Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21519 u 21742 u jgħid x'kien id-dħul tal-Wasteserv għad-disposal ta' l-iskart matul is-sena 2005? Kemm hu d-dħul għal din is-sena sal-lum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-dħul tal-Wasteserv għad-disposal ta' l-iskart matul is-sena 2005 kien ta’ Lm 1,867,902.80 u minn Jannar sa Settembru 2006 kien ta’ Lm 1,068,694.
Jista' il-Ministru jgħid preċiżament kif u meta l-MEPA awtorizzat il-pjan li jitbiddel għal proġett imsemmi ta' SmartCity? Nitlob sabiex tiġi ppreżentata dokumentazzjoni dwar kif il-MEPA stmat u ħarset lejn il-proġett preċiżament mill-bidu ta' l-għarfien ta' tali proġett sal-ġurnata fejn ġie ppreżentat tagħrif ġdid ta' kif se titqassam l-art.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet avviż bl-intenzjoni li tamenda il-Pjan Lokali għall-Port il-Kbir fid-dawl tal- Proposta għall-iżvilupp ta' SmartCity u affarijiet oħra. Hu mistenni li fil-ġranet li ġejjin l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tapprova abbozz ta' dan it-tibdil fil-Pjan Lokali sabiex tagħmel konsultazzjoni pubblika kif titlob il-liġi. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għadha ma rċeviet l-ebda tagħrif ġdid dwar kif inhu maħsub li titqassam l-art.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-valur tal-proġett "upgrading of the Sant'Antnin waste treatment plant and natural recycling and recovery facility" li hu funded permezz tal-Cohesion Fund?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-valur tal-proġett Upgrading of the Sant'Antnin Waste Treatment Plant and Material Recycling Facility li hu ffinanzjat permezz tal-Cohesion Fund huwa ta’ Lm 5,936,200.00 (VAT u kontinġenza esklużi). Ir-rata ta' ko-finanzjament hija ta’ 70% għall-Unjoni Ewropea u ta’ 30% għall-Gvern Malti. Il-proġett jinkorpora fih xogħlijiet oħrajn li għandhom jiswew madwar Lm4 miljun oħra li se jiġu ffinanzjati mill-Gvern Malti.
Jista' il-Ministru jgħid x'qiegħed isir bil-chemical waste li jipproduċu l-fabbriki tal-farmaċewtika f'Ħal Far?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni li għanda Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), ammont sostanzjali ta' dan it-tip ta' skart qed jiġi esportat sabiex ikun rikoverat barra minn Malta billi f'Malta ma għandniex faċiltiajiet adatti għar-rimi/rikoveru ta' dan l-iskart. Mhux eskluż li hemm ammonti ta' dan it-tip ta' skart li huma maħżunin fl-industrija sakemm jiġu esportati.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'inhi l-pożizzjoni tal-perit li ismu qed jintbagħat separatament vis-a-vis il-kumpannija Wasteserv? Jista' jgħid x'inhu l-ħlas dovut lilu għas-servizz li qed jagħti? Jista' jgħid jekk hux impjegat jew inkella konsulent? Jista' jgħid jekk hemmx xi kuntratt jew le? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġih fuq il-mejda tal-Kamra? Jista il-Ministru jgħid ukoll jekk dan l-istess perit jagħmilx xi xogħol ieħor fi ħdan l-istess ministeru jew xi ente oħra li taqa' taħt l-istess dekasteru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-perit imsemmi ġie mqabbad fil-funzjoni ta’ perit forensiku b’konnessjoni ma’ l-appell ta’ l- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dwar l-Impjant għat-Trattament ta’ l-Iskart ta’ Sant’Antnin. Huwa ġie mqabbad mill-kumpanija WasteServ (Malta) Limited fuq bażi ta’ konsulenza diretta skond il-kriterji stabbiliti mir-Regolamenti dwar il- Kuntratti Pubblici, 200. Il-ħlas għal dan is-servizz kien ta' Lm59.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-bdiewa, raħħala u sajjieda ma tħallsux kumpens għat-telf li sofrew meta nofs il-ħlas tal-bolla ta' l-NI ma ġiex assorbit bl-asigurazzjoni li kienet ġiet imwiegħda? Jista' iħallas il-kumpens dovut sa l-aħħar ta' din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-iskema ta’ rifużjoni tan-nofs bolla tas-Sigurtà Nazzjonali ma kenitx kompatibbli mar-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea din kellha titneħħa. Fl-istess waqt ittieħdu miżuri, bħal miżura ad hoc fil-qasam tal-biedja kif ukoll għajnuniet finanzjarji lis-sajjieda. L-għajnuniet kollha kienu ferm aktar mill-miżura waħda li kienet teżisti qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Irrid inżid li fuq l-iskema ta’ assigurazzjoni il-Kummissjoni Ewropea ġiet notifikata bil-proposta ta’ Malta u dan wara eżerċizzju dettaljat u konsultazzjoni dwar skema ta’ assigurazzjoni għall-biedja u s-sajd skond ir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jara li jiċċekknu s-siġar li hemm quddiem Block B2, Ta' Xbiex H.E. minħabba li jitilgħu magħhom il-qtates u l-ġrieden, b'inkonvenjent għar-residenti tal-block?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn is-siġar jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali Ta' Xbiex u sa llum ma saritx talba sabiex dawn jinżabru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se jiswa l-proġett ta' tneħħija tas-siġar u affarijiet simili sabiex iseħħ it-tisbiħ tal-Belt? Jista' jgħid x'se jħawwel minflok il-ftit siġar li hemm quddiem Kastilja u għalxiex se jsir u kemm se jintnefaq u x'se jgawdi l-poplu Malti minn dan il-proġett?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
MEPA — Żvilupp fuq arijiet approvati mill-Area Local Plan
Question
Jista' il-Ministru jispeċifika meta se jkun jista' jinbeda l-ipproċessar tal-permessi mill-MEPA dwar l-iżvilupp fuq l-artijiet li ġew approvati mill-Area Local Plan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx kumitat li qed jimmoniterja l-marġini/perċentwali tal-kompetittivita' fl-oqsma varji tal-biedja lokali f'Malta u Għawdex separatament? Min huma l-persuni nvoluti u xi kwalifika għandhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement il-Ministeru qed jgħin finanzjarjament lill-oqsma kollha tal-biedja skond l-istrateġija mfassla waqt in-negozjati ma’ l-Unjoni Ewropea filwaqt li qed titfassal strateġija biex tindirizza l-kompetittività ta’ l-oqsma tal-biedja fost ħwejjeġ oħra permezz tal-pjan ġdid għall-iżvilupp rurali għall-perjodu 2007-2013.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli jingħata breakdown ta' l-Agriculture Factor Income qasam qasam, fis-settur tal-biedja f'Malta u Għawdex minflok b'ċifra globali kif ġie ppubblikat fl-NSO report ta' Awissu 2006?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-pjan li qed jiġi koordinat bejn id-dipartiment, il-produtturi/proċessuri tat-tjur sabiex il-produzzjoni tal-laħam abjad tat-tiġieġ tilħaq il-produzzjoni li kellha fl-2003 u l-2004 rispettivament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għas-settur tat-tjur (broilers) ittieħdu diversi miżuri sabiex fis-settur isir l-istrutturar meħtieġ, u ġew imfasslin skemi biex tiżdied il-produzzjoni. Dawn il-miżuri u skemi ittieħdu wara konsultazzjonijiet ma’ operaturi f’dan is-settur. Il-mira hi li nilħqu produzzjoni sostenibbli għas-settur f’suq liberallizat u abbażi ta’ l-effetti fuq l-ambjent u animal welfare.
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal biex il-produzzjoni tat-tjur fl-ewwel sitt xhur ta' l-2006 waqgħet b'51.7% meta paragunati ma' l-ewwel sitt xhur tas-sena 2003 rispettivament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull tibdil li sar fil-produzzjoni tat-tjur mill-2003 jirriżulta minħabba diversi fatturi inklużi suq liberalizzat u għażla aktar wiesgħa għall-konsumatur għall-prodotti lokali flimkien ma’ ristrutturar meħtieġ fil-proċessar u t-trobbija, b’mod partikulari minħabba animal welfare u iġene u l-effetti indiretti ta’ l-influwenza tat-tjur.
Skond iċ-ċifri maħruġin mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, is-settur tal-biedja in ġenerali qed jassimila ruħu tajjeb mar-realtà ta’ suq ħieles u ma’ żvilupp fil-konsum.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont f'ċifra ta' flus f'overtime dovut lill-ħaddiema tal-ministeru u tad-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-total ta’ sahra (overtime) li qed jiġi pproċessat għall-pagament lill-ħaddiema tal-Ministeru u tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sa Ottubru 2006 huwa ta’ Lm 11,837.
Jista' il-Ministru jgħid kemm swew f'ċifra ta' flus l-imħażen li nbnew u ġew żviluppati għall-ħasil tal-kaxxi fil-Pixkerija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux qiegħed f’pożizzjoni li nagħti ċifra ta’ kemm swew biex inbnew l-imħażen li qed jirreferi għalihom għaliex dawn inbnew fl-1700. Nixtieq ngħarrfu li r-restawr tagħhom u l-modifikazzjoni neċessarja biex isiru ċentru għall-ħasil tal-kaxxi swew Lm 77,000.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul mill-Border Inspection Points ta' l-Airport, Birżebbuġa u Marsa separatament mill-1 ta' Mejju 2004 'il hawn separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul mill-Border Inspection Point fil-Malta Freeport kien ta' Lm 94,910. Fl-ajruport u Zammit Dock ma kienx hemm dħul.
Jista' il-Ministru jgħid kemm jeħtieġ investiment addizzjonali biex jitħaddem l-inċineratur il-ġdid tal-biċċerija tal-Marsa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qiegħed fil-proċess li jiddetermina kif l-impjant għandu jiġi modifikat biex jilqa’ għall-ħtiġijiet tal-pajjiż. Wara dan l-istadju jibda l-proċess ta’ negozjati biex tkun iffissata l-ispiża meħtieġa.