Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġett dwar il-White Rocks

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ x’sar mill-Gvern matul l-aħħar 12-il xahar dwar il-proġett tal-White Rocks?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar il-proġett tal-White Rocks Malta, fl-20 ta’ Ġunju 2014 il-Privatisation Unit (‘PU’) ippubblikat is-Sejħa għal Espressjonijiet ta’ Interess (‘EOI’). Sal-24 ta’ Ottubru 2014, li kienet id-data tal-għeluq għal min ried jissottometti l-proposta tiegħu, il-PU rċeviet ħdax (11)-il proposta. Il-proposti li ġew sottomessi ġew miftuħa ġewwa l-uffiċċji tal-PU fis-27 ta’ Jannar 2015 fil-preżenza tal-proponenti rispettivi, li kienu ġew mistiedna mill-PU sabiex jattendu għal din is-sessjoni tal-ftuħ tal-proposti. Qabel ma nfetħu s-sottomissjonijiet, kien twaqqaf l-Evaluation and Adjudication Committee (‘EAC’) sabiex (i) jevalwa l-proposti sottomessi u jagħmel ir-Rapport tiegħu u sabiex ukoll (ii) jara x’inhi l-aħjar utilizzazzjoni tal-art ippjanata għal dan il-proġett. Wara li l-EAC għamel l-evalwazzjoni u r-Rapport tiegħu, fejn il-ħdax il-proponenti kollha ġew kwalifikati għall-istadju li jmiss, il-proponenti kollha ġew mgħarrfa bil-kwalifikazzjoni tagħhom. Dwar l-utilizzazzjoni tal-art, l-EAC avviċina lill-Fakulta’ tal-Arkitettura tal-Universita’ ta’ Malta bil-għan li dawn jagħtu l-assistenza tagħhom u jħejju rapport dwar x’inhu l-aħjar użu tal-art ippjanata għal dan il-proġett.

Tal-Pietà – Privatizzazzjoni tal-Yacht Marina

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ x’sar mill-Gvern matul l-aħħar 12-il xahar dwar il-proġett tal-privatizzazzjoni tal-Yacht Marina f’Tal-Pietà?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Raħal Ġdid – proġett ta’ riġenerazzjoni tax-Schreiber

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ x’sar mill-Gvern matul l-aħħar 12-il-xahar dwar il-proġett tar-riġenerazzjoni tax-Schreiber f’Raħal il-Ġdid li ssemma wkoll fid-diskors tal-Baġit?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14263 u jgħid kemm għandu impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dekasteru tiegħu? Min huma u x’pożizzjoni għandhom? Kemm huma s-salarju annwali, il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera) u l-ispiża fuq safar tagħhom, u għalhekk jgħid x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif se jingħata f'seduta oħra.

Segretarjat Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14264 u jgħid kemm għandu impjegati bħala persons of trust fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku? Min huma u x’pożizzjoni għandhom? Kemm huma s-salarju annwali, il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera) u l-ispiża fuq safar tagħhom, u għalhekk jgħid x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari nru.15303.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – pagamenti pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ pagamenti pendenti li l-Ministeru, dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħtu jridu jħallsu għal xiri ta’ prodotti u materjal, servizzi (jiġiferi kull xorta ta’ xiri) kif ukoll xogħlijiet, kellu fl-aħħar ta' Diċembru 2014? Kemm hu ż-żmien ta' dewmien (f’termini ta’ ġranet) lil dawn il-kredituri (dak li jissejjaħ ageing)?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar –konsulenzi mqabbda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ assignments u/jew kummissjonijiet għal konsulenzi, rapporti, studji u eżerċizzji oħra simili li tqabbdu mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, minn Marzu 2013 sa Diċembru 2014? F’kull każ jista’ jgħid: (a) x’kien l-iskop tax-xogħol imqabbad; (b) meta tqabbad; (ċ) kemm sewa jew se jiswa; (d) kif intgħażel il-kuntrattur; (e) min għażel il-kuntrattur; u (f) meta tlesta x-xogħol jew se jitlesta?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Maritime Hub fil-Marsa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ x’sar mill-Gvern matul l-aħħar 12-il xahar dwar il-proġett tal-Maritime Hub fil-Marsa?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar il-proġett tal-Maritime Hub tal-Marsa, fis-27 ta’ Marzu 2014 il-Privatisation Unit (‘PU’) ippubblikat id-dokument tar-Request for Proposals. Sal-10 ta’ Lulju 2014, li kienet id-data tal-għeluq għal min ried jissottometti l-proposta tiegħu, il-PU irċeviet sitt (6) proposti. Il-proposti sottomessi ġew miftuha ġewwa l-uffiċċji tal-PU fit-23 ta’ Lulju 2014 fil-preżenza tal-proponenti rispettivi, li kienu ġew mistiedna mill-PU biex jattendu għal din is-sessjoni tal-ftuh. Qabel ma nfetħu s-sottomissjonijiet, kien twaqqaf l-Evaluation and Adjudication Committee (‘EAC’) sabiex jevalwa l-proposti sottomessi, kif ukoll twaqqfu żewġ Sotto-Kumitati, wieħed tekniku u l-ieħor finanzjarju, sabiex jassistu lill-EAC fl-evalwazzjoni tagħhom fuq dawn il-proposti. Fit-22 ta’ Ottubru 2014, infetħet l-Offerta Finanzjarja (Financial Offer) ta’ kull wieħed mis-sitt proponenti rispettivament fl-uffiċċji tal-PU, liema sessjoni ta’ ftuħ seħħet fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-proponenti rispettivi li kienu ġew mistiedna jattendu. Il-proċess tal-evalwazzjoni tkompla sakemm ġie ffinalizzat ir-Rapport tal-EAC fejn ġie indikat li l-aħjar Proponent fost is-sitta li tefgħu is-sottomissjoni tagħhom kien Ablecare Oilfield Services Holdings Limited. Preżentement, il-proġett qiegħed fi stadju ta’ negozjati bejn il-Gvern u l-Proponent favorit.

Digital hub – Rendikont dettaljat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ x’sar mill-Gvern matul l-aħħar 12-il xahar dwar il-proġett ta’ digital hub?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar 12-il-xahar saru diversi xogħlijiet biex id-Digital Hub isir realta`. Tkompliet l-istruttura biex issa din hija kompleta u magħluqa għall-elementi. Dawn ix-xogħlijiet bdew u mexjin b'ritmu tajjeb ħafna; bdiet l-installazzjoni tal-liftijiet u din qiegħda fi stadju avvanzat. Il-ġeneratur tal-elettriku u l-kumpressuri tal-ACs tpoġġew fuq il-bejt. Inħareġ u ngħata l-kuntratt tax-xogħlijiet tal-finishes tal-binja. Dawn ix-xogħlijiet bdew u mexjin b'rittmu tajjeb ukoll. Il-kisi sar kollu, kien hemm diversi approvazzjonijiet ta' materjali li jridu jintużaw u l-kuntrattur qed jissupplixxihom u jinstallahom. Parti mill-binja li diġa' ġiet allokata qed isiru modifikazzjonijiet fiha biex ix-xogħol isir skont ma jixtieq l-investitur. Il-proġett bħalissa qiegħed f'fazi fejn diversi xogħlijiet qed jorbtu flimkien biex jibdew jingħalqu.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — positions of trust

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14170 u jelenka u jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Yacht Marina u Cruiseliner Terminal f'Għawdex — bidder

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proċess biex jiġi magħżula l-bidder għal bini ta' yacht marina u cruiseliner terminal f'Għawdex hux qed jitmexxa mil-Privatisation Unit? Jekk le, min qed imexxi dan il-proċess? Jekk iva, fiex wasal il-proċess? Kemm-il bidder kien hemm u liema huma dawn il-bidders?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor.Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – xogħol mogħti lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, mill-Ministeru u mid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2004 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru, dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħi ma ngħata l-ebda xogħol lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament.

Malta Freeport Corporation – remunerazzjoni tas-CEO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandu s-CEO tal-Malta Freeport Corporation? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess CEO? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-post ta’ CEO?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-CEO tal-Malta Freeport Corporation għandu paga ta’ €50,723 fis-sena, użu ta’ mobile phone u karozza u performance bonus sa massimu ta 15% fuq is-salarju. Il-kuntratt ma jistax jiġi pprovdut għax huwa ta’ natura kummerċjali u kunfidenzjali.

Malta Freeport Corporation — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu impjegati mal-Malta Freeport Corporation mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum? Minn fejn huma u x’kariga ngħataw? Dawn l-impjegati kienu ingaġġati fuq kuntratt definit jew le? Jista’ jinforma l-Kamra jekk saritx sejħa għal dawn l-impjegati u kemm applikaw?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Malta Freeport Corporation – spiża fuq safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn Marzu 2013 sal-lum, kemm kienet l-ispiża tal-Malta Freeport Corporation għar-rigward ta’ safar? Jista’ jagħti rendikont dettaljat ta’ min siefer u għalfejn, kif ukoll kemm sewa l-biljett tal-ajru għal kull safra, u kemm kienet in-nefqa fuq l-akkomodazzjoni għal kull persuna f’kull safra?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Malta Enterprise u Malta Industrial Parks — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Malta Enterprise u Malta Industrial Parks tatx xogħol legali (outsources) lil persuni, partnership, jew entità oħra legali bejn l-1 ta' Jannar 2014 sal-lum? Jekk iva, lil liema persuni u/jew entitajiet ingħataw kull sena? Kemm tħallset totalment matul dan il-perjodu kull entità/persuna eċċ li ngħatat ix-xogħol?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Malta Government Investments– management accounts

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-management accounts tal-Malta Government Investments għax-xahar ta’ Diċembru 2014?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 14600.