Legislature:
Category:
Reset
Active:

LSAs – Każijiet partikolari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-prassi f’każijiet ta’ LSAs li jkunu assenjati każijiet partikulari u jekk dawn jiġux ikkunsidrat li jibqgħu mal-istudent assenjat magħhom minn sena għal oħra? Jekk iva, min jieħu tali deċiżjonijiet? Kif jiġi deċiż liema LSA tiċċaqlaq minn skola għal oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa dejjem il-kap tal-iskola li jiddeċiedi, skont il-ġudizzju professjonali tiegħu kif ħhandhom ikunu assenjati l-każijiet. Iċ-ċentru kien sa ftit ilu jissuġġerixxi li sakemm m’hemmx raġunijiet eċċezzjonali, kemm jista’ jkun LSA m’għandux jibqa’ jassisti lill-istess student/i aktar minn sentejn. Riċentement il-kapijiet tal-iskejjel kienu infurmati li deċiżjonijiet ta’ din in-natura qed jitħallew kompletament f’ídejn il-kap tal-iskola li madankollu, jekk irid, jista’ jikkonsulta mal-Prinċipal tal-Kulleġġ, l-INCOs u/jew l-Uffiċjali Edukattivi /s-Service Managers fi ħdan id-Direttorat tas-Servizzi għall-Istudenti. Iċ-ċaqlieq ta’ LSAs minn skola għall-oħra isir ċentralment mid-Direttorat għar-Riżorsi Edukattivi wara li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-esiġenzi tas-servizz u talbiet li jaslu mingħand l-istess LSAs.

MCAST – għalliema – linji gwidi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-linji gwida ta’ kif l-għalliema fl-MCAST huma assessjati fuq kompetenza? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ għalliema li jgħallmu fl-Istitut tal-Applied Science, x’jgħallmu, meta kienu impjegati u l-kwalifiki ta’ kull għalliem ekwivalenti għal-livell kif stabbilit mill-Awtorità Nazzjonali għall-kwalifiki?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-kompetenzi tal-għalliema fl-MCAST huma assessjati fuq bażi regolari mis-sezzjoni tal-Quality Assurance skont proċedura maqbula bejn id-Direzzjoni u r-Rappreżentanti tal-għalliema. Dan l-assessjar huwa mmirat biex iservi bħala opportunità għall-għalliem fejn jiġi pprovdut feedback dwar l-iżvilupp professjonali kontinwu, u fejn b’mod partikolari jiġu diskussi l-kompetenzi pedagoġiċi tagħhom, kif osservati b’mod dirett mir-rappreżentant tal-Quality Assurance waqt li l-għalliem ikun mal-istudenti fil-klassi. Ir-riżultat ta’ dan l-assessjar jiġi diskuss mal-għalliem. Kull għalliem jingħata wkoll dokument dettaljat ta’ prattiċi pedagoġiċi tajbin li ġew osservati, kif ukoll suġġerimenti biex itejbu l-kompetenzi tagħhom. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokumenti li se nsemmi:- Kwalifiki tal-Lecturing Staff fl-Istitut tax-Xjenzi Applikati fl-MCAST Proċedura Doc 054 : Performance Appraisal Procedure Formolarju Doc 093 : Lecturer Performance Appraisal Form.

MCAST – Lecturer Evaluation Sheets

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istudenti tal-MCAST għandhomx il-fakultà li jimlew lecturer evaluation sheets?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-preżent mhijiex il-prattika li studenti jimlew xi forma ta’ lecturer evaluation sheets. L-MCAST għandu pjanijiet biex fil-futur jintroduċi l-użu formali ta’ Evaluation Sheets li jimtlew minn studenti wara li jlestu units individwali. Dan jiġi introdott biss wara li jsiru diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-għalliema. Jeżistu fil-Kulleġġ mezzi oħra ta’ kif jinġabar feedback mill-istudenti fosthom laqgħat regolari u formali bejn id-Direzzjoni tal-Kulleġġ mal-Class Representatives. L-MCAST jinkoraġixxi lill-istudenti fil-livelli kollha biex jipparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-iStudent Representatives sabiex jiġu eletti bħala rappreżentanti, u b’hekk jipparteċipaw b’mod uffiċjali f’diversi bordijiet tal-Kulleġġ, skont kif preskritt mil-liġijiet li jirregolaw l-istess Kulleġġ.

MCAST – Istitut tal-Medja Kreattiva – attendenza — esibizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew le li studenti tal-MCAST mill-Istitut tal-Medja Kreattiva (diploma) intalbu jattendu l-lezzjonijiet b’mod mandatorju sat-8 ta’ Lulju bi skop li tittella’ l-esibizzjoni tal-aħħar tas-sena? Jekk iva, jista’ jgħid jekk kenux dawn l-istudenti biss li ntalbu jagħmlu dan? Jista’ jgħid x’tibdil kien hemm f’dan is-sens mis-sena l-oħra u jiċċara jekk dan japplikax biss għall-istudenti li se jesibixxu xogħolhom biss? Jekk le, jista’ jgħid x’se jkunu qed jagħmlu dawn l-istudenti u x’se jkunu l-konsegwenzi jekk ma jattendux?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni li għandu l-Onor. Interpellant mhijiex eżatta. Il-lezzjonijiet fl-MCAST waqfu fit-3 ta’ Ġunju. Dan sabiex ikun hemm iċ-ċans illi jsiru l-assessjar u l-eżamijiet finali kif ukoll xi resits sakemm tispiċċa s-sena akkademika fit-8 ta’ Lulju. Fil-każ tal-Istitut għall-Arti Kreattiva, il-lezzjonijiet spiċċaw ukoll fit-3 ta’ Ġunju u mhux fit-8 ta’ Lulju. Fil-każ ta’ dan l-Istitut, dan ta ċans tajjeb lill-istudenti tal-Istitut li jipparteċipaw fl-esibizzjoni annwali li ssir fl-Istitut. Il-parteċipazzjoni attiva tal-istudenti fl-organizzazzjoni ta’ din l-attività annwali hija esperjenza edukattiva ħolistika importanti għall-istudenti. Studenti mid-dipartimenti kollha tal-istitut u mhux tal-media biss intalbu jattendu f’dan is-sens f’xi ġranet partikolari, mhux kuljum u mhux biex jattendu għal lezzjonijiet. Ta’ min jgħid li dan kien jgħodd biss għall-istudenti full time tal-Istitut li jibqgħu jieħdu l-istipendju b’mod sħiħ sat- 8 ta’ Lulju, iġifieri l-aħħar ġurnata tas-sena akkademika.

Dipartiment tal-Edukazzjoni – ilmenti fuq ħatriet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Edukazzjoni rċeviex ilmenti fuq ħatriet li saru f’Jannar ta’ din is-sena ta’ Assistant Technical Officers, Technical Officers u Senior Technical Officers? Jekk iva, jista’ jgħid x’kienet in-natura ta’ dawn l-ilmenti, kemm kien hemm appelli, f’liema stadju waslu l-appelli u meta huwa ppjanat li jkun hemm deċiżjoni fuqhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment ġie infurmat mill-PSC li huma ma jistgħux jiddisseminaw informazzjoni dwar appelli lil terzi.

Persuni b’diżabilità li qed jirreġistraw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b'diżabilità jirreġistraw għax-xogħol bejn Ottubru 2000 u Mejju 2016, xahar b'xahar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm kien hemm persuni b'diżabilità jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru bejn Settembru 2001 u April 2016 xahar b’xahar. Minn Ottubru 2000 sa Awwissu 2001 il-Korporazzjoni ma kinitx iżżomm informazzjoni dwar it-tieni parti tar-reġistru.

Ħaddiema – job card

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-job card hijiex se tiddaħħal bħala obbligatorja għall-ħaddiema kollha, anke dawk barranin, li jkunu qed jaħdmu xogħol Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħsieb sa issa huwa li din il-card tiddaħħal biss għas-settur tal-kostruzzjoni. Madankollu, m’huwiex eskluż li din tiġi estiża għal setturi oħra.

Università ta’ Malta — lecturer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu mill-Università ta’ Malta fil-konfront ta’ lecturer fl-Istudji Teatrali dwar kummenti li kien għamel f’siti soċjali liema kummenti fost oħrajn tkellmu fuq li wasal iż-żmien li jitwaqqaf partit tal-lemin estrem (fil-fatt twaqqaf) u kontra l-multikulturaliżmu u integrazzjoni soċjali ta’ nies immigranti ta’ nisel Għarbi? Peress li dan il-lecturer hu wkoll għalliem fi skola statali post-sekondarja, jistax il-Ministru jgħidilna jekk id-Direttorat tal-Edukazzjoni hux konxju tal-idejat ta’ dan l-għalliem, hux sodisfatt bl-idejat li esprima fuq is-siti soċjali, hux kuntent li issa dan l-għalliem hu issa membru ta’ partit lemini estrem, iħossux komdu li għandu għalliem li l-valuri tiegħu huma opposti għall-valuri tad-Direttorat li huma dawk tad-demokrazija, integrazzjoni soċjali u kulturali, tolleranza, solidarjetà fost oħrajn? Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-imġieba ta’ dan l-għalliem hijiex konformi mal-Kodiċi ta’ Etika tal-Għalliema tal-2012? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-permess li dan l-għalliem għandu mid-Direttorat biex jgħallem l-Univerisità ta’ Malta? Jista’ jgħid il-ħin u l-ġranet meta dan l-għalliem ikun jgħallem l-Università ta’ Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux dehen u xieraq li edukatur jagħmel kummenti u jxerred idejat fuq siti soċjali li minflok jippromwovu l-valuri tad-Direttorat bħal dawk tad-demokrazija, integrazzjoni soċjali u kulturali, tolleranza u solidarjetà, jħeġġu l-mibgħeda u r-razziżmu. Dan mhux aċċettabbli u se nara jekk l-imġieba ta’ dan l-għalliem tmurx kontra l-Kodiċi ta’ Etika tal-Għalliema u l-politika dwar l-użu tal-mezzi soċjali fis-servizz pubbliku kif elenkat fiċ-ċirkulari tal-OPM Nru. 21/2015.

Qasam tar-Retail — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema full-time u part-time li (skont l-ETC) jaħdmu fil-qasam tar-retail f’pajjiżna, u jaqsam din l-informazzjoni skont jekk il-ħaddiema humiex Maltin jew barranin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ ħaddiema full-time u part-time li kienu jaħdmu fl-industrija tar-retail (Nace 47 - Retail Trade except motor vehicles and motorcycles) f’pajjiżna fl-aħħar ta’ Diċembru 2015 - l-aħħar ċifri ppubblikati - kien ta’18,247. Minn dawn 17,099 persuna kienu Maltin filwaqt li 1,148 barranin.

Persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol fil-qasam tar-retail

Question

Jista’l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol li qed jindikaw li jixtiequ jaħdmu fis-settur tar-retail?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol li qed jindikaw li jixtiequ jaħdmu fis-settur tar-retail fl-aħħar ta’ April 2016 - l-aħħar ċifri ppubblikati - kien ta’ 665 persuna. Din il-figura tinkludi dawn ix-xogħlijiet: Assistant, pharmacy, sales Attendant, petrol pump Butcher Cheese counter assistant (supermarket) Door to door salespersons Sales and marketing managers Sales demonstrators Salesperson in kiosk Salesperson, car Salesperson, commercial Salesperson, retail establishment Salesperson, shop Shopkeeper Stacker, shelf Storekeeper Ironmonger

Persuni bi bżonnijiet speċjali li jirrapreżentaw lill-pajjiżna f’kompetizzjonijiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jara li atleti Maltin li jirrapreżentaw lill-pajjiżna barra minn xtutna waqt kompetizzjonijiet Sportivi Internazzjonali riservati għall-persuni bi bżonnijiet speċjali (u li mhumiex parti minn Special Olympics) jibqgħu jingħataw xi tip ta' għajnuna finanzjarja bħala appoġġ għall-parteċipazzjoni tagħhom anke b'referenza għall-artiklu 30.5 tal-UNCRPD?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Sport Malta ta’ kull sena jgħaddi ammonti ta’ assistenza lill-Għaqdiet bi bżonnijiet speċjali inkluż Special Olympics biex jiġu megħjuna għal parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet internazzjonali u lokali u anki amministrazzjoni tal-istess għaqda.
Leg 12 PQ #26240 Sitting 406 2016-06-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Kunsill tal-Istudenti tas-Sixth Form

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill tal-Istudenti fis-Sixth Form ta' Għawdex ġiex kostitwit kif titlob il-liġi u dan peress li sitt xhur ilu, f'Diċembru li għadda, kien informa lil din il-Kamra li kien talab aktar informazzjoni dwar dan il-Kunsill? Jekk għadu ma ġiex kostitwit dan il-Kunsill x’inhi r-raġuni? Għaliex f'din l-iskola post sekondarja m’hemmx Kunsill tal-Istudenti bħalma hemm fi skejjel post sekondarji oħra? X'passi ħa l-Ministru biex dan il-Kunsill jitwaqqaf?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li mis-sena skolastika li ġejja ser ikun hemm Kunsill tal-Istudenti kostitwit.

Naxxar Lions

Question

Jista' l-Ministru jara li l-klabb tal-futbol ta' Naxxar Lions jiġi megħjun b'tali mod biex jittaffew l-ispejjeż relatati mat-taħriġ għall-istaġun 2016/2017 kemm tat-tim tal-kbar kif ukoll tat-timijiet tan-Nursery meta dawn qed ikollhom iħallsu spejjeż addizzjonali fin-nuqqas ta' faċilitajiet sportivi tagħhom fil-lokal, liema sitwazzjoni ma' tiddependix minnhom dan anke meta fl-aħħar staġuni għamlu użu minn faċilità sportiva fi skola tal-Gvern fin-Naxxar stess u anke hawn kellhom iħallsu spejjeż mhux żgħar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Naxxar Lions jibbenefikaw minn assistenza ta’ sussidju fuq l-użu ta’ faċilitajiet sportivi li huma ta’ SportMalta. L-istess Naxxar Lions għandhom ftehim ma’ SportMalta, bi ħlasijiet fix-xahar, fuq kirjiet dovuti matul is-snin passati lill-istess SportMalta. Naxxar Lions bħalissa għaddejjin f’diskussjonijiet mas-Segretarjat Parlamentari sabiex tinstab art fejn fuqha jkollhom il-faċilitajiet sportivi tagħhom.

Benchmark – studenti — eżamijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26051, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti li l-istudenti tagħhom qagħdu għall-eżami tal-benchmark matul is-sena 2016? Jista’ jgħid f’liema data u jum tqassmu l-iscripts u l-materjal tal-eżamijiet tal-benchmark skola b’skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bordijiet tal-għażla għall-ħatriet ta’ kapijiet u viċi kapijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri li ffurmaw il-bordijiet tal-għażla għall-ħatriet ta’ kapijiet u viċi kapijiet ġodda għall-iskejjel statali matul l-2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm sejħiet għal Assistent Kap fis-sena 2016. Kien hemm biss riżultati minn sejħiet li ħarġu qabel l-2016. Il-bord tal-għażla għas-sejħiet ta’ Kap ta’ Skola għal Malta u għal Għawdex kien wieħed magħmul minn tliet persuni.
Leg 12 PQ #25951 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Ir-Rabat Għawdex – Skola sekondarja tal-bniet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti fl-Iskola Sekondarja tal-bniet fir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid meta hu mistenni li l-istudenti kollha ta’ din l-iskola jkunu f’sistema ta’ edukazzjoni co-ed? Jista’ jgħid x’inhu l-ħsieb li jsir mill-bini ta’ din l-iskola meta l-istudenti kollha jkunu f’sistema ta’ ko-edukazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ studenti fl-Iskola Sekondarja tal-bniet fir-Rabat, Għawdex għas-sena skolastika 2015/2016 hu 578. L-iskola ser tkun f’sistema ta’ edukazzjoni co-ed fis-sena skolastika 2018-2019. Il-binja ser tibqa’ tintuża bħala l-Middle School tal-Gozo College.

Skejjel tal-Kottonera — spazji ta' rikreazzjoni

Question

JIsta' l-Ministru jagħti tagħrif dwar pjanijiet ta' titjib li hemm rigward spazji ta' rikreazzjoni għat-tfal fl-iskejjel tal-Kottonera?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li l-ispazji ta’ rikreazzjoni għat-tfal fl-iskejjel tal-Kottonera diġà ġew imtejba bix-xogħol li sar fihom. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada ma għandha l-ebda xogħol kif ukoll l-ebda talba rigward titjib ta' spazji ta' rekreazzjoni għat-tfal fl-iskejjel tal-Kottonera.

Tfal li jbatu bid-Dyslexia — eżamijiet

Question

Fir-rigward ta' kummenti li qed jerġgħu jidhru fuq il-midja soċjali b'referenza għall-problemi rigward id-diffikulta li qed ikollhom bil-lingwi t-tfal li jsofru b'dyslexia u minkejja l-kapaċitajiet differenti, dawn it-tfal qed jeħlu milli jipproċedu bl-istudji minħabba li ħafna minn dawn ikunu jistgħu jistudjaw lingwa waħda biss u oħrajn li jkollhom bżonn konċessjoni fl-eżami jew fil-metodu ta' kif wieħed jikkoreġi, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar x'qed isir biex din it-sitwazzjoni titjieb?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kandidati li japplikaw għall-eżamijiet tal-MATSEC u li għandhom dyslexia jistgħu jingħataw dawn l-arranġamenti għall-aċċess li ġejjin skont il-gravità tal-kundizzjoni tagħhom. Livell Ċes 1. 25% Ħin addizzjonali 2. 25% Ħin addizzjonali + Qarrej f'każijiet ta’ dyslexia severa (f'suġġetti li mhumiex lingwi) 3. Waqfiet ta' mistrieħ issorveljati li jistgħu jintużaw bħala ħin addizzjonali sa massimu ta’ 25% + kamra mingħajr storbju eċċessiv fil-każ ta' kandidati bid-dyslexia u ADD/ADHD. Livell tal-Matrikola (Intermedju u Avvanzat) 1. 15% Ħin addizzjonali iżda mingħajr l-użu ta’ qarrej jew prompter Il-kandidat ma’ jkunx penalizzat/a fl-ortografija fis-suġġetti kollha minbarra fil-lingwi kif indikat fil-linji gwida miktubin hawn taħt: "F’każ ta’ suġġetti mhux lingwistiċi, kandidati li jieħdu żbalji fil-kitba m’għandhomx jkunu penalizzati sakemm it-terminu miktub jkun rikonoxxibbli. Madanakollu, il-kandidat għandu jagħti ftit aktar attenzjoni f’terminoloġija li tinkiteb kważi bl-istess mod bħal ethene u ethyne (fil-Kimika) u reflection u refraction (fil-Fiżika) peress li fi żbalji bħal dawn ser jiġi penalizzat."
Leg 12 PQ #26158 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skejjel tal-Gvern — LSAs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba, matul din is-sena skolastika, tfal minn skejjel tal-Gvern, li jkollhom statemented LSA one-to-one intbagħtu lura d-dar minħabba nuqqas ta' LSA? Jista’ l-Ministru jagħti din l-informazzjoni b’mod globali kif ukoll għal kull skola u kull kulleġġ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni li nqabbdu jaħdmu bla ktieb

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jaħdmu bla ktieb matul is-snin 2012, 2013, 2014, 2015 u 2016? Jista’ jgħid ta’ liema nazzjonalità kienu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm inqabdu persuni jaħdmu bla ktieb matul is-snin 2012, 2013, 2014, 2015 (Jannar sa Diċembru) u 2016 (Jannar sa Mejju). It-tabella turi wkoll ta' liema nazzjonalità kienu.