Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #866 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tfal bi bżonnijiet speċjali — Statementing Board

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-iStatementing Board biex jeżamina studenti bi bżonnijiet speċjali jingħata saħħa ta' Liġi jew avviż legali? Se jitwaqqaf il-Bord ta' l-Appell li kien hemm il-ħsieb li jitwaqqaf biex quddiemu jinstemgħu każi li d-deċiżjoni dwarhom tkun kontestata?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwel beħsiebni nwettaq xi tibdil bl-iskop li ntejjeb dak li qed isir, inkluż it-Twaqqif ta' Bord ta' Appell, imbagħad ngħaddi għall-konsiderazzjoni ta' l-istruttura legali adatta.
Leg 9 PQ #867 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kors tal-Master's

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni ma' l-Universita' biex jibda l-kors tal-Master's tant meħtieġ tal-Psikologi edukattivi? Meta mistenni jibda dan il-kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kwestjoni ġiet diskussa bejn dawk kollha involuti, inkluż fis-Senat ta' l-Universita' u issa hu deċiż li l-Kors imsemmi jibda fi Frar 1999.
Leg 9 PQ #868 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Istitut M A Sapiano

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jinstabu min jgħallem is-suġġetti fil-branka ta' l-Inġinerija Teknika u fis-suġġetti assoċjati mal-computers li tagħhom hemm għalliema nieqsa f'disa' klassijiet ta' l-Istitut M A Sapiano?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li filwaqt li ġie reġistrat progress fis-sitwazzjoni tan-nuqqas ta' għalliema fis-sens li issa ntbagħat għalliem ġdid tal-computers, għad fadal xi nuqqasijiet u d-Dipartiment konċernat għaddej bl-isforzi tiegħu sabiex jinstabu l-għalliema neċessarji. Għal dan l-iskop barra mill-proċeduri normali għaddejjin trattativi biex possibilment kumpaniji statali, para-statali u anki privati, jipprovdu servizz ta' lectures fl-oqsma ta' speċjalizzazzjoni. Saru wkoll avviżi fuq Channel 22 fejn saret stedina lil dawk bil-kwalifiki neċessarji biex japplikaw għal post ta' 'Supply Teacheres'. Lest nikkonsidra kull proposta li tista' twassal għall-akkwist tas-servizzi meħtieġa.
Leg 9 PQ #870 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jlaqqa' il-Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva? Ix-xogħol li kien sar minn dak il-Kumitat se jitwarrab jew se jiġi addottat u żviluppat? Id-deċiżjonijiet li kien intlaħaq qbil dwarhom sa Settembru, 1998 se jerġgħu jiġu kkonsidrati kollha mill-ġdid?

Response (GALEA, LOUIS)

a) Kif ġa għidt fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 711 biħsiebni nlaqqa' l-kumitat imsemmi fil-futur qrib. b) Ebda xogħol la ta' dan il-Kumitat u lanqas xogħol ieħor mhu ser jitwarrab imma ser jiġi żviluppat fid-dawl tal-politika tal-Gvern preżenti. c) Id-deċiżjonijiet imsemmija ser jiġu riveduti fid-dawl tal-Politika tal-Gvern preżenti li l-Persuni b'Diżabilita' u l-familji tagħna jkunu parti sħiħa mill-proċess ta' pjanar u deċiżjonijiet li jikkonċernawhom.
Leg 9 PQ #871 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti qed jittieħdu biex it-22 tifel u tifla bi bżonnijiet speċjali, li sal-bidu ta' Novembru, 1998 kien għadhom ma bdewx l-edukazzjoni tagħhom, jibdew jieħdu l-edukazzjoni tagħhom b'mod regolari fi skejjel ma' tfal oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dawn il-jiem li ġejjin id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ser toħroġ sejħa għall-ingaġġ ta' Supply Kindergarten Assistants għal tfal bi bżonnijiet speċjali.
Leg 9 PQ #1019 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Valletta - Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-iskola primarja tal-Belt Valletta jirriżulta li hemm nuqqasijiet serji għal dak li jirrigwarda tindif?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat mill-Kap ta' l-Iskola li l-Istaff jiġi mogħti kull tip ta' stationery li jitlob inkluż, blue tack, imqassijiet, gem markers, transparent tape, foolscaps, drawing pins, rubber bands etċ. Kull membru ta' l-istaff għandu għażla ta' biros ta' erba' kuluri differenti kif ukoll ta' ħxuna differenti. B'kollox l-iskola tipprovdi sitt tipi differenti ta' biros, li minnhom kull membru ta' l-istaff jista jieħu kemm ikollu bżonn. Hemm 4 caretakers fl-iskola tal-Belt li normalment ilaħħqu sewwa max-xogħol ta' tindif. Fil-preżent għaddej xi xogħol ta' manutenzjoni li jitlob aktar xogħol ta' tindif. Hu maħsub li meta jitlesta x-xogħol ta' manutenzjoni jsir it-tindif li normalment isir wara kull manutenzjoni.
Leg 9 PQ #1071 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa — Track

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn l-ispiża tal-manutenzjoni tat-track tal-Marsa s-sena l-oħra telgħet għal Lm35,000 meta din is-sena n-nefqa kienet ta' Lm6,500 biss? Jista' l-Ministru jagħti l-breakdown ta' kif intnefqu dawn il-Lm35,000?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-nefqa biex saret il-manutenzjoni tat-track tal-Marsa fl-1997 kienet imqassma kif se nsemmi: Ramel u Żrar Ltd - Ramel Prima 4579 jardi kubi @ Lm4.60 - Lm21063 Red Sand 425 jardi kubi @ Lm2.25 - Lm 956 Sand Granite 1063 jardi kubi @ Lm3.53 - Lm 3753 ETP - Lm 643 Philip Agius Kiri ta' makkinarju Lm 4505 Benet Broberg (espert Svediż) - Spejjeż ta' konsultazzjoni Lm 1212 CJP Tarmac Ltd - Kiri ta' scarfing machine Lm 998 Joseph Borg - trasportar ta' ramel Lm 470 Remig Arapa - trasportar ta' ramel Lm 600 Brian Lia - trasportar ta' ramel Lm 415 Emanuel Cachia - trasportar ta' ramel Lm 15 TOTAL Lm34630 Fl-1998 l-ispiża ammontat għal Lm6494 u kient tinkludi materjal, xogħol, kiri ta' makkinarju u ETP.
Leg 9 PQ #112 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Manutenzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'manuntenzjoni ta' skejjel primarji u sekondarji bejn l-1987 u l-1996 u bejn l-1997 u Settembru 1998?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub jirrikjedi tiftix fi tnax il-Budget, it-tagħrif qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #113 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-assigurazzjoni tiegħu li kif sar fl-1997 u fl-1998, kull sajf se jibqa' jsir xogħol vast ta' manuntenzjoni fuq numru kbir ta' skejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Ix-xogħol ta' manutenzjoni fl-iskejjel ma jista' jieqaf qatt.
Leg 9 PQ #860 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Msida - Skola Sta. Marija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li tiġi kkonsidrata l-proposta li kienet diġa' tressqet mill-Ministeru lill-MUT dwar il-pjani biex l-Iskola Santa Marija, fl-Imsida ssir istituzzjoni edukattiva li tħarreġ liż-żgħażagħ b'diżabilita' bħala tħejjija għad-dinja tax-xogħol u għall-ħajja soċjali? Jekk il-proposta se titwarrab, hemm xi pjan alternattiv?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-proposta li kienet magħmula f'laqgħa tal-Istatementing Board qed tiġi valutata. Jidher li hemm kwartieri fis-sezzjoni ta' l-Edukazzjoni Speċjali li ma jaqblux mal-proposta oriġinali iżda li qed jipprospettaw soluzzjoni għat-"Transition Services" differenti mill-oriġinali.
Leg 9 PQ #861 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużew Marittimu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li l-Mużew Marittimu jitmexxa bi skema ta' sħubija bejn il-Gvern u s-settur privat kif isir f'pajjiżi Ewropej? Fiex wasal ix-xogħol li kien beda qabel f'din id-direzzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif intqal fid-Diskors tal-President fl-okkażjoni tal-Ftuh tal-Parlament, ser jiġu kkunsidrati strutturi operattivi ġodda għall-Mużewijiet fuq linji speċjalizzati u alternattivi għal dawk li jeżistu fi strutturi Governattivi.
Leg 9 PQ #862 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Raħal Ġdid — Ipoġew

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq l-Ipoġew? Meta se jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol fl-Ipoġew mistenni jitlesta fil-bidu tas-sena d-dieħla. It-tiġdid tas-servizzi ta' l-ilma u d-drenaġġ fi Triq Ħal Luqa, li fil-preżent huwa sospiż sabiex ma jtellifx ix-xogħol tal-ħwienet ma tul il-Milied, ser jitkompla fil-bidu ta' Jannar. Informat li b'hekk l-Ipoġew mistenni jkun f'qagħda li jerġa' jinfetaħ għall-viżitaturi f'April ta' l-1998.
Leg 9 PQ #863 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Primarji - Sillabus

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed jistenna l-Ministeru biex iqiegħed għall-bejgħ kopji tas-sillabu rivedut tal-klassijiet 4, 5 u 6 tal-primarja? Tista' ssir pubbliċita' qawwija li dawn il-kopji jinsabu għall-bejgħ biex il-ġenituri jkunu jistgħu jixtruhom? Meta se jkunu għall-bejgħ?

Response (GALEA, LOUIS)

Kopji tas-sillabu rivedut tal-klassijiet 4,5 u 6 tal-primarja se jkunu għall-bejgħ ma jdumux. Il-ġenituri se jkunu mgħarrfin b'kull pubblikazzjoni li tagħmel id-Diviżjoni.
Leg 9 PQ #864 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kurrikulu Nazzjonali ġdid

Question

Il-konsultazzjoni msemmija minnek fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 181 dwar il-Kurrikulu Nazzjonali ġdid ma' min saret? Kemm il-laqgħa ta' konsultazzjoni saret u min attenda għaliha? Min qed jagħmel l-analizi tal-feedback li daħal diġa' u li rriferejt għalih ukoll fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 181?

Response (GALEA, LOUIS)

S'issa nbdiet konsultazzjoni dwar: a) il-kapitlu 'Il-Kurrikulu u l-Ilsna Uffiċjali' u saret laqgħa li għaliha attendew għalliema, Education Officers, membri ta' l-Institute of Linguistics u tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni. b) is-settur privat u saret laqgħa għall-membri kollha tal-PSA c) il-kapitli 14 u 15 u saru diversi laqgħat ma'għalliema fuq bażi individwali jew bħala team fi skola, skond is-settur u s-suġġett li fihom l-għalliema jkollhom l-iżjed esperjenza. Ix-xogħol fuq dawn il-kapitli jsir l-aktar fqu dawn il-linji. S'issa x-xogħol fuq il-feedback sar mid-Dipartiment tal-Kurrikulu. Inġabar l-akbar numru possibbli tar-reazzjonijiet li kien hemm; dawn ġew iklassifikati skond it-tema li jittrattaw u saret l-ewwel identifikazzjoni ta' l-opinjonijiet differenti.
Leg 9 PQ #884 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edkazzjoni — Inkarigu lil-ex-deputat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li ex-deputat Nazzjonalista, li ismu qed jintbagħat separatament, ingħata xi inkarigu fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni? Jekk fl-affermattiv, x'inhu dan l-inkarigu u b'liema remunerazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Nru 173 (Seduta 6).
Leg 9 PQ #434 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati ħaddiema ġodda mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 mal-Pixxina Nazzjonali? Jista' jgħid fl-imsemmi post tax-xogħol, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr ma' ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi impjieg?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma ġew ingaġġati ebda ħaddiema fil-Pixxina Nazzjonali mis-6 ta' Settembru 'l hawn.
Leg 9 PQ #520 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Ġurnalista

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jagħti lista ta' kull coverage li kellu l-ġurnalista tal-PBS, li ismu qed jintbagħat separatament, tul il-kampanja elettorali ta' l-Elezzjoni Ġenerali ta' l-1998? Jista' l-Ministru jgħid kull coverage x'kien?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #521 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Ġurnalista

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jagħti lista ta' kull coverage li kellu l-cameraman tal-PBS, li ismu qed jintbagħat separatament, tul il-kampanja elettorali ta' l-Elezzjoni Ġenerali ta' l-1998? Jista' l-Ministru jgħid kull coverage x'kien?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #543 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Kuntratti

Question

B'riferenza għall-perjodu 10 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Ottubru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-perjodu 10 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Ottubru, 1998 għad-dikasteru li għalih jien responsabbli, ma saru ebda kuntratti ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order.
Leg 9 PQ #644 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Karozzi self-drive

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġie awarded il-kuntratt għall-karozzi self-drive mill-ministeru li jeskludi wkoll id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kuntratt għall-karozzi 'self-drive' ingħata b'effett mis-16 ta' Ottubru 1998, wara li ġew segwiti s-soliti proċeduri tat-Tenders tat-Tezor.