Tista' l-Ministru tgħid x'miżuri ttieħdu f'Għawdex sabiex jiġu megħjuna l-vittmi tal-vjolenza domestika wara li daħlet fis-seħħ il-liġi dwar il-vjolenza domestika?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
It-Taqsima Ħidma Soċjali fil-Ministeru għal Għawdex kull darba li jiġi riferut lilha każ ta’ vjolenza domestika, tiproċedi billi:
· Tgħaraf issolvi l-krizi immedjata, u dan tagħmlu billi tisma lil parti vittimizzata sabiex ittaffi s-sitwazzjoni u b’hekk l-persuna tkun tista’ aktar tagħraf id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu
· Tispjega r-riżorsi eżistenti f’Għawdex, fir-rigward ta’ kenn temporanju, u anke dak fit-tul
· Tispjega lill-vittma l-proċeduri soċjali u legali li jridu jittieħdu u jekk ikun meħtieġ social worker jakkompanja lill-vittma f’dawn il-proċeduri
· Il-kaz jibqa’ jigi segwit mis-social worker għall-perjodu li jkun hemm bżonn
Ta’ min jinnota li fuq il-Bord Nazzjonali maħtur dwar il-vjolenza domestika, hemm persuna minn Għawdex, Ms Maria Attard.
Tista' l-Ministru tieħu ħsieb biex ħajt li qiegħed f'raba fil-Lunzjata, limiti ta' Fontana li ġġarraf ħtija ta' drenaġġ li żbroffa għal ġo fih, jerġa' jinbena peress illi dan qiegħed ikerrah id-dehra panoramika ta' l-ambjent ta' madwaru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qiegħda tieħu azzjoni biex jitranġa l-ħajt imsemmi.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm staff allokat biex titħaddem id-decompression chamber, x'tip ta' taħriġ ingħataw u minn min kif ukoll kemm-il darba ġiet imħaddma u x'tip ta' każijiet qed jiġu trattati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Bħala staff allokat biex titħaddem id-Decompression Chamber hemm tobba, nurses u technicians li ngħataw taħriġ kemm minn kumpanija li ħadet tender għal dan it-taħriġ kif ukoll mill-istess kumpanija li ssuplexxiet id-Decompression Chamber.
Bħalissa qed isiru l-preparamenti meħtieġa sabiex fil-ġejjieni qarib il-ħaddiema magħżula jibdew jagħmlu simulation exercises biex b’hekk ikollhom aktar taħriġ hands on.
Tista' l-Ministru tagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tagħha, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtha, għamel użu minnhom matul is-sena 2006? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant risposta tingħata f'seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22351 dwar inċentivi għall-industrija tal-manifattura f'Għawdex, tista' l-Ministru tgħid għaliex is-sussidju qed idum sa sitt snin biex jitħallas? Għaliex il-flus ivvotati għas-sena 2007 lanqas ikopru t-talbiet kollha għas-sena 2004 li diġa' huma approvati mill-Malta Enterprise? Meta huma mistennija jitħallsu t-talbiet li diġa' huma approvati mill-Malta Enterprise u li l-Ministru nkludiet fit-tweġiba tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-inċentivi msemmija jdumu ma jitħallsu minħabba li l-kumpaniji nfushom ma jibgħatux t-talbiet tagħhom lill-Malta Enterprise immedjatament kif tagħlaq is-sena finanzjarja tagħhom kif ukoll li wara li jintbagħtu t-talbiet dawn ikunu iridu jiġu vverifikati li f'ħafna każi jieħu ż-żmien minħabba li jkollha tintalab aktar informazzjoni għall-iskop tal-verifika. Pagamenti imbagħad isiru skond il-fondi allokati .
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22754 dwar it-tender tat-triq mir-Rabat għal San Lawrenz fejn hija rrifjuta li tagħtini l-iskeda tal-kwantitajiet (Schedule of Quantities) tax-xogħlijiet fuq din it-triq għax qalet li din l-informazzjoni hija ta' natura kummerċjali. Taf il-Ministru li din l-informazzjoni hija ta' natura pubblika u ta' interess pubbliku ħafna aktar u akbar milli hija ta' natura kummerċjali? Taf li din l-informazzjoni ssoltu tingħata u ma tinżammx mistura mill-iskrutinju tal-parlament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li talab fil-mistoqsija parlamentari numru 22754 kienet ta' natura kummerċjali u għalhekk ma ngħatatx. B'differenza l-informazzjoni mitluba f'din il-mistoqsija hija ta' natura pubblika u għalhekk qiegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
B'riferenza għat-tweġibiet ta' mistoqsijiet parlamentari 22318 u 22760 u speċifikament dwar il-proġett ta' titjib tat-Triq San Lawrenz/Rabat, tista' jekk jogħġobha l-Ministru tirrispondini u tagħtini t-tagħrif kollu li jiena tlabtha fil-mistoqsija parlamentari 22318 u li hi baqgħet ma tagħtulix fit-tweġiba tagħha f'mistoqsija parlamentari 22760 u cioe':
*X'inhu x-xogħol relatat ma' din it-triq li ma ġiex inkluż fl-ispiża mistennija? Fit-tweġiba li tatni f'mistoqsija parlamentari 22318, dan ix-xogħol ġie nkluż fl-istima oriġinali? Jekk le, għaliex? Tista' tgħidli għaliex dan ix-xogħol ma ġiex inkluż fl-ispiża mistennija? X'inhuma l-ispejjeż ta' dan ix-xogħol relatat ma' din it-triq li ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? Kemm kien stmat oriġinarjament li jiswa dan ix-xogħol u kemm hu mistenni li jiswa issa?
*X'inhuma x-xogħlijiet relatati ma' servizzi li ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? Fit-tweġiba li tatni f'mistoqsija parlamentari 22318, dawn ix-xogħlijiet relatati mas-servizzi ġew inklużi fl-istima oriġinarli? Jekk le, għaliex? Tista' tgħidli għaliex dawn ix-xogħlijiet ma ġewx inkluż fl-ispiża mistennija? X'inhuma l-ispejjeż ta' dawn ix-xogħlijiet relatat mas-servizzi li ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? Kemm kienu stmati oriġinarjament li jiswew dawn ix-xogħlijiet u kemm hu mistenni li jiswew issa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Malli l-informazzjoni kollha tkun miġbura, din titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22756 dwar il-biċċerija t'Għawdex, tista' l-Ministru tgħidli fid-data tar-risposta x-xogħol kien jonqos isir fuq il-bini ta' estensjoni u mmodernizzar u kemm hu stmat li se jiswa dan ix-xogħol li għadu jrid isir?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol li kien jonqos isir fuq il-bini tal-biċċerija jikkonsisti minn tqegħid ta' madum fil-parti diġa mibnija u bini ta' xi kmamar oħra fejn parti mix-xogħol mistenni jsir mill-ħaddiema tal-gvern. Jiena nfurmata ukoll li dan ix-xogħol li jonqos fuq il-bini huwa stmat li ser jiswa Lm24,161.
Matul is-sena 2006, tista' il-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa tal-fuels tal-Ministeru għal Għawdex u tad-dipartimenti, dekasteru, enti, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul is-sena 2006, in-nefqa tal-fuels tal-Ministeru għal Għawdex u tad-dipartimenti li jaqgħu taħtu kienet kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Matul is-sena 2006, tista' il-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-użu tas-servizzi tat-telephones fil-Ministeru għal Għawdex,dipartimenti, dekasteru, enti, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-nefqa globali għall-użu tas-servizzi tat-telephones fil-Ministeru għal Għawdex u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm qamet kull safra (spejjeż kollha nklużi) li saret matul l-2006 fejn kienet involuta hi , safra b'safra? Meta sar dan is-safar? Kemm damu ljieli? Fejn kienet id-destinazzjoni? Min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawhau x'karigi għandhom? Ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom għal akkomodazzjoni f'kull safra separatament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22319 dwar nefqa kapitali tal-ministeru tagħha, tista' l-Ministru tgħidli xi trasferimenti ta' flus saru minn item għal ieħor matul l-2006? Għaliex ma ntefqux il-flus fuq l-item fejn kienu vvotati? Għaliex kien hemm il-bżonn ta' aktar flus fuq items oħrajn? Fuq hiex intużaw il-flus li ġew trasferiti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Malli l-informazzjoni tkun miġbura r-risposta titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22082 dwar tenders għal xogħol f'Għawdex li ngħataw lil road construction ltd., tista' l-Ministru tgħid x'kienet l-ispiża totali u finali ta' kull tender? Tista' tgħidli l-istess kumpannija x'tendersħadet kull sena mill-1997 sa l-2001? X'kien il-valur oriġinali tagħhom u kemm kienet l-ispiża totali finali ta' kull tender?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Malli l-informazzjoni kollha tkun miġbura, din titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru għal Għawdex tgħidli jekk itteħditx xi deċiżjoni mill-Gvern biex jerġa' jibda jitħaddem xi servizz ta' l-ajru bejn Malta u Għawdex? X'sar s'issa minn meta waqaf is-servizz tal-ħelikopter biex jerġa' jibda jitħaddem servizz bl-ajru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li l-Gvern qed jieħu l-miżuri neċessarji sabiex is-servizz ta’ l-ajru bejn Malta u Għawdex jissokta kemm jista’ jkun malajr. Wara li dan is-servizz twaqqaf, il-Gvern appunta kumitat ad hoc sabiex dan jirrakkomandalu l-għażliet dwar it-tipi ta’ servizz li jistgħu jiġu adottati. Dan ir-rapport tlesta u qiegħed għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern.
Matul is-sena 2006, tista' il-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' karozzi u vetturi fil-Ministeru għal Għawdex u tad-dipartimenti, dekasteri, enti, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul is-sena 2006 in-nefqa globali għall-kiri ta' karozzi u vetturi fil-Ministeru għal Għawdex u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu, hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Matul is-sena 2006, tista' il-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-mobile phones fil-Ministeru għal Għawdex, u dipartimenti, dekasteri, enti, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul is-sena 2006, in-nefqa globali tal-mobile phones fil-Ministeru għal Għawdex u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu kienet ta' Lm6488.97.
Matul is-sena 2006, tista' il-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa globali għas-safar tal-Ministeru għal Għawdex u tad-dipartimenti, dekasteru, enti, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-nefqa globali għas-safar tal-Ministeru għal Għawdex u tad-Dipartimenti tiegħu kienet ta' Lm21,318.21.
B'referenza għall-mistoqsija parlamenti 22920 u għar-risposta relattiva, peress li d-domanda ovvjament qed tirreferi għall-parti li għadha torba, meta se tiġi asfaltata l-bqija tat-triq?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-parti tat-triq imsemmija tiġi asfaltata aktar il-quddiem minħabba li qiegħda tingħata priorita' lil xogħolijiet f'toroq fejn ikun hemm residenti u toroq arterjali.