieħdu l-kaxxi li jkollhom bżonn għall-prodotti tagħhom? Billi qed jirriżulta li qed ikun hemm nuqqas ta’ kaxxi għall-użu tal-bdiewa kontinwament, anke f’dan iż-żmien tas-sena meta d-domanda għall-kaxxi tal-pitkalija ma tkunx daqsekk kbira, jista’ l-Ministru jgħidx’inhu qed isir konkretament, biex il-bdiewa jkollhom il-kaxxi meħtieġa għall-użu tagħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li ma jidhirx li hemm nuqqas ta’ kaxxi f’dan iż-żmien tas-sena. Ninsab infurmat ukoll li mill-aħħar tas-sajf diġà ġew ċirkulati aktar minn 17,000 kaxxa ġdida għall-użu tal-bdiewa.
Huwa kkalkulat li hemm eluf ta' kaxxi fiċ-ċirkolazzjoni, biżżejjed biex jinqdew il-bdiewa u x-xerrejja kollha mingħajr ħtieġa li joqogħdu jikkjujaw għalihom. Jekk jidher li jkun hemm xi nuqqas, dan hu kaġun tal-allarm li jinħoloq li jġiegħel lill-bdiewa, xerrejja u pitkala jaħżnu l-kaxxi għal meta jkollhom bżonn u b'hekk joħolqu skarsezza artifiċjali.
Ninsab infurmat ukoll li għall-ewwel darba ħarġet
rolling tender
valida għal 3 snin sabiex il-provvista ta’ kaxxi tkun waħda kontinwa. Fil-preżent diġà ġiet sottomessa l-ewwel ordni ta’ kaxxi ġodda. Dawn se jiġu suppliti f’qasir żmien.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħol ta' konsulenza lill-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa’ Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?
Response (BRINCAT, LEO)
L-Onor. Interpellant japprezza li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli nibet minn Ministeri oħra li kienu jħaddnu wkoll bosta sezzjonijiet u/jew entitajiet u dipartimenti li llum ma jiffurmawx parti minn dan il-Ministeru. Fil-fatt, fil-parti l-kbira tiegħu, il-Ministeru tiegħi twieled minn dak li qabel kien il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali (MRRA) li minnu twieled ukoll il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura (MTI) tal-lum. Għaldaqstant biex ma tingħatax informazzjoni doppja għall-perjodu ta’ bejn l-2008 u Marzu 2013, ir-risposta ser tingħata mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari simili. Min-naħa l-oħra, ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li f’dak li jirrigwardja l-perjodu 2004-2007, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ma ta l-ebda xogħol lill-kumpanija msemmija. Inżid, fl-aħħar nett, li bejn l-2004 u Marzu 2013, il-kumpanija WasteServ Malta Ltd. ikkuntrattat lill-kumpanija msemmija biċċa xogħol waħda b’valur ta’ €512 (VAT eskluż). Ma nstabitx dokumentazzjoni li turi jekk dan ix-xogħol ingħatax b'direct order jew b'tender.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-waste transfer station Tal-Kus bediex jaħdem issa li ilu li ġie inawgurat kważi tliet xhur? Jekk għadu ma bediex jaħdem, x’inhi r-raġuni? X’inhuma l-problemi li hemm? Kemm intużaw fondi tal-Unjoni Ewropea għal dan il-proġett u kemm intużaw fondi nazzjonali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li bħalissa l-impjant beda jipproċessa l-iskart hekk kif stipulat fil-permess ambjentali approvat. L-ipproċessar għaddej fuq programm ta’ "ramping up" u jibda jieħu l-iskart kollu ta’ Għawdex u Kemmuna meta jilħaq il-"full capacity" li hu antiċipat li jintlaħaq fil-ġimgħat li ġejjin. In-nefqa qabżet it-totali ta’ għaxar miljun ewro b’kofinanzjament mil-Unjoni Ewropea ta 85%, u funding gap ta’ 80.794%.
State of the Environment Report — feasibility plan għall-Waste Management Report
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi ppublikat il-feasibility plan għall-Waste Management Report 2014-2020? Jista' jgħid meta se jkun ppubblikat l-Istate of the Environment Report?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li kif propost fil-Pjan għall-Immaniġġjar tal-Iskart 2014-2020, fl-2015 ġew ikkummissjonati għadd ta' studji biex jistabilixxu l-vijabbiltà finanzjarja għal-investimenti futuri meħtieġa biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-settur tal-iskart f’Malta. L-istudji qed jiġu estiżi biex tiġi kkunsidrata wkoll id-direttiva dwar l-ekonomija ċirkolari li ġiet ippubblikata f’Diċembru, 2015 mill-Kummissjoni Ewropea. Rigward il-pubblikazzjoni tal-Istate of the Environment Report nitlob lill-Onor. Interpllant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru ikkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx First Aid Boxes fil-Pitkalija u jekk fl-affermattiv għal kemm jammonta n-numru ta' First Aid Boxes?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li fil-Pitkalija hemm ħames first-aid boxes.
Il-Biċċerija/Pitkalija/Pixkerija – dħul mill-pubbliku biex jixtri l-prodotti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn fil-Pixkerija l-pubbliku jista’ jidħol jixtri wara l-5 ta’ filgħodu u fil-Pitkalija l-pubbliku jista’ jidħol wara l-11 ta’ filgħodu, waqt li fil-Biċċerija twaqqfet il-prassi li l-pubbliku jista’ jidħol meta qabel kien jista’ jidħol wara s-6 ta’ filgħodu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-bejgħ tal-laħam lill-pubbliku fil-Biċċerija hu projbit mir-regoli Ewropej dwar iġene fil-biċċeriji. Il-laħam jista’ biss joħroġ mill-biċċerija fuq vetturi bil-friża u jitqassam lill-proċessuri u l-ħwienet tal-laħam.
Il-Biċċerija – xogħlijiet infrastrutturali u refurbishment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru xogħlijiet infrastrutturali u ta' refurbishment bħal tibjid, xogħol ta' soqfa, bankini u xogħol ieħor fil-Biċċerija minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm ġiet tiswa kull biċċa xogħol? Kif ingħata dan ix-xogħol, b'tender, quotation jew direct order? Min hu l-kuntrattur/individwu għal kull biċċa xogħol li saret, qed issir jew ippjanat li ssir?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid xi proċeduri ta' Health and Safety ġew segwiti biex ġew maqlugħa soqfa tal-aesbestos fil-Biċċerija jew żoni li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Biċċerija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fil-Biċċerija jew żoni li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Biċċerija, s’issa fl-amministrazzjoni preżenti ma nqalgħu l-ebda soqfa tal-asbestos. Ninsab infurmat ukoll li nbdew proċeduri biex dak li ma sarx fl-imghoddi biex dan l-asbestos jitneħħa, isir issa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Health and Safety Officer fil-Biċċerija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-preżent l-funzjoni ta’ Health and Safety Officer fil-Biċċerija Pubblika ssir minn Uffiċjal f’grad ta’ Inspector (Health & Safety) li għandu rwol orizzontali fil-Ministeru kollu.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Health and Safety Officer fil-Pitkalija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-preżent il-funzjoni ta’ Health and Safety Officer fil-Pitkalija ssir minn Uffiċjal f’grad ta’ Inspector (Health & Safety) li għandu rwol orizzontali fil-Ministeru kollu.