Matul l-1999 kemm huwa maħsub li studenti universitarji Maltin jieħdu sehem fil-programm Socrates ta' l-Unjoni Ewropea? Matul l-1999 kemm huwa maħsub li se jkun hemm studenti Maltin li se jieħdu sehem fil-programm Leonardo ta' l-Unjoni Ewropea? Matul l-1999 kemm se jkun hemm skejjel primarji u sekondarji lokali li se jieħdu sehem fil-programm "Comenius" ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, LOUIS)
Dan hu suġġett għad-diskussjonijiet bejn is-Socrates Office tal-Universita' ta' Malta u s-Socrates Technical and Assistance Office ġewwa Brussels u ma' l-EU DGXXII. Meta dawn id-diskussjonijiet ikunu finalizzati, il-Ministeru ikun f'pożizzjoni biex jagħti l-figuri għall-mistoqsijiet magħmula.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħadu sehem ġenituri fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli skolastiċi li għadhom kemm saru kemm fl-iskejjel primarji kif ukoll fl-iskejjel sekondarji: (1) bħala kandidati; (2) bħala votanti u x'kien il-persentaġġ tal-ġenituri kollha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li jeħtieġ ftit żmien ieħor biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu u qed jittieħdu biex jinstabu għalliema għal dawn is-suġġetti fil-qasam sekondarju: computing, fiżika, mużika, ġeografija, studji soċjali, art/craft, home economics u Spanjol li fihom għad għandna studenti bla għalliema f'dawn is-suġġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għal kull suġġett imsemmi fejn kien hemm applikanti, jew għal għalliema Regolari, jew Temporanji jew Supply Teachers, dawn ġew ikkontattjati mid-Dipartiment biex jimlew il-vakanzi f'dawn is-suġġetti.
Saru wkoll u għadhom isiru intervisti biex jiġu ngaġġati Supply Teachers ġodda.
Informat ukoll li d-Dipartiment xorta jibqa' jaċċetta applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' Supply Teachers peress li jeżisti avviż li kien ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern bla data ta' l-għeluq biex min hu interessat ikun jista' jissottometti l-applikazzjoni tiegħu f'kull suġġett li jkun ikkwalifikat fih.
Fil-gazzetti lokali kollha, kull tant żmien id-Dipartiment jippubblika avviż biex ifakkar lill-pubbliku f'dan l-avviż.
L-intervisti meħtieġa, jsiru appena jidħlu l-applikazzjonijiet id-Dipartiment.
Mit-tweġiba mogħtija mill-Onor. Ministru dwar l-attendenza għal skolasport għal dan l-istaġun fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru tiegħi numru 217, jikkonferma l-Ministru li n-numru ta' dawk li jattendu l-iskolasport naqas fuq is-sena li għaddiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Apparti li l-figuri jitkellmu waħedhom, u apparti l-qawl magħruf dwar l-istatistika, informat li sa nhar il-Ħamis 5 ta' Novembru kien hemm 2628 applikazzjoni għal Skolasport.
Informat ukoll li din il-figura tikkompara sew ma' dik tas-sena li għaddiet. Għalkemm ma hemm ebda ċifri uffiċjali dwar l-applikazzjonijiet tas-sena l-oħra, minn informazzjoni li nstabet fil-computer jidher li din iċ-ċifra kienet tammonta għal madwar 2500. Fil-fatt instabet kopja ta' dokument li juri li kienu gew ordnati 2500 tracksuit biex jitqassmu lit-tfal u lill-parteċipanti kollha. Barra minn hekk għadhom jintlaqgħu applikazzjonijiet għal xi dixxiplini u għalhekk għandi naħseb li ċ-ċifra tiżdied fil-ġranet li ġejjin.
Ta' min isemmi li din is-sena kellna naffaċċjaw problema bin-nuqqas ta' coaches. Ħafna minn dawn il-coaches ma applikawx bħala protesta minħabba li l-kumpens għax-xogħol li wettqu ħaduħ ġimgħa biss qabel l-elezzjoni meta suppost kellhom jitħallsu f'Mejju jew Ġunju. Li ma kienx għal persważjoni minn uffiċjali tad-Dipartiment kien ikollna nuqqas akbar. Minħabba f'hekk kellu jiġi limitat in-numru ta' applikanti f'ċerti dixxiplini.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 218 dwar il-purtinari fl-iskejjel governattivi abbażi tan-numru ta' kmamar użati, jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-qagħda tal-purtinara vis-a-vis in-numru ta' kmamar użati skola skola għall-iskejjel governattivi kollha?
Response (GALEA, LOUIS)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-Kumitat tat-tmexxija tal-Marsa Racing Club ma baqax iħallas id-dejn oriġinali ta' spejjeż kapitali ta' Lm105,000 skond ir-rapport ta' l-Awditur għas-sena 1996 li minnu baqa' Lm63,000 x'jitħallsu? Jikkonferma l-Ministru kif stqarr hu stess fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari numru 215 li dan id-dejn kellu jitħallas lura lill-gvern bir-rati ta' Lm10,000 fis-sena, liema ftehim baqa' jiġi onorat taħt amministrazzjoni laburista sa l-1987? Jikkonferma li wara li nbidlet l-Amministrazzjoni tal-pajjiż fl-1987 dan il-ftehim unilateralament ma baqax jiġi onorat mill-kumitat tat-tmexxija tal-Marsa Racing Club b'konsegwenza li d-dejn kbir li għandha llum il-Marsa Racing Club, hemm Lm63,000 oltre l-imgħaxijiet dovuti li ma tħallsux bis-sistema ta' pagamenti gradevoli li kien hemm programmat?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-mistoqsija ta' l-Onorevoli Membru ma tistax ma tqanqalx skantament meta hu stess jaf sew il-każ dwar dan id-dejn. Nahseb li l-ex Segretarju Parlamentari jaf ukoll li l-Kumitat tat-Tmexxija tal-Club li ħatar huwa stess ma għamel xejn biex jitħallas jew jitnaqqas id-dejn imsemmi. Ta' min jgħid ukoll li bejn l-1981 ul-1987 kienu tħallsu 40,000 meta suppost kellhom jitħallsu 60,000 lira.
Matul is-snin 1981 sa l-1995-96 kienu qed jitħallsu imgħaxijiet ta' 6.5% is-somma ta' 45,000 lira li l-promoturi ta' dak iż-żmien kienu sellfu lill-Club biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-bini tal-korsa l-ġdida. Din is-somma tħallset lura fl-1995-96 minflok fl-1986 kif kien il-ftehim oriġinali. Anki hawn il-Club sofra piż finanzjarju li ma kienx jiflaħ għalih.
Tajjeb inżid li l-awdituri fir-rapporti annwali tagħhom jgħidu li l-Club m'għandu ebda kont li juri kif, meta u minn min sar dan ix-xogħol.
L-istess Club qed isostni li ebda għaqda sporitva ma qatt intalbet toħroġ flus għal spiża kapitali meta twaqqfet, u hi ħaġa ta' l-iskantament kif Gvern Laburista mexa b'dan il-mod mal-Marsa Racing Club meta qallu biex iħallas dawn il-flus. Meta nbniet il-korsa ta' Għawdex, li swiet darbtejn iktar minn dik tal-Marsa, qatt ma ntalbu flus lil xi għaqda sportiva.
Jista' l-Ministru jikkonferma li nħatar surmast ġdid għall-Orkestra Nazzjonali? Jista' jgħid minn meta 'il hawn inħatar dan il-bniedem u min hu? Xi kwalifiki għandu? Ġew mistiedna persuni oħrajn biex jikkonsidraw din il-pożizzjoni? Jekk fl-affermattiv, min kienu dawn? X'salarju u benefiċċji oħrajn għandha din il-persuna li joħorġu minn din il-kariga?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa ma nbidel xejn minn dak li kien stabbilit mill-amministrazzjoni preċedenti.
Jista' l-Ministru jgħid min hemm fuq il-working group biex jeżamina l-kwestjoni tas-Support Staff fl-iskejjel?
Meta mistenni jtemm ix-xogħol tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Working Group li qed jeżamina l-bżonnijiet ta' Support Staff fl-Iskejjel ta' l-Istat hu magħmul minn:
Is-Sur Paul A Attard, Assistent Direttur, Chairman;
Ms Yvonne Pulis, Kap ta' Skola Post-Sekondarja, tirrappreżenta d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni;
Ms Marilyn Sciortino, Kap ta' Skola Sekondarja, tirrappreżenta lill-Malta Union of Teachers;
Is-Sur Emanuel Zahra, Kap ta' Skola tas-Snajja, nominat mid-Direttur Ġenerali;
Ms Lydia Chetcuti, Kap ta' Skola Primarja, nominata mill-Malta Union of Teachers;
Is-Sur Karl Farrugia Wismayer, jirrappreżenta l-Management and Personnel Office.
Hu maħsub li l-Grupp ilesti x-xogħol tiegħu din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel jinħass in-nuqqas ta' persuni biex inaddfu?
F'liema skejjel kellhom jitqabbdu kuntratturi privati biex inaddfu b'mod regolari l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li n-nuqqas ta' persuni biex inaddfu jinħass f'dawn l-iskejjel:
Attard Primary Ħamrun A Naxxar Primary
Paola B San Ġwann A San Ġwann B
Sliema Primary St Venera A St Venera B
Mosta GSS Sandhurst GJL Tarxien GSS
St Lucia GJL Lija Primary
St Julians Prim. St Paul's Bay Prim. Mrieħel GJL
Żebbuġ BSS M'Assumpta GSS Adelaide Ċini GSS
Corradino BJL Żejtun A
SETTUR POST SEKONDARJU
a) L-iskejjel li fihom jinħass in-nuqqas ta' persuni biex inaddfu huma:
* Sir Hannibal Scicluna Secretarial School, Paola;
* Sir Mikielanġ Sapiano Technical Institute, Paola.
b) S'issa f'ebda skola ma jitqabbdu kuntratturi privati biex inaddfu b'mod regolari.
SKEJJEL SPEĊJALI
Jinħass in-nuqqas ta' persuni biex inaddfu f'dawn l-iskejjel:
* Guardian Angel School, Ħamrun;
* Dun Manwel Attard, Wardija;
* Santa Marija Day School, Msida.
ii) Fl-Iskola tal-Mosta GSS, ġew imqabbda kuntratturi privati sabiex inaddfu b'mod regolari l-iskola sakemm l-iskola tkun ingaġġat purtinara part-time li s-sejħa għall-ingaġġ tagħhom għandha tiġi publikata fil-futur qarib.
Veru li l-Ministeru nforma lill-istaff akkademiku tal-Junior College li ġie rreġistrat progress fuq il-kwestjoni tad-drittijiet għall-pensjoni ta' dawk li kienu jgħallmu mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qabel Jannar 1979 u issa huma mpjegati ta' l-Universita' jgħallmu l-Junior College?
X'arranġamenti saru biex din il-problema ġiet solvuta?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija hija fl-affirmattiv.
Dettalji dwar l-arranġamenti jingħataw 'il quddiem meta jiġu finalizzati d-dettalji.
Jista' l-Ministru jgħid kif se jkompli x-xogħol li fadal isir qabel jitfassal dokument finali dwar il-kurrikulu nazzjonali ġdid? Meta se jitħejja dan id-dokument finali? Meta se jidħol fis-seħħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Ix-xogħol li fadal biex jitfassal id-dokument finali qiegħed jitkompla b'aktar konsultazzjoni u b'analiżi tal-'feedback' li daħal diġa'.
Id-dokument finali maħsub li jkun ippubblikat f'Marzu 1999 u jibda jseħħ mis-sena skolastika 1999/2000.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitqassmu lill-ġenituri tal-klassijiet 4, 5 u 6 il-kopji tas-sillabu tal-primarji biex ikunu nformati aħjar x'qed jitgħallmu wliedhom fl-iskejjel?
X'sens jagħmel li dawk l-eluf ta' kopji ta' sillabi rivedut jibqgħu maħżuna x'imkien u ma jitqassmux?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt mogħti l-parir li kopji ta' dan is-sillabu jitqiegħdu għall-bejgħ fl-uffiċju tad-Dipartiment ta' l-Informazzjoni għall-prezz nominali. Għaliex dan jiggarantixxi li l-pubbliku kollu interessat ikun jista' jakkwista kopja u dan isir mingħajr biża' ta' ħela b'kopji li ma jintużawx. Lest ngħaddi kopja tal-parir rilevanti lill-Onor. Membru.
Peress li wara l-elezzjoni l-bitħa ta' skola primarja (Qrendi) tal-gvern tħalliet tintuża biex tiġi ċċelebrata r-rebħa tal-Partit Nazzjonalista u hekk inkiser l-avviż legali dwar l-użu ta' skejjel li jipprojbixxi attivitajiet partiġġjani fl-iskejjel, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-iskejjel se jibdew jitħallew jintużaw għal attivitajiet partiġġjani?
Response (GALEA, LOUIS)
M'hemm ebda ħsieb li jinbidel ir-regolament fl-Avviż Legali msemmi li għandu jiġi inforzat mill-awtoritajiet kompetenti.
Peress illi f'diskors li ġie rrapportat f'sezzjoni ta' l-Istampa li l-gvern għandu l-ħsieb li jibni tlett kumplessi sportivi madwar Malta, jaħseb il-Ministru li jkun xieraq li wieħed minn dawn jinbena fin-naħat tal-Kottonera, peress li għal numru ta' snin Ministri Nazzjonalisti preċedenti kienu wiegħdu li kellu jinbena kumpless sportiv quddiem il-Kulleġġ De La Salle?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Gvern qed jimpenja ruħu li jassigura faċilitajiet sportivi adegwati fi tliet reġjuni f'Malta fit-tramuntana, fiċ-ċentru u fin-nofs in-nhar ta' Malta. L-għaqal jitlob konsultazzjoni sħiħa ma' kull min hu involut biex id-deċiżjoni mwettqa tkun fl-aħjar interessi tal-komunitajiet konċernati u ta' l-isport Malti.
L-għażla fuq il-lokalitajiet issir wara studju u wara analiżi ta' siti vojta, proprjeta' tal-Gvern, li jkunu jistgħu jiġu żviluppati għal dan il-għan.
Jista' l-Ministru ġentilment jikkonferma li studenti Universitarji li weħlu minn xi re-sit, ma ngħatawx ċans ieħor u qed jiġu mitluba jitilqu mill-kors?
Billi din qatt ma kienet il-prattika qabel, jaħseb il-Ministru li din is-sena dawn l-istudenti ġew żvantaġġjati?
X'wasal lill-Universita' biex tieħu din id-deċiżjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li studenti jkunu mitluba li jitilqu mill-kors normalment meta ma jissodisfawx ir-rekwiżiti biex jgħaddu għas-sena ta' wara u jekk huma jkunu diġa' weħlu u rrepetew xi sena fil-kors.
Ma kien hemm l-ebda deċiżjoni biex dan il-provvediment li jinsab fir-regolamenti tal-korsijiet kollha jinbidel.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' studenti li qed jattendu trade schools? Kemm huwa n-numru ta' bniet u subien f'kull skola? Kemm huwa n-numru ta' għalliema f'kull skola u kemm minn dawn huma fuq bażi ta' kuntratt ta' xogħol definit jew indefinit?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra f'xi Seduta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati problemi fuq it-trasport pubbliku mill-ġenituri tat-tfal li jattendu l-iskejjel ta' l-Istat fis-sena skolastika 1998/99? Mil-liema lokalitajiet ta' Malta u Għawdex ġejjin dawn l-ilmenti u x'miżuri ttieħdu sabiex dawn jiġu rimedjati?
Response (GALEA, LOUIS)
Jien infurmat li kien hemm 25 ilment mill-ġenituri tat-tfal li jattendu l-iskejjel taż-Żejtun, Birżebbuġa, Marsaxlokk, Żurrieq, il-belt Valletta, il-Manikata u Birkirkara. Bosta lmenti saru minħabba li x-xufiera involuti fit-trasport tat-tfal sabu diffikulta' biex jidraw il-'pick up points' il-ġodda. Kull każ kien rimedjat għas-sodisfazzjon ta' kulħadd.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' tfal li jbatu minn diżabilita' u li qed jattendu fl-iskejjel governattivi? Jista' l-Ministru jelabora l-informazzjoni fuq il-kategorija differenti ta' l-iskejjel ċioe' primarja, bniet u subien eċċ. eċċ.?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tfal b'diżabilita' li qed jattendu fil-mainstream ta' l-iskejjel governattivi primarji, sekondarji/trade huma:
Kindergarten Primarji
Subien Bniet Total Subien Bniet Total
42 19 61 217 113 330
Sekondarji/Trade
Subien Bniet Total
28 28 56
Skejjel Speċjali Subien Bniet Total
Santa Marija Day, Msida 36 9 45
Guardian Angel, Qormi 56 32 88
San Miguel, St Andrews 32 11 43
Dun Manuel Attard, Wardija 48 16 64
Mater Dei, Msida 19 -- 19
Special Unit, Sannat, Gozo 11 3 14
Special School, Qrendi 15 11 26
In-Numru ta' tfal li jattendu l-Iskejjel Post Sekondarji, u li għandhom diżabilita' huwa:
ġuvintur 2
tfajliet 2
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu studenti fl-Universita' għas-sena akkademika 1998/99?
Mil-liema raħal jew belt ġejjin dawn l-istudenti f'kull kors?
Response (GALEA, LOUIS)
In-numru ta' studenti li daħlu l-Universita' għas-sena akkademika 1998/99 huwa 2550.
L-informazzjoni dwar in-numru ta' studenti minn kull belt jew raħal li daħlu f'kull kors ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħatru diretturi fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru 1998 'il hawn?
Min huma?
Xi kwalifiki għandhom?
Fuq liema kriterji ngħataw il-ħatra?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma nħatar ebda Direttur fid-dekasteru tiegħi mill-5 ta' Settembru 'l hawn.