Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #23733 Sitting 495 2007-02-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Proġetti/korsijiet finanzjati mill-UE

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-proġetti, korsijiet, eċċ. li huma ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2004-2006 li għadhom ma tlestewx? X'sar s'issa fuq kull wieħed minnhom? X'jonqos isir? Meta għandhom jitlestew skond il-ftehim ta' finanzjament li sar ma' l-Unjoni Ewropea? Kemm kienet l-istima oriġinali fil-ftehim ta' finanzjament u x'se tkun l-ispiża finali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija skond it-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #23734 Sitting 495 2007-02-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Asfaltar ta' toroq

Question

Tista' l-Ministru tgħidli x'kuntratti ngħataw fl-2006 u din is-sena għall-asfaltar ta' toroq residenzjali? Min ħadhom u kemm hu l-valur ta' kull kuntratt? Meta għandha titlesta kull triq? Kien hemm xi varjazzjoni fil-prezz tal-kuntratt wara li beda x-xogħol? Jekk kien hemm, x'inhu l-valur il-ġdid? Xi ħlasijiet saru s'issa fuq kull triq?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher fl-iskeda li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. L-iskeda turi wkoll il-kumpaniji li offrew għal dan ix-xogħol u l-ammonti ta' l-offerti. Ix-xogħlijiet li għadhom ma sarux ser jitlestew aktar tard matul din is-sena.
Leg 10 PQ #23735 Sitting 495 2007-02-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Road Construction Ltd

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien il-valur tal-kuntratt u x'kienet l-ispiża finali ta' kull tender li ngħatat lir-Road Construction Ltd mill-1999 sal-lum?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li malli l-informazzjoni kollha tkun miġbura, din titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #23725 Sitting 494 2007-02-13 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Qasam tas-snajja' Ta' Dbieġi

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlementari 22316 dwar il-qasam tas-snajja' Ta' Dbieġi, tista' l-Ministru tgħid x'inhuma ż-żewġ affarijiet żgħar ħafna li kienu għadhom ma tlestewx? Tista' tgħidli jekk issa tlestewx?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li ż-żewġ affarijiet żgħar li kienu għadhom ma tlestewx kienu il-kaptelli ta' "man hole" u ftit "pavers" tal-bankina ta' barra, kif ukoll l-imblukkar ta' żewġ knaten fir-recint tal-Qasam tas-Snajja. Jiena nfurmata wkoll li dan ix-xogħol sar kollu kif ukoll tiswija ta' pilastru tar-recint li ntlaqat minn karozza fit-triq ta' quddiem.
Leg 10 PQ #23726 Sitting 494 2007-02-13 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Xiri ta' karozzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm xtara karozzi l-ministeru tagħha mill-2003 'il hawn? Ħarġu offerti għax-xiri tagħhom? Għal min inxtrat kull waħda minnhom? Kemm inxtrat? Mingħand min? X'kien il-valur normali tas-suq tagħha? Saret xi nefqa oħra fuqhom minn meta nxtraw? Jekk fl-affermattiv, għaliex saret in-nefqa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #23730 Sitting 494 2007-02-13 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xogħlijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23405 dwar tenders għal xogħlijiet f'Għawdex, tista' il-Ministru issa tagħtini t-tagħrif mitlub?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li malli l-informazzjoni kollha tkun inġabret, din titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #23304 Sitting 493 2007-02-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għal Għawdex

Taxxi/Tariffi/Miżati

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnha, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtha matul is-sena 2006? Tista' tindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ministeru tiegħi ma rriveda l-ebda taxxa jew tariffa.
Leg 10 PQ #23563 Sitting 493 2007-02-12 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Bordijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

M'hemmx bordijiet statutorji fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Leg 10 PQ #23718 Sitting 493 2007-02-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23390 dwar it-triq Mġarr, Xewkija, tista' l-Ministru tagħtini t-tagħrif mitlub?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob l-Onorevoli nterpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #23719 Sitting 493 2007-02-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Centru Komunali

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 21166 li saret fis-17 ta' Ottubru, 2006 dwar iċ-ċentru komunali, tista' l-Ministru tgħidli x'sar dwar dan il-proġett minn dakinhar 'l hawn? Minn min kienu qed isiru l-konsiderazzjonijiet dwar il-proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

In vista li dan l-aħħar ġie deċiż li ser jinbena kumpless fis-sit tal-iskola Ninu Cremona li ser ikun jinkludi car park u anke ser jipprovdi spazju biex jinbena Qorti ġdid, il-Ministeru għal Għawdex għamel rikonsiderazzjoni tal-proġett taċ-Ċentru komunali.
Leg 10 PQ #23720 Sitting 493 2007-02-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Triq San Lawrenz/Rabat

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22318 dwar proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea dwar il-proġett ta' titjib tat-Triq San Lawrenz/Rabat, tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-ispejjeż fuq xogħol relatat ma' din it-triq u fuq xogħlijiet relatati ma' servizzi rispettivament? Tista' tgħidli jekk dawn l-ispejjeż humiex inklużi fl-istima oriġinali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li sa issa x-xogħlijiet relatati mat-triq jammontaw għal Lm187,056 u dawk relatati mas-servizzi jammontaw għal Lm211,963 li parti minnhom kienu inklużi fl-istima oriġinali.
Leg 10 PQ #23721 Sitting 493 2007-02-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Incentivi għall-industrija

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23396 dwar inċentivi għall-industrija f'Għawdex, tista' l-Ministru tagħtini t-tagħrif mitlub?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari numru 23396, nirrereri lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija 22351 li tagħti l-informazzjoni mitluba. Dwar it-tieni parti jiena nfurmata li hemm sbatax il-talba pendenti għall-approvazzjoni tal-Malta Enterprise u li għadhom ma ġewx approvati minħabba li ikun qiegħed isir il-proċess ta' verifika li ħafna drabi jirrikjedi li jintalbu aktar kjarifiki mingħand l-applikanti.
Leg 10 PQ #23722 Sitting 493 2007-02-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Biċċerija

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta kien konkluż il-proċess ta' evalwazzjoni ta' l-aħħar offerta li kienet ħarġet għad-disinjar, provvista, istallazzjoni u kkummissjonar ta' tagħmir għas-slaughtering line tal-biċċerija f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-proċess ta' evalwazzjoni tal-offerta għad-disinjar, provvista, istallazzjoni u kkummissjonar ta' tagħmir għas-slaughtering line tal-biċċerija f'Għawdex ġie konkluż fil-25 ta' Mejju 2006 u li sussegwentament sar appell lill-Kumitat tal-Kuntratti u ġie deċiż li l-offerti kellhom joħorġu mill-ġdid.
Leg 10 PQ #23723 Sitting 493 2007-02-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Trattament tad-drenaġġ

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22758 dwar il-proġett għat-trattament tad-drenaġġ, tista' l-Ministru tgħid x'kienu r-raġunijiet għad-dewmien għat-tlestija ta' dan il-proġett? Meta huwa mistenni li jitlesta issa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li d-dewmien kien kaġunat minn: a. proċeduri ligali minħabba reżistenza kontra l-kortruzzjoni tal-impjant; b. tibdil fir-regolamenti tal-Kummissjoni Ewropea li wassal biex jiġi revedut id-dokument tat-tender meta dan kien diġa finalizzat; c. dewmien fl-għoti tal-permessi; d. perjodu ta' maltemp li tellef l-andament tax-xogħol fil-bidu tax-xogħolijiet. Jiena nfurmata wkoll li l-impjant huwa mistenni jitlesta f'Awissu 2007.
Leg 10 PQ #23632 Sitting 492 2007-02-07 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Rabat, Għawdex — Triq Għajn Qatet

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jsiru x-xogħlijiet ta' manutenzjoni ta' Triq Għajn Qatet, fir-Rabat, Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tal-31 ta' Jannar 2007 dwar manutenzjoni ta' Triq Għajn Qatet jiena nfurmata li kienet diġa saret manutenzjoni fit-triq imsemmija fit-23 ta' Jannar 2007.
Leg 10 PQ #23633 Sitting 492 2007-02-07 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministru għal Għawdex — Konsulenzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw konsulenzi mill-Ministru f'dawn l-aħħar ħames snin, lil min, dwar xiex u kemm tħallsu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #23259 Sitting 491 2007-02-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għal Għawdex

Kontijiet tat-telephone

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi matul l-2005 u l-2006? Min huma l-persuni li huma ntitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-ammonti ta' flus li tħallsu f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi matul l-2005 u l-2006 kienu Lm3136,95 u Lm3630,05 rispettivament. Ma narax li hija prudenza li nsemmi l-ismijiet fil-Parlament.
Leg 10 PQ #23285 Sitting 491 2007-02-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għal Għawdex

Karozzi uffiċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża għal manutenzjoni/repairs tal-karozza uffiċjali tagħha u tas-second car tagħha matul is-sena 2006?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-ispiża għal manutenzjoni/repairs matul l-2006 kienet ta' Lm37.98 u dan għall-karozza tiegħi biss peress li ma kienx hemm second car.
Leg 10 PQ #23528 Sitting 491 2007-02-06 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Librerija pubblika

Question

Tista' l-Ministru tara li l-librerija pubblika ta' Għawdex tiġi fornuta bil-faċilita' reader screen għal microfilms kif ukoll tara li fil-librerija jiġu provduti kopji ta' micro films ta' gazzetti li jinsabu fil-librerija Malta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

F’Ġunju 1998 ġew akkwistati żewġ microfilm readers mingħand l-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku, bil-ħsieb li aktar ‘il quddiem jiġu akkwistati kopji fuq microfilms ta’ materjal (inkluż gazzetti), li jinsab fil-Librerija Nazzjonali. Dan ma seħħx għaliex nstab li l-proċess ta’ microfilming tal-gazzetti jinvolvi tul ta’ żmien. Il-Librerija Nazzjonali, bir-riżorsi preżenti, qed jirnexxiela tlaħħaq biss mad-domanda tal-klijenti tagħha. Oltre dan, il-Librerija Nazzjonali qed taħdem sabiex fil-futur qarib, il-kopji tal-gazzetti jiġu pproċessati b’sistema diġitali.
Leg 10 PQ #23627 Sitting 491 2007-02-06 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ħaddiema Għawdxin mas-Servizz Pubbliku

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm impjegati mas-servizz pubbliku Għawdxin li kienu jaħdmu f'dipartimenti Malta ġew trasferiti lejn Għawdex bejn is-sena 1999 sal-lum, sena sena, separatament u f'liema dipartiment/uffiċini ġew posted f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija mogħtija hawn taħt: Sena 1999 30 2000 28 2001 30 2002 29 2003 44 2004 34 2005 32 2006 37 2007 sallum 2