Tista' il-Ministru tgħid liema huma dawk il-ħaddiema (il-grad) taċ-ċivil li huma ntitolati għal karozza? Kemm spiċċaw ħaddiema f'dan il-grad tul dawn l-aħħar ħames snin u kemm minnhom baqgħu jgawdu minn din il-karozza anke meta spiċċa? X'tip ta' karozza kienet f'kull każ u s-sena ta' reġistrazzjoni għal kull karozza?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru jgħid jekk żdidietx in-nefqa fuq is-safar mill-2005 għall-2006 u f'każ affermattiv, kemm kienet iż-żieda fuq l-ispiża tas-safar mill-2005 u l-2006 globalment? Tista' tgħid x'kienet ir-raġuni ta' din iż-żieda u jekk kienx hemm l-approvazzjoni ta' l-uffiċċju tal-prim ministru għat-tali spiża? Tista' tgħid min approva s-safar ta' matul l-2006?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-nefqa fuq is-safar mill-2005 għall-2006 ma żdiditx. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li fis-sena 2006, is-safar tal- Onorevoli Ministru ġie approvat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru filwaqt li s-safar l-ieħor ġie approvat mis-Segretarjat Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew ta' xi tip ieħor lil għaqdiet jew clubs sportivi u kulturali matul is-sena 2006 mill-ministeru u enti li jaqgħu taħtha? Tista' tgħid min ibbenefika u kemm kien l-ammont għal kull każ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid kemm għandu impjegati l-ministeru? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-Onorevoli Interpellant hu riferut għal ‘Guidelines on the Employment of Staff for Ministers’ Secretariat’ kif approvati.
Peress li l-Ministru għal Għawdex tifhem sewwa l-bżonnijiet ta' l-Għawdxin u peress li b'riżultat tal-Press Release nru. 1418 bid-data tal-5 ta' Ottubru 2005 qiegħed ikun hemm każi fejn studenti universitarji Għawdxin mhumiex intitolati għal gratuity minħabba li attendew l-iskola sekondarja f'Malta, tista' il-Ministru tgħid jekk din l-anomalija tistax tiġi rranġata b'tali mod li dawn l-istudenti jingħataw il-gratuity li tistħoqqilhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Kif qal l-Onorevoli Nterpellant fil-mistoqsija tiegħu, il-Ministeru għal Għawdex jifhem sew u japprezza d-diffikultajiet miżjuda li jaffaċċjaw studenti Għawdxin li jistudjaw Malta. Għaldaqstant il-Ministeru joffri għajnuna addizzjonali lill-istudenti Għawdxin, minbarra l-benefiċċji oħra li jingħataw ukoll lill-istudenti Maltin. Minħabba l-ispejjeż addizzjonali li għandhom l-istudenti Għawdxin sabiex ikomplu l-istudji tagħhom f’Malta f’Ottubru 2006 il-Gvern approva żieda sostanzjali f’dan is-sussidju. Għalhekk kien approvat li studenti Għawdxin li qegħdin isegwu kors f’istituzzjoni tal-Gvern f’Malta fuq bażi full-time jingħataw żieda fis-sussidju ta’ Lm 35 fix-xahar basta jkunu għamlu l-edukazzjoni sekondarja jew post-sekondarja f’Għawdex.
Din il-miżura ttieħdet sabiex tnaqqas l-abbużi li kienu qegħdin jiġu mwettqa minn persuni li għandhom l-indirizz tal-karta ta’ l-identita’ fuq Għawdex filwaqt li huma jgħixu fil-maġġoranza fil-gżira ta’ Malta, u li in segwitu kienu abbussivament qegħdin jipprovaw jibbenefikaw minn benefiċċji mogħtija lill-Għawdxin.
Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Nterpellant, l-indirizz ta’ residenza f’Għawdex fuq il-karta ta’ l-identita’ mhux dejjem tirrifletti l-fatti, cjoe’ li l-persuna konċernata tkun qiegħda tgħix fil-gżira ta’ Għawdex. Għaldaqstant kellha tinqata’ linja sabiex jiġu evitati l-abbużi. Peress li huwa ferm diffiċli li wieħed jistabbilixxi mill-karta ta’ l-identita’ li student huwa verament residenti fil-gżira ta’ Għawdex, l-Ministeru għal Għawdex kellu joħloq tali kriterju li permezz tiegħu jkun jista’ jistabilixxi li student huwa verament residenti f’Għawdex u għalhekk qiegħed verament jaqsam bejn il-gżejjer regolarmant.
Tista' l-Ministru tgħid meta se jitwaħħlu d-dwal u sinjaletika adegwata fi Triq ta' Pinu, peress li ċerti partijiet f'din it-triq huma dojoq u perikolużi ħafna? In oltre, peress li sidien ta' vetturi, speċjalment trakkijiet, qed jilmentaw minħabba nuqqas ta' spazju biex ikunu jistgħu jduru mar-roundabout li tagħti għal Għasri, tista' l-Ministru tgħid x'miżuri qed jitteħdu biex jiġi eliminat dan l-inkonvenjent?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol tat-twaħħil tad-dawl u t-tqegħid ta sinjaletika fi Triq li mir-Rabat twassal għal San Lawrenz ser jibda matul din il-ġimgħa. Jiena nfurmata wkoll li ma jirriżultax li hemm problemi biex vetturi jduru mar-roundabout li tagħti għall-Għasri.
Tista' l-Ministru tgħid meta se jinbena l-ħajt bejn Triq Durell u Triq Tempju ta' Imramma, Sannat, Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jekk l-Onorevoli Nterpellant qiegħda tirreferi għall-kantuniera bejn it-toroq imsemmija, jiena nfurmata li jeżisti ħajt ta’ lqugħ f’din il-parti tat-toroq.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li ħwienet tal-pitkala li hemm fil-pitkalija qegħdin jinżammu magħluqa?
Huwa minnu li x-xogħol tagħhom ħlief għal wieħed, se jiġi trasferiet għal Gozitano?
Tista' il-Ministru tispjega għaliex?
Jekk skond it-tender document meta ngħataw dawn il-ħwienet fil-pitkalija, min jiġġestihom suppost iżommhom miftuħa, tista' il-Ministru tispjega kif qiegħda tippermetti li dawn jinżammu magħluqa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li qiegħda tittieħed azzjoni biex il-ħwienet tal-Pitkalija f’Għawdex jinżammu miftuħa.
Ma hinix infurmata li x-xogħol tal-Pitkalija ħlief wieħed ser jiġi trasferit għal Koperattiva Gozitano.
Nirriferi lill-Ministru għal Għawdex għat-tweġiba li tatni għall-mistoqsija parlamentari 22318 u speċifikament dwar il-proġett ta' titjib tat-Triq San Lawrenz/Rabat. Tista' jekk jogħġobha l-Ministru tgħidli:
X'inhu t-tip partikolari ta' tafal li nstab?
Dan it-tip ta' tafal jidher fil-mappi ġeoloġiċi?
Kienu saru testijiet ġeoloġiċi fuq it-triq qabel tħejjew il-bills of quantities?
X'inhu x-xogħol relatat ma' din it-triq li ma ġiex inkluż fl-ispiża mistennija? Fit-tweġiba li tatni, dan ix-xogħol ġie inkluż fl-istima oriġinali? Jekk le, għaliex? Tista' tgħidli għaliex dan ix-xogħol ma ġiex inkluż fl-ispiża mistennija? X'inhuma l-ispejjeż ta' dan ix-xogħol relatat ma' din it-triq li ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? Kemm kien stmat oriġinarjament li jiswa dan ix-xogħol u kemm hu mistenni li jiswa issa?
X'inhuma x-xogħlijiet relatati ma' servizzi li ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? Fit-tweġiba li tatni, dawn ix-xogħlijiet relatati mas-servizzi ġew inklużi fl-istima oriġinali? Jekk le, għaliex? Tista' tgħidli għaliex dawn ix-xogħlijiet ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? X'inhuma l-ispejjeż ta' dawn ix-xogħlijiet relatati mas-servizzi li ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? Kemm kienu stmati oriġinarjament li jiswew dawn ix-xogħlijiet u kemm hu mistenni li jiswew issa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 22760, jiena nfurmata kif ġej:
It-tafal li nstab huwa materjal li jiġġenera
swelling pressure
qawwija meta jixxarrab. Il-mappi ġeoloġiċi għall-gżejjer maltin ma jidħlux fid-dettal u juru biss dettalji ġeneriċi li f’din il-parti ta’Għawdex hemm franka u
blue clay
. Qabel tħejjew il-bills of quantities, saru
plate bearing tests u Benkelman tests.
Ix-xogħolijiet li ma ġewx inkluzi fl-istima oriġinali huma
· Culvert fil-ħitan biex jiġu integrati s-servizzi ta’ l-Enemalta minħabba li waqt laqgħat regolari li kienu jsiru ma’ entitajiet konċernati, ġie deċiż li l-aħjar mod li għandhom jiġu mgħoddija dawn il-cables kien minn ġol-ħajt biex hekk jiġi evitat kull riskju li jista jintmess il-wiċċ tat-triq f’każ ta’ bżonn li jsiru xi xogħlijiet fuq il-cables.
· Ħitan li kienu neċessarji biex jissalvagwardjaw l-istabbilita tat-triq;
· Xogħolijiet fuq junctions minħabba tibdil li sar fid-disinn tat-triq;
· Xogħol biex il-bdiewa jkollhom faċilitajiet neċessarji għax-xogħol tagħhom.
· Estensjoni tas-servizz tad-drenaġġ.
· Tisħiħ tas-service duct tal-Maltacom minħabba diffikultajiet li nqalgħu max-xogħol ta’ l-eskavazzjoni.
Nirriferi l-Ministru għat-tweġiba li tatni għall-mistoqsija parlamentari 22347 dwar proġett finanzjat mill-Unjoni Ewropea. Tista' l-Ministru tgħidli meta huwa mistenni li jiġu approvati d-dokumenti ta' programmazzjoni għall-perijodu 2007-2013? Meta hu mistenni li jibda l-proċess ta' l-għażla tal-proġetti? Fiex se jkun jikkonsisti l-proċess ta' l-għażla skond il-proċeduri stabiliti? L-imsieħba ekonomiċi u soċjali, bħalma huma l-Gozo Business Chamber, il-Gozo Tourism Association, l-NGOs Association u l-kunsilli lokali se jieħdu sehem f'dan il-proċess?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsieħba ekonomiċi u soċjali kienu nvoluti mill-bidu nett saħansitra meta kien qiegħed jitfassal n-National Strategic Reference Framework, għal perjodu ta' programmazjoni 2007-2013, permezz ta' laqgħa ta konsultazzjoni li saret fl-20 ta' Settembru 2005. Din il-laqgħa kienet saret fil-Ministeru għal Għawdex u l-imsieħba ekonomiċi u soċjali kienu mistiedna biex jagħtu l-kontribut tagħhom. Nassigura l-Onor. Interpellant li dawn l-imsieħba sr jibqgħu nvoluti f'dan il-proċess.
Għawdex — Bejgħa ta' oqbra fiċ-ċimiterju ta' Santa Marija
Question
Tista' il-Ministru tgħid: 1) meta l-aħħar ingħataw u kemm ingħataw oqbra fuq skema ta' bejgħ lill-pubbliku mill-gvern fiċ-ċimiterju ta' Santa Marija, Għawdex? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal xiri ta' oqbra mill-pubbliku? 3) Jekk il-gvern jarax il-ħtieġa li jissodisfa dan il-bżonn u fil-ġejjieni qarib isiru aktar oqbra sabiex jinbiegħu lill-pubbliku?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
1) Nixtieq ninfurmak li l-aħħar li ngħataw oqbra fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija,
Xewkija , Għawdex, fuq skema ta’ bejgħ lill-pubbliku mill-gvern kien bejn l-1993 u
l-1994. Fil-1993 saru tmienja u tmenin (88) kuntratt ta’ bejgħ ta’ oqbra waqt li fl-
1994 saru żewġ (2) kuntratti ta’ bejgħ.
2) Preżentament hemm irreġistrati tlett mija u ħdax (311) l-applikazzjoni pendenti għal xiri ta’ oqbra fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija, Xewkija, Għawdex.
3) Qiegħdin jittieħdu miżuri meħtieġa sabiex iċ-ċimiterju ta’ Santa Marija jiġi estiż biex ikun hemm numru ta’ oqbra adekwati biex tkun sodisfatta d-domanda tal-pubbliku.
Nirriferi lill-Ministru għal Għawdex għat-tweġiba li tatni għall-mistoqsija parlamentari 22347 dwar proġetti finanzjati mill-EU għall-perijodu 2007-2013 fejn hi qalet li d-dokumenti ta' programmazzjoni għadhom ma ġewx finalizzati u għalhekk il-proċess ta' l-għażla skond il-proċedura stabilita għadu ma bediex. Taf il-Ministru li fid-diskors tal-budget għas-sena d-dieħla l-Prim Ministru semma x'inhuma l-proġetti għas-sena d-dieħla u saħansitra ġew ivvotati l-flus għalihom? Tista' l-Ministru tgħidli liema hi l-verżjoni korretta minn dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet, waħda tagħha u l-oħra tal-Prim Ministru ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' jekk jogħġobha l-Ministru issa tagħtini risposta għall-mistoqsija parlamentari 21180 dwar inċentivi għall-industrija f'Għawdex li kont għamiltilha fl-10 ta' Ottubru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma l-Onorevoli Nterpellant li risposta għall-mistoqsija tiegħu ngħatat diġa fir-risposta għal mistoqsija parlamentari 22351.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda tal-bills of quantities u l-prezzijiet tat-tender li rebħet l-offerta għall-bini tat-triq Rabat-San Lawrenz? Tista' tgħid liema kwantitajiet u/jew prezzijiet inbidlu wara li ntrebħet l-offerta? X'inhuma l-kwantitajiet u l-prezzijiet il-ġodda?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata peress li hija ta' natura kummerċjali.
Nirriferi lill-Ministru għat-tweġibiet li tatni għall-mistoqsijiet parlamentari 15937 u 21177 dwar asfaltar ta' toroq residenzjali f'Għawdex. Tista' jekk jogħġobha taġġornani u tgħidli x'xogħlijiet saru s'issa fuq kull waħda mit-toroq imsemmija? Kemm kienet l-istima oriġinali ta' kull waħda? Kemm hu mistenni li tkun l-ispiża finali fuq kull waħda? Min kien il-kuntrattur għal kull triq?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-informazzjoni mitluba hija skond kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra u li tinkludi wkoll informazzjoni dwar toroq oħra li saru jew qegħdin fil-proċess li jsiru.
Tista' l-Ministru tgħid x'xogħlijiet saru fuq il-bini tal-biċċerija ta' Għawdex? Kemm kienet l-istima oriġinali ta' kull biċċa xogħol li saret? Kemm kienet l-ispiża finali? Min kienu l-kuntratturi f'kull każ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħlijiet ta' bini li saru fil-biċċerija huma : tneħħija ta ħitan u bini ta' travi tal-concrete li kienu stmati li jiswew Lm1,828 u ġew jiswew Lm 1,724 u bini ta' estensjoni u moderniżżar li kien stmat li jiswa Lm60,761 u li s'issa ġie jiswa Lm 39,570. Il-kuntratur f'kull każ kien Road Construction Co. Ltd.
Tista' jekk jogħġobha l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda tal-Bills of Quantities u l-prezzijiet tat-tender li rebħet l-offerta għall-bini tat-Triq Xewkija - Mġarr? Tista' tgħidli l-KRAM Joint Venture minn min hi magħmula? Tista' tgħidli minn min qed isiru x-xogħlijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li x-xogħol fuq il-bini tat-Triq Xewkija - Mġarr qiegħed isir mill-Awtorita' Dwar it-Trasport, nitlob l-Onorevoli Nterpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22348 dwar l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ, tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-arranġamenti l-ġodda li saru mal-Kummissjoni Ewropea dwar dan il-proġett? Għaliex kellhom isiru arranġamenti ġodda?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-Kummissjoni Ewropea approvat estensjoni ta’ żmien għat-tkomplija tal-proġett. Dawn l-arranġamenti ġodda ġew mitluba wara li l-proġett kellu dewmien li l-Kummissjoni ħasset li kien ġustifikat.
Tista' il-Ministru tgħid fejn wasal il-proċess tat-tender għall-provvista, stallazzjoni, ittestjar u kkummissjonar ta' l-apparat u servizzi anċillari għall-biċċerija t'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li t-tender għall-provvista, stallazzjoni, ittestjar u kkummissjonar ta’ l-apparat u servizzi anċillari għall-biċċerija ta’ Għawdex qiegħda fil-proċess li terġa tiġi ppubblikata.