Matul Settembru u fl-ewwel tliet ġimgħat ta' Ottubru, jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva? Min hemm fuq dan il-kumitat?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Kumitat imsemmi għadu kompost kif kien qabel l-Elezzjoni tal-5 ta' Settembru 1998. Fil-perjodu imsemmi ġejt informat li l-Kumitat ma ltaqax. Qed isiru laqgħat bejni u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Disabilita' għad-deċiżjonijiet meħtieġa f'dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tfal ġew assessjati mill-iStatementing Board li twaqqaf biex jeżamina studenti bi bżonnijiet speċjali?
X'deċiżjonijiet ittieħdu dwar it-tfal assessjati?
Hemm tfal li qed jistennew li jidhru quddiem dan il-bord?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-Istatementing Board li twaqqaf biex jagħti rakkomandazzjoni lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar talbiet għal facilitators għal studenti bi bżonnijiet speċjali beda jeżamina 106 talba minn ġenituri li t-tfal tagħhom jattendu l-iskejjel statali jew l-iskejjel tal-Knisja biex dawn ikollhom l-għajnuna ta' facilitator. Saret rakkomandazzjoni dwar 61 każ u għadu għaddej l-istħarriġ dwar il-45 każi l-oħrajn.
Id-deċiżjonijiet li ttieħdu jvarjaw bejn:
- full-time facilitator
- shared facilitator
- full-time classroom support person
- shared classroom support person
- għajnuna ta' remedial teacher
- għajnuna ta' peripatetic teacher
- għajnuna minn Kindergarten Assistant (Special Needs)
- ma għandu bżonn ebda għajnuna
Sadattant, il-Board irċieva 62 talba ġdida li dalwaqt jibda l-proċess fuqhom.
Is-sitwazzjoni qiegħda tiġi wkoll mistħarrġa mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Disabilita'.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema suġġetti hemm nieqsa għalliema għall-iskejjel sekondarji u Junior Lyceums?
Kemm hemm klassijiet fil-qasam sekondarju li għadhom bla għalliema f'dawn is-suġġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li fl-iskejjel Sekondarji u Junior Lyceums hemm vakanzi fis-suġġetti li se nsemmi:
Computing 51 lezzjoni
Fizika 29 lezzjoni
Mużika 8 lezzjonijiet
Ġografija 6 lezzjonijiet
Studji Soċjali 39 lezzjoni
Art/Craft 77 lezzjoni
Home Economics 20 lezzjoni
Spanjol 4 lezzjonijiet
Peress li ċerti tfal bi bżonnijiet speċjali li jattendu fl-iskejjel ta' l-istat jinħtieġu affarijiet materjali verament żgħar biex il-ħajja edukattiva tagħhom tkun aktar indipendenti, jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni biex jaqdi dawn il-ħteġijiet? X'qiegħed jagħmel id-Dipartiment biex joħloq kuxjenza umana akbar fost l-istaff u l-kapijiet ta' l-iskejjel? X'qiegħed jagħmel id-Dipartiment biex joħloq kuxjenza t'appoġġ akbar fost it-tfal lejn dawn ħuthom bi bżonnijiet speċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dawn l-aħħar snin, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni introduciet sistema li permezz tagħha l-iskejjel jaħsbu biex jixtru huma stess mill-fondi pprovduti lilhom għal infieq ta' natura kapitali u rikorrenti (materials and supplies).
B'dan il-mod, il-ħtiġijiet ta' l-iskejjel tagħna u ta' l-istudenti tagħhom jintlaħqu aħjar.
Irid jingħad ukoll li l-iskejjel qegħdin jaħsbu u jippreżentaw pjan ta' tliet snin biex ikun hemm żvilupp aħjar.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hija impenjata fl-introduzzjoni ta' l-edukazzjoni inklussiva, sistema li tikkontribwixxi bis-sħiħ għat-tkattir ta' kuxjenza umana fost l-istaff u l-kapijiet ta' l-iskejjel, fost oħrajn.
Permezz ukoll ta' l-edukazzjoni inklussiva qed tiġi kkultivata kuxjenza ta' appoġġ fost it-tfal lejn ħuthom bi bżonnijiet speċjali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni huwiex se jibgħat din is-sena Parapathetic teacher fl-iskola primarja ta' l-Isla?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li mill-bidu ta' din is-sena l-Iskola Primarja ta' l-Isla qiegħed ikollha s-servizz kollu pprovdut mill-'Peripatetic Teachers' tad-Dipartiment tal-Kurrikulu. Dan huwa servizz mogħti mill-għalliema għall-Complementary Education, Art, Music, P.E., Drama, Science and IT.
Jista' l-Ministru jara li x-xogħol li kien inbeda xhur ilu u li issa jidher li waqaf fuq il-ground li hemm quddiem l-iskola Primarja ta' Bormla jkun jista' jitkompla sabiex jitgawda mit-tfal ta' l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni inkarigat lid-Dipartiment tas-Servizzi u Manutenzjoni tat-Taqsima tax-Xogħlijiet biex jagħmel ix-xogħol ta' fencing madwar il-ground. Dan wara li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kienet ħarġet sejħa għall-offerti aktar kmieni din is-sena u li għaliha daħlu tliet offerti li kienu kważi d-doppju ta' l-istima tax-xogħol. Wara li jitlesta x-xogħol tal-fencing jinżebgħu l-art tat-tarmac u l-ħajt ta' madwaru.
Jista' l-Ministru jgħid x'dejn għandha l-Marsa Racing Club? Kif inhu maqsum u ta' xiex huwa dovut? Meta ġie kkuntrattat? Xi pjani għandu l-kumitat il-ġdid ta' tmexxija biex iħallas lura dan id-dejn? Għandu xi programm ta' pagamenti għall-kredituri tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. Interpellant jaf tajjeb x'inhi l-qagħda finanzjarja tal-Marsa Racing Club għax hu stess kien għamel stqarrija f'dan ir-rigward.
Kien il-Gvern Laburista fl-1981 li tefa' l-piż ta' l-ispiża kapitali li saret biex inbniet il-korsa fuq il-Marsa Racing Club. Din l-ispiża kienet tammonta għal Lm105,000. Din is-somma kellha tiġi mħallsa lura bir-rata ta' Lm10,000 fis-sena.
Ninsab informat li filwaqt li f' Ġunju 1997 il-Club kellu overdraft ta' Lm27,000, dan tela' għal Lm63,500 f'Ġunju 1998 u kien l-istess Onor. Interpellant li għamel żewġ għotjiet ta' Lm15,000 u Lm25,000 biex jitnaqqas dan l-overdraft.
Hemm xi djun oħra li mill-1996 żdiedu minn Lm16,000 għal Lm37,000 sa Ġunju 1998. Matul l-1997 dan l-istess Kumitat għamel spejjeż kapitali li jammontaw għal Lm51,000 u li minnhom tħallsu biss Lm18,000.
Barra dan hemm ukoll kontijiet maħruġa mid-Dipartiment tal-VAT li jammontaw għal madwar Lm100,000 u li huma diskutibbli. Dawn il-kontijiet il-Club irċevihom matul l-1997 u jidher li dak iż-żmien ma kienu ttieħdu ebda passi dwarhom. Dawn il-kontijiet qed jiġu mistħarrġa mill-Awdituri.
Irrid insemmi wkoll li filwaqt li din is-sena l-ispiża biex saret il-manutenzjoni fuq it-track kienet ta' Lm6,500, dik tas-sena l-oħra ammontat għal Lm35,000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw tfal/żgħażagħ biex jieħdu sehem fl-iskolasport 1998/99 bħala total globali u f'kull dixxiplina separata?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt infurmat li kien hemm 2499 applikazzjoni għal Skolasport li huma mqassma kif se nsemmi.
Atletika 348
Badminton 44
Baseball 16
Basketball 167
BMX 12
Bowling 75
Fitness 120
Football 382
Gymnastics 347
Għawm 545
Handball 6
Hockey 14
Judo 22
Lotta 2
Netball 73
Power Training 2
Snooker 26
Spirit Combat 65
Tennis 82
Taekwondo 12
Table Tennis 26
Volleyball 70
Waterpolo 17
Weightlifting 4
Fost dawn hemm 22 li jappartjenu lill-Klassi Speċjali u dawn kienu aċċettati biex jattendu mingħajr ħlas bħal ma sar dejjem.
Ma għadhomx jintlaqgħu applikazzjonijiet għall-atletika, il-basketball, il-fitness, il-football, il-ġinnastika, l-għawm, it-tennis, il-volleyball, u l-ispirit combat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm purtinara fl-iskejjel governattivi? Kif titħaddem ir-rata ta' purtinara, mad-daqs ta' l-iskejjel jew man-numru ta' studenti li fihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' purtinara fl-iskejjel Primarji, Sekondarji/Junior Lyceums u tas-Snajja huma 396 u li r-rata ta' purtinari tinħadem fuq in-numuru ta' kmamar użati.
Jista' l-Ministru jara li jiġi assenjat purtinar ma' l-Iskola Maria Goretti f'Ħal Tarxien peress illi qed ikun hemm ilmenti li l-purtinar wieħed li hemm mhux possibbli li jlaħħaq max-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa fl-iskola hemm purtinar wieħed u part-timer. Il-purtinar bħalissa qiegħed bil-Leave. Hemm ukoll General Hand (Maintenance). Qed jittieħdu passi biex part-time cleaner/s jiġu impjegati f'din l-iskola.
Jista' l-Ministru jgħid kemm baqa' flus x'jitħallsu lill-kredituri tal-Maltafest 1998 issa li għaddew aktar minn xahrejn minn mindu sar dan l-avveniment? Min huma l-istess kredituri, kemm hu dovut f'kull każ, ta' liema servizzi/prodotti huma dovuti dawn il-flejjes?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Kultura qed jintalab iħallas il-pagamenti li ġejjin:
AMMONT KREDITUR SERVIZZ PROVDUT
MITLUB
Lm 576 Thomas Smith Ġarr bl-ajru
Lm 300 Żejtun Junior Lyceum Bilanċ fl-ispejjeż ta'
Skop Scoops
LM4809 International Trading Xogħol ta' dawl għal 3
Company attivitajiet
LM 800 Mro. Joseph Vella Ħlas għall-Kunċert
"Maltese Composers
Evening"
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni fuq kif il-Gvern il-ġdid sab is-sitwazzjoni tal-facilitators fl-iskejjel ta' l-Istat?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-bidu tas-sena skolastika kien hemm numru ta' riżenji ta' Kindergarten Assistants li jieħdu ħsieb tfal bi bżonnijiet speċjali u li għad ma kienx possibbli jiġu sostitwiti.
Kontinwament jidħlu talbiet biex tfal jiġu ċertifikati li huma tfal bi bżonnijiet speċjali u biex jingħataw għajnuna. Is-sitwazzjoni qed tiġi konsidrata fi sforz komuni bejn dawk kollha involuti, inkluża l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Disabilita'.
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna tingħata lill-għaqdiet sportivi li minn żmien għal żmien jagħmlu testijiet anti-doping fuq l-atleti tagħhom?
Liema huma dawk l-għaqdiet li matul l-1997 sa Settembru 1998 ibbenefikaw minn din l-għajnuna? Kemm saru testijiet anti-doping minn kull għaqda sportiva li ngħatat għajnuna?
X'inhu jagħmel jew x'beħsiebu jagħmel id-dipartiment konċernat sabiex jiġu nkoraġġiti għaqdiet oħra biex huma wkoll jagħmlu dawn it-testijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Ministeru jissussidja l-ispejjeż biex ikunu jistgħu jsiru t-testijiet anti-doping peress li dawn iridu jsiru f'laboratorji awtorizzati barra minn Malta. L-ispejjeż għal dawn it-testijiet huma konsiderevoli.
Matul l-1997 u sa Settembru 1998 ġew mgħejjuna dawn l-għaqdiet:
* Malta Football Association
* Amateur Swimming Association
* Malta Amateur Body Building Association
L-informazzjoni dwar kemm saru testijiet għadha qed tinġabar.
Biex jinkoraġġixxi għaqdiet sportivi jagħmlu dawn it-testijiet il-Gvern ħa dawn il-miżuri:
* Kull għaqda sportiva li titlob rikonoxximent tal-Gvern għandha tinkludi fl-istatut tagħha klawsola dwar il-kontroll ta' l-użu tad-drogi fl-attivitajiet tagħha.
* Ma jiggarantix għajnuna finanzjarja għall-attivitajiet internazzjonali f'pajjiżna jekk ma jitteħdux il-passi meħtieġa biex isiru testijiet anti-doping meta dawn ikunu rakkomandati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn għaqdiet sportivi reġistrati f'pajjiżna u liema huma?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern sabiex iħeġġeġ aktar nies jipprattikaw l-isport?
X'tip ta' għajnuna qed tingħata lill-għaqdiet sportivi fil-ħidma tagħhom?
Liema huma dawk l-għaqdiet sportivi li bbenefikaw minn għotjiet mill-bidu ta' Settembru 1998 sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li f'Malta hawn 33 għaqdiet sportivi li huma reġistrati mal-Kumitat Olimpiku Malti u 50 Assoċjazzjoni/Club li għalkemm m'humiex membri tal-Kumitat Olimpiku, huma reġistrati mas-Sezzjoni tal-Isport tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport. Lista ta' dawn l-Assoċjazzjonijiet ser titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Sabiex iħeġġeġ aktar nies jipprattikaw l-isport il-Gvern qed jibbaża l-ħidma tiegħu billi:
* Fl-iskejjel tiġi nkuraġġita parteċipazzjoni mill-istudenti kollha. Din hija supplementata anki f'attivitajiet bħal Skola Sport u għajnuna oħra lill-għaqdiet li jorganizzaw attivitajiet għal tfal u żgħażagħ.
* Għaqdiet sportivi u Clubs jingħataw għajnuna kemm finanzjarja u ta' natura oħra bħal bini u manutenzjoni ta' faċilitajiet.
* Jiġu organizzati attivitajiet sportivi fuq bażi ta' 'Sport for All' imfassla fuq il-politika tal-Kunsill ta' l-Ewropa u diversi għaqdiet internazzjonali fl-Ewropa u madwar id-dinja.
Il-Gvern jagħti wkoll għajnuna oħra finanzjarja permezz tal-Kumitat Olimpiku Malti u anki diretta. Bis-saħħa ta' hekk jiġu provduti għajnuna teknika u pariri professjonali lill-għaqdiet permezz ta' kuntatti ma' organizzazzjonijiet u għaqdiet lokali u internazzjonali.
Mill-bidu ta' Settembru 1998 kien hemm 16-il għaqda li bbenefikaw minn għotjiet. Ħdax minn dawn l-għotjiet kienu ġew approvati qabel il-5 ta' Settembru 1998 u kienu jammontaw għal Lm16,000. Il-ħamsa l-oħra bejniethom ħadu s-somma ta' Lm4840.
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma wettaq il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ mill-bidu ta' l-1997 sa Settembru 1998?
X'beħsiebu jsir sabiex din il-ħidma tiġi mtejba?
Dan il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ġie/qed jiġi nvolut f'diskussjonijiet li jolqtu liż-żgħażagħ, ngħidu aħna fuq ir-rave parties?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħidma li wettaq il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħazagħ tinkludi parteċipazzjoni f'diversi seminars u korsijiet dwar fatti u problemi li jolqtu liż-żgħażagħ fil-ħajja ta' llum u tal-ġejjieni u anke dwar ir-rwol tagħhom fis-soċjeta' fil-qasam lokali u internazzjonali.
Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ kien u għadu qed jiġi involut f'diskussjonijiet li jolqtu liż-żgħażagħ b'mod ġenerali u mhux biss dwar ir-rave parties.
Il-Ministeru qed jikkonsidra x'aġġornament hemm bżonn fil-politika f'dan il-qasam.