Legislature:
Category:
Reset
Active:

Benefiċċji soċjali — Każ b'ID Nru.169621

Question

Billi l-anzjana bl-ID Nru. 169621(M) qed tilmenta li l-pagament tal-pensjoni u l-bonus ta' Ġunju ma waslux għandha u jingħad li l-pagament issarraf xorta waħda fil-fergħa tal-Mid-Med Bank ir-Rabat,Malta jista' l-Ministru jinvestiga l-każ u jara kif jirrimedja bil-pagamenti lura għall-perjodu ta' Ġunju u tal-bonus li jinħareġ fl-istess xhar lill-anzjana msemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wara li d-dipartiment investiga l-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant, irriżulta li ċ-ċekk kien ġie imsarraf mill-persuna stess li għamlet l-ilment u din issa rtirat it-talba tagħha. 4.12.98

Djar — Rabat - Oqsma tad-Djar

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir stħarriġ sabiex ikun stabbilit jekk huwiex possibbli li jsiru lifts ġodda fil-Housing Estates tal-Gvern fir-Rabat, Mellieħa, Mġarr u San Pawl il-Baħar? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk dan l-istħarriġ diġa' sar, jista' l-Ministru jgħid kemm hi n-nefqa rikjesta f'kull housing estate?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif spjegajt fit-Twebiba għal PQ Nru 409, għandha tiġi mfassla 'policy' dwar kif u fejn għandhom jiġu stallati 'lifts' kemm f'bini tal-Gvern kif ukoll f'dak privat kif imwiegħed fil-programm elettorali tal-Gvern. 4.12.98

Sigurta' Soċjali — CSA's

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari numru 608 mogħtija lill-kollega tiegħi, fejn ingħad li ġew impjegati 3 CSA's ġodda mill-Elezzjoni 'il hawn, jista' l-Ministru jgħid meta u jekk ħarġitx call for application u jekk ħarġet, meta dehret fil-Gazzetta tal-Gvern? Jista' l-Ministru jgħid minn liema lokalitajiet huma t-tlett individwi nvoluti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B'riferenza għat-tlett C.S.A.'s imsemmija fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 608, dawn ġew impjegati minn waiting list. Huma joqgħodu l-Imġarr, St. Andrews u l-Kalkara rispettivament. 4.12.98

Distrett Nru. 10 — Karta Anzjan

Question

Jista' l-Ministru jgħid lokal lokal kemm huma l-anzjani li għandhom il-karta anzjan fil-lokalitajiet ta' Tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi u Pembroke? Jista' l -Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet, numri tal-karta ta' l-identita' u indirizzi ta' l-anzjani li dwarhom qed issir il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' anzjani li għandhom l-Kartanzjan kif mitlub fil-Mistoqsija huwa kif ġej: Sliema 4237 Swieqi 674 Pembroke 72 San Ġiljan 1583 Ma nħossx li huwa etiku li tingħata il-lista bl-ismijiet, in-numru tal-karta ta' l-identita' u l-indirizzi ta' dawn l-anzjani. 4.12.98

Distrett Nru. 10 — Nies b'diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid lokal lokal kemm huwa magħruf li hemm nies b'diżabilita' fil-lokalitajiet ta' Tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi u Pembroke? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet, numri tal-karta ta' l-identita' u indirizzi tal-persuni b'diżabilita' li dwarhom qed issir il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. Skond l-istatistika miġbura fir-Reġistru Nazzjonali ta' Persuni b'Diżabilita' f'dawn il-lokalitajiet: LOKAL TOTAL _____ _____ Sliema 326 San Ġiljan 133 Swieqi 52 Pembroke 12 2. Kull informazzjoni dwar persuni b'diżabilita' li tidher fir-Reġistru Nazzjonali ta' Persuni b'Diżabilita' tinżamm taħt konfidenzjalita' stretta. Il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tista' tagħti ismijiet, indirizzi u dettalji oħra personali dwar persuni rreġistrati magħha. Jekk tkun trid tiċċara xi dettal minn dak li jidher hawn fuq, nistiednek iċċempel fuq wieħed minn dawn in-numri diretti: . is-Sur Fred Bezzina 489305, jew . is-Sur Joseph Camilleri 441280 4.12.98

Anzjani — Każ ta' anzjana

Question

Jista' l-Ministru jirrimedja għall-każ ta' anzjana, li isimha qed jintbagħat separatament, li hija dgħajfa ħafna u nieqsa mid-dawl biex tingħatalha aktar għajnuna fid-dar peress li għandha bżonn ta' għajnuna kuljum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm ma ngħatax l-isem tal-persuna iżda ngħata biss l-indirizz, ġiet identifikata din il-persuna mir-rekords tal-Home Help. Din il-persuna ilha tingħata dan is-servizz mill-1991 meta ngħatat 4 siegħat fil-ġimgħa għajnuna. Fl-1996 ingħatat żieda ta' sagħtejn oħra. Fl-1998 hija talbet għal aktar għajnuna iżda l-Bord wara li ra l-każ tagħha darbtejn, iddeċieda li l-għajnuna ta' 6 siegħat kienet biżżejjed. 4.12.98

Anzjani — Każ ta' anzjana

Question

Peress li l-anzjana, li isimha qed jintbagħat separatament, li għandha 81 sena, tinsab tgħix waħedha u xi kultant titħawwad tant li toħroġ barra u tkun ta' inkonvenjent kbir u piż fuq il-ġirien, u peress li diġa' informajt lill-awtoritajiet ta' San Vinċenz de Paule u ma sar xejn, jista' l-Ministru jara li tinsab soluzzjoni u din tiddaħħal f'din ir-residenza qabel ma jsir xi inċident li jista' jiswielha ħajjitha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament applikat biex tidhol fir-Residenza San Vinċenz f'Awissu 1998. Fl-applikazzjoni li għadha kemm saret reċentement, m'hemm xejn x'jindika dwar l-urġenza tal-każ. Naturalment issa dan il-każ ser jiġi kkunsidrat fl-isfond tal-Informazzjoni ġdida mogħtija mill-Onor. Interpellant. 4.12.98

Bormla — Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra minn kemm persuni huwa ffurmat l-uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ġewwa Bormla? X'inhuma l-gradi rispettivi li dawn għandhom u hemmx bżonn ta' aktar nies, in vista tax-xogħol kbir li hemm?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-istaff ta' l-Ufficcju Distrettwali tas-Sigurta' Soċjali ta' Bormla hu kif indikat hwan taħt: Staff Eżistenti Kompliment _______________ __________ 1 Welfare Officer Grad 3 1 0 Uffiċċjal Eżekuttiv 1 3 Skrivani 2 1 Skrivan li jagħmel xogħol fuq Distretti 1 oħra meta jinħass il-bżonn (Floater) 1 Messaġġier 1 u Charwoman li tattendi darba fil-ġimgħa biex tnaddaf il-post. Ma jidhirx li hemm ħtieġa li l-istaff jiżdied għax skirvana minnhom hija mistennija li tilħaq Uffiċċjal Eżekuttiv għall-aħħar ta' April u għalhekk mistennija li tibqa' taħdem f'dan l-Uffiċċju f'din il-kariga. Nixtieq inżid ukoll li hu mistenni li fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla ser ikunu kompjuterizzati l-pagamenti tal-Assistenza Soċjali dwar id-disimpjegati. Dan għandu jħaffef ix-xogħol fl-Uffiċċju Distrettwali. Minbarra dan għaddejjin taħdidiet biex l-Employment and Training Corporation tiftaħ uffiċċju tagħha fil-lokal. Dan ifisser li r-reġistrazzjoni ta' persuni, li jsir minn impjegati tal-Korporazzjoni, fil-futur qarib mhux ser isir aktar fl-Ufficcju Distrettwali iżda f'post ieħor. Dan għandu inaqqas ix-xogħol fl-Uffiċċju Distrettwali msemmi. 4.12.98

Persuni f'każi ta' sataniżmu — Kura

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi persuni li qegħdin taħt il-kura tas-social workers wara li kellhom diversi problemi wara li kienu mdaħħla f'każi ta' sataniżmu u/jew okkult? Jekk iva, kemm huwa dan in-numru ta' persuni u x'eta' għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalissa, żewġ persuni qegħdin jiġu mgħejuna mis-Social Workers ta' l-SWDP li għandhom problemi li jistgħu jkollhom x'jaqsmu ma' sataniżmu u/jew okkult. L-etajiet ma jistgħux jingħataw minħabba konfidenzjalita''. 4.12.98

Impjiegi — Ħaddiema impressed

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru 'l hawn, il-gvern daħħalx ħaddiema impressed mad-dipartimenti tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment tax-Xogħol ma ġiex infurmat b'kiri ta' vetturi ġodda bis-sistema 'impressed' mil-5 ta' Settembru 1998 sallum. Madankollu kien hemm 3 każijiet fejn id-Dipartiment ġie nfurmat li kien hemm 3 sidien li kienu waqfu temporanjament minħabba f'mard u tħallew ikomplu il-kirja tal-vetturi tagħhom. 4.12.98

Ħal Farruġ — Irranġar ta' landscaping

Question

Jista' l-Ministru jordna li l-Housing Department ikompli jirranġa l-landscaping qrib il-flats ġodda li tqassmu matul 1997/98 ġo Ħal Farruġ limiti ta' Ħal Luqa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għandu ippjanat proġett komprensiv ta' 'landscaping' fl-'area' indikata mill-Onor. Interpellant. Dal-proġett li ġie mfassal flimkien mal-Kunsill Lokali ta' Ħal-Luqa jeħtieġ il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Fil-fatt l-applikazzjoni saret aktar kmieni din is-sena u nistennew li l-permess ma jdumx ma joħroġ u għalhekk ix-xogħol imsemmi ikun jista' jibda. 4.12.98

Ministeru tal-Politika Soċjali — Tenders

Question

Jista' l-Ministru jgħid: (a) kemm-il tender ta' valur aktar minn Lm1,000 ġiet approvata mid-deskasteru tiegħek; (b) il-valur ta' kull tender; (ċ) lil min ġiet awarded; u (d) in-natura (provvita, xogħol, servizz) ta' kull tender mill-5 ta' Settembru, 1998 sa' l-1 ta' Diċembru, 1998?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar tenders b'valur t'aktar minn Lm1,000 li ġew approvati bejn il-5 ta' Settembru u l-1 ta' Diċembru 1998 hi kif jidher hawn taħt: DIPARTIMENT GħALL-KURA TA' L-ANZJANI Kuntrattur Valur In-Natura tat-Tender __________ _____ ____________________ Forestals (Appliances) Ltd 15,901 'Equipment' tad-'Dining Room' tar-Residenza San Vinċenz Forestals (Appliances) Ltd 10,217 Forn għall-kċina tar-Residenza San Vinċenz DIPARTIMENT TAL-BINI U TISWIJA TA' DJAR Kuntrattur Valur In-Natura tat-Tender __________ _____ ____________________ Schembri & Bros. Ltd. 12,120 Kiri ta' Krejnijiet Lino Chircop 11,498 Kiri ta' Krejnijiet Roc-A-Go Crane Services 14,100 Kiri ta' Krejnijiet Integrated Business Sys. 18,480 Xiri ta' liċenzji għall-programm AutoCad R 14 Intercomp Ltd. 1,095 Xiri ta' A3 Laser Printer Lelmar Co. Ltd. 2,613 Xogħol ta' elettriku fil-Housing Estate Tal-Pieta' Domark Ltd. 9,129 Bdil ta' soqfa f'Raħal Ġdid, Ħal-Luqa u l-Birgu TopServ Ltd. 6,192 Stallar ta' lifts fi Blk 2, Bormla (St. Helen's Gate) Joe's Garage 13,870 Kiri ta' Karozzi 4.12.98

Ministeru tal-Politika Soċjali — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru, għall-perijodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-1 ta' Diċembru, 1998, jagħti lista tal-kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt: (a) jindika x'kien l-kuntratt; (b) min għamel l-ispecifications; (ċ) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (d) lil min intalbu l-quotations; (e) kemm kienet kull quote; (f) min rebaħ il-kuntratt; (g) ingħataw extensions fuq il-kuntratt oriġinali; u (h) kemm kien il-valur totali tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lil l-Interpellant għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1269. Ma għandi xejn aktar xi nżid ma dik l-informazzjoni. 4.12.98

Djar — Każ b'Ref. H 0017

Question

Billi t-talba H 0017 hija waħda ta' natura urġenti, jista' l-Ministru jara kif jista' jirrimedja għal din it-talba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-persuna nvoluta fil-każ imsemmi fil-Mistoqsija tal-Onor. Membru kienet ġiet allokata post mill-Awtorita' tad-Djar fil-1990. 3.12.98

Sigurta' Soċjali — Ħlas ta' N.I.

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bħalissa persuni (ditti u individwi separatament) li qegħdin iħallsu xi forma ta' National Insurance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-preżent hemm 6,342 ditta u 14,196 persuna li jaħdmu għal rashom, li qed iħallsu xi forma ta' kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali. 3.12.98

Sigurta' Soċjali — Ħlas ta' N.I.

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bħalissa persuni/individwi u ditti li qegħdin lura aktar minn 8 snin, 7 snin, 6 snin u tkompli l-istess sas-sena kurrenti fil-ħlas lill-Gvern tal-kontribuzzjonijiet tan-National Insurance? Kemm huma l-ammonti ta' flus involuti għal kull sena msemmija? Għal kull sena, kemm minn dawn l-ammonti huma tal-parti ta' l-employer u kemm ta' l-employer? Kemm hu ż-żmien ta' preskrizzjoni għal azzjoni legali biex jinġabru dawn l-arretrati mill-Gvern tal-ġurnata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena infurmat li sallum mhux possibbli li tinżamm statistika aġġornata dwar dawk il-kumpaniji li qegħdin lura fil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali. Fost id-diversi raġunijiet, għaliex mhux possibli li tinżamm din l-istatistika hemm dawn ir-raġunijiet: 1. Għalkemm kumpanija li tkun qed topera, tiġi identifikata meta tonqos milli tħallas il-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali dovuti, l-ammont dovut ma jistax jiġi stabbilit qabel ma jkun hemm konferma mill-istess kumpanija dwar in-numru ta' impjegati li jkunu ħadmu magħha fis-sena partikolari, u l-pagi bażiċi, ta' kull wieħed minn dawn l-impjegati. Dan jiġri għaliex ħafna drabi kumpanija li tkun waqgħet lura fil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, tnaqqas in-numru ta' impjegati tagħha. 2. Għalkemm kumpanija tkun tidher li qegħda lura fil-ħlas, jiġri wkoll li din tkun ġiet likwidata u d-Dipartiment ma jkunx ġie avżat b'dan. 3. JIġri wkoll li kumpanija tibdel l-attivita' tagħha, kif ukoll l-isem li bih tkun qed topera, u b'hekk tingħata numru ġdid ta' reġistrazzjoni (Numru tal-P.E.). F'dan il-każ, għalkemm il-kumpanija tidher li waqfet tħallas, fil-fatt il-pagament ikun qed isir fuq in-numru l-ġdid. Tajt struzzjonijiet biex is-sistemi komputeriżżati li fuqhom jiġi reġistrat il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet li jsir lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni jiġu aġġornati b'mod li l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant tinżamm fi statistika aġġornata. Iż-żmien ta' preskrizzjoni għall-azzjoni legali biex ikunu jistgħu jinġabru l-arretrati dovuti huwa ta' tletin sena. 3.12.98

Persuni bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni bi bżonnijiet speċjali jistennew biex jidħlu f'xi ċentru għat-taħriġ? Mil-liema lokalijiet huma dawn il-persuni, lokal b'lokal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalissa hemm 23 persuna bi bżonnijiet speċjali li qed jistennew biex jidħlu f'xi ċentru tat-taħriġ u dawn ġejjin minn dawn il-lokalitajiet: Għargħur 1 In-Naxxar 1 Il-Mosta 2 San Pawl il-Baħar 1 Ir-Rabat 1 Santa Venera 1 Birkirkara 1 Il-Gżira 1 San Ġiljan 1 Iż-Żurrieq 2 Raħal Ġdid 1 Il-Gudja 1 Is-Siġġiewi 4 Ħal-Qormi 2 Il-Fgura 1 Wied il-Għajn 1 Ħaż-Żabbar 1 3.12.98

Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew biex jidħlu: 1) f'San Vinċenz de Paule; u 2) fid-djar ta' l-anzjani? Mil-liema lokalitajiet differenti huma dawn l-anzjani u kemm hemm anzjani minn kull lokalita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' anzjani fil-'waiting list' tar-Residenza San Vinċenz fl-aħħar ta' Novembru 1998 kien 682. Dawn ġejjin minn dawn il-lokalitajiet kif jidher fit-tabella mmarkata 'A'. In-numru ta' anzjani fil-'waiting list' għad-Djar ta' l-Anzjani fl-aħħar ta' Novembru 1998 kien 574. Dawn ġejjin minn dawn il-lokalitajiet kif jidher fit-tabella mmarkata 'B'. Hemm ukoll 'waiting list' oħra għad-Dar ta' Bormla fejn hemm 50 persuna, kif jidher fit-tabella mmarkata 'C'. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tabelli mmarkati 'A' 'B' u 'C'. 3.12.98

Sigurta' Soċjali — Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma maħsuba li se jkunu l-benefiċċjarji ta' l-arranġamenti ġodda dwar children's allowance u s-single parents?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li numru ta' familji li d-dħul tagħhom kien jaqbez l-Lm10,000, għażlu li ma jagħmlux talba għall-'Allowance' tat-tfal fis-sena kurrenti. Minħabba f'dan, id-Dipartiment mhux f'pożizzjoni jgħid kemm ser ikunu dawk il-familji li ser jikkwalifikaw għall-'Allowance' tat-tfal bis-saħħa tal-miżuri ġodda li għadhom kemm tħabbru fid-diskors tal-'Budget'. Għal informazzjoni tal-Onor. Membru din il-miżura ser igawdu minnha dawk il-familji li għandhom hamest itfal jew aktar u mhux biss dawk li għandhom aktar minn hamest itfal, kif bi żvista ġie miktub fid-diskors tal-Budget. Dwar is-'single parents' għandu jingħad li billi l-miżuri mħabbra fl-istess diskors tal-'Budget' jirrigwardja ż-żieda fis-'ceiling' għal skopijiet ta' taxxa fuq id-dħul, id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali mhux f'pożizzjoni li jirrispondi din il-parti tad-domanda. 3.12.98