Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm nies ġew ingaġġati fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998?
Jista' jagħti l-ismijiet tan-nies li ġew ingaġġati?
X'karigi ngħataw fil-Ministeru?
X'karigi kellhom qabel ma ġew ingaġġati?
Min minnhom kien jaħdem mal-Gvern u f'liema dipartiment kien jaħdem?
X'inhuma l-kwalifiki akkademiċi ta' dawn?
X'kondizzjonijiet ingħataw?
Jista' jpoġġi l-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Jista' jgħid x'karigi kull wieħed minnhom kellu fil-Partit Nazzjonalista?
Response (GALEA, LOUIS)
Ebda kuntratt jew ftehim għadu ma ġie ffirmat ma' individwi ingaġġati fil-Ministeru u nkun f'qagħda li nwieġeb għall-mistoqsijiet magħmula f'xi seduta oħra wara li dawn jiġu ngaġġati formalment.
Nirreferi ukoll lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru b'risposta għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru 81.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 fil-Pixxina Nazzjonali?
Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mis-6 ta' Settembru 'l hawn ma saru ebda trasferimenti fil-Pixxina Nazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 fid-Dipartiment tal-Mużewijiet?
Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol fuq imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mis-6 ta' Settembru sat-28 t'Ottubru, 1998, ingħataw żewġ (2) trasferimenti, wieħed mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet għad-Dipartiment tal-Mużewijiet, filwaqt li l-ieħor mid-Dipartiment tal-Mużewijiet għall-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.
Ir-raġunijiet li għalihom ingħataw dawn it-trasferimenti huma dawn:
Fl-ewwel każ, ingħata t-trasferiment uffiċjali lejn id-Dipartiment tal-Mużewijiet wara li l-impjegat kien ilu "on loan" ma' l-istess Dipartiment mill-14 ta' Marzu 1997.
Fit-tieni każ, ingħata t-trasferiment lura lejn il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni wara li l-impjegat dam mad-Dipartiment tal-Mużewijiet mill-4 ta' Settembru 1998, jiġifieri dam inqas minn xagħrejn ma' dan id-Dipartiment, u reġa' mar lura fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, fejn kien impjegat qabel.
Fil-futur qarib hemm maħsub trasferiment ta' impjegat mid-Dipartiment tal-Mużewijiet għall-Ministeru tat-Turiżmu.
Mindu nħatar sal-lum, jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' il-Working Group li qed jeżamina l-bżonnijiet ta' support staff fl-iskejjel ta' l-istat?
Liema tipi ta' support staff qed jiġu kkonsidrati għall-iskejjel?
X'inhu l-brief tal-Working Group?
Lil min qed jikkonsulta l-Working Group fix-xogħol tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
1. Il-Working Group iltaqa' għall-ewwel darba nhar l-Erbgħa 28 ta' Ottubru, hekk kif twaqqaf uffiċjalment. Waqt din il-laqgħa tfassal pjan ta' azzjoni biex tinġabar l-informazzjoni meħtieġa dwar is-sitwazzjoni eżistenti ta' support staff fl-iskejjel ta' l-istat. Bħala riżultat, qed isir xogħol meħtieġ biex l-informazzjoni tinġabar mill-aktar fis possibbli.
2. Is-support staff li qed jiġu kkunsidrati huma primarjament support staff klerikali u minor staff. Il-Working Group iħoss li ma jistax jidħol f'diskussjoni dwar support staff professjonali li dwaru hemm ftehim bejn il-Gvern u l-Unions konċernati. Fl-istess ħin, il-Working Group se jivvaluta r-reazzjonijiet ta' l-amministraturi ta' l-iskejjel dwar bżonnijiet partikulari li huma jħossu li għandhom.
3. Il-brief tal-Working Group hu dan:
i. To carry out a situation analysis of the present state of
support staff on a school by school basis;
ii To make recommendations into the appropriate complementing
for adequate support staff on a school by school basis;
iii To explore alternative systems of engagement of support staff
or provision of support staff services through outsourcing
(including the relevant costing of each proposition).
4. Il-Working Group jinkludi rappreżentanta mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, li hi Kap ta' Skola Post-Sekondarja, rappreżentanta mill-Malta Union of Teachers, li hi Kap ta' Skola Sekondarja, u rappreżentant mill-Management and Personnel Office, u fih hemm ukoll Kap ta' Skola Primarja u Kap ta' Skola tas-Snajja. Barra minn dan, il-Working Group qed jikkonsulta ma' l-amministraturi ta' l-iskejjel u mat-taqsimiet konċernati tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex se jżomm il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni? Jekk iva, lil min se jaħtar fuqha? Jekk le, se jwaqqaf xi struttura simili?
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-istħarriġ mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' dwar ix-xogħol u s-sehem ta' l-iStatementing Board biex jeżamina tfal bi bżonnijiet speċjali?
Jaf il-Ministru li Peripathetic Teacher li suppost tattendi tlett darbiet fil-ġimgħa biex tagħti servizz fl-Iskola ta' l-Isla lil tfal bi bżonnijiet speċjali, qed tattendi darba fil-ġimgħa biss u mhux kif weġibni f'mistoqsija parlamentari numru 204?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mogħti fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentri Numru 204 jirriżulta korrett u mhux kif sostniet l-Onor. Membru. Hu biss f'din il-Mistoqsija li l-Onor. Membru qed tispeċifika li qed tirreferi għal każijiet ta' "tfal bi bżonnijiet speċjali".
Jidher li din il-mistoqsija tirreferi għas-servizz peripatetiku għal studenti neqsin mis-smiegħ.
Informat li sas-sena l-oħra dan is-servizz kien jingħata darbtejn fil-ġimgħa u skond il-ħtieġa tal-każ.
Minħabba nuqqas ta' staff fis-servizz, bħalissa qed tingħata lezzjoni flok tnejn fil-ġimgħa.
Sa dan it-tant qed jittieħdu passi sabiex intejbu s-servizz kif ukoll beda Kors fl-Universita' sabiex inħejju għalliema kwalifikati għal dan is-servizz speċjalizzat.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni jekk hemmx ħsieb li l-iskola primarja ta' l-Isla tkun ri-allokata jew sarux xi diskussjonijiet mal-Malta Drydocks bil-għan li l-istudenti ma jibqgħux jiġu effetwati mill-grit blasting, issa li l-Baċir Nru. 3 reġa' beda jintuża?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Malta Drydocks qed tintalab biex, kemm jista' jkun, ma jsirx grit blasting fil-ħinijiet ta' l-iskola fil-baċir numru 3, issa li qed jerġa' jiġi attivat. L-Onor. Interpellant japprezza li mhux faċli tirrialloka l-iskola primarja ta' madwar 340 tifel u tifla biex tevita l-inkonvenjent u fl-istess ħin tħalli lit-tfal qrib l-Isla.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il-darba hemmx il-ħsieb fil-futur viċin li l-Palazzo de la Salle fejn hemm l-Malta Society of Arts, Manufacturers and Commerce l-Belt jiġix restawrat jew almenu rranġat b'mod li jkun f'pożizzjoni aħjar li jilqa' fih espożizzjonijiet ta' l-arti u konsegwentement iktar turisti?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt li s-suġġeriment kostruttiv ta' l-Onor. Membru jiġi evalwat għall-eventwali konsiderazzjoni tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid min hu jew huma l-persuni li se jagħmlu l-istudji u analiżi dwar il-bini ta' 3 kumplessi sportivi li l-gvern qal li se jibni fi tliet reġjuni ta' Malta? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn jiġu ffinanzjati anke mis-settur privat?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser jitwaqqaf kumitat li ser jagħmel analiżi tal-faċilitajiet sportivi eżistenti sabiex ikunu identifikati l-ħtiġijiet fid-diversi dixxiplini sportivi. Il-Gvern lest jikkonsidra l-proposti li jsirulu.
Jista' l-Ministru jgħid kif titmexxa u minn min il-korsa taż-żwiemel f'Għawdex? B'riferenza għad-dejn li għandha l-korsa tal-Marsa, xi pjanijiet għandu l-kumitat il-ġdid sabiex jitħallas dan id-dejn jew parti minnu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. Interpellan huwa mitlub jagħmel l-ewwel parti tal-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Dwar it-tieni parti informat li l-problema tad-dejn tal-Marsa Racing Club kibret tant li l-Kumitat sab ruħu f'pożizzjoni fejn ma jistax jagħmel programm dwar kif jistgħu jsiru ħlasijiet tal-pagamenti lill-kredituri tiegħu. Madankollu, il-Kumitat se jimpenja ruħu biex jara li jkun hemm żieda fid-dħul u jikkontrolla l-infieq biex, barra li jagħmel tajjeb għat-telf li sofra l-Club is-sena l-oħra, ikun jista' jħallas lura parti mid-dejn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm skejjel primarji u sekondarji lokali li ħadu sehem fil-programm Comenius? ta' l-Unjoni Ewropea, sena b'sena, minn mindu Malta bdiet tieħu sehem f'dan il-programm?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti Maltin li ħadu sehem fil-programm Leonardo ta' l-Unjoni Ewropea, sena b'sena, minn mindu Malta bdiet tieħu sehem f'dan il-programm?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li x-xogħol meħtieġ għall-parteċipazzjoni f'dan il-programm safa' fix-xejn bl-iffriżar ta' l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-UE, ma jirriżultalix li Malta kellha sehem kif jipprovdi l-istess programm.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba kienu intervistati fil-bullettini ta' l-aħbarijiet tat-8.00 p.m. tal-Public Broadcasting Services mill-5 ta' Settembru sal-lum: (a) il-Prim Ministru u kull ministru; u (b) il-Kap ta' l-Oppożizzjoni u kull membru tal-Grupp Parlamentari Laburista?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta oħra.
Jaħseb il-Ministru li inizjattiva li tittieħed ta' kull sena fl-iskola sekondarja taż-Żejtun, fejn għadd ta' għaliema studenti jorganizzaw pantomine flimkien hi inizjattiva tajba ħafna li għandha tiġi nkoraġġita?
F'dan il-kontest, jaħseb il-Ministru li inizjattivi bħal dawn għandhom isibu kull appoġġ u għajnuna mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni anke billi jingħataw xi forma ta' għajnuna, possibilment anke għajnuna finanzjarja?
Response (GALEA, LOUIS)
L-inizjattiva msemmija hija waħda li għandha tiġi inkoraġġita.
Il-Ministeru u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dejjem taw l-appoġġ tagħhom għal inizjattivi bħal dawn billi fejn jiġi mitlub u safejn hu possibbli tingħata għajnuna teknika u artistika.
Fejn jidħlu finanzi, illum l-iskejjel jimmaniġjaw il-voti finanzjarji tagħhom u għalhekk għandhom miżura ta' spazju fejn jiddeċiedu huma kif jallokaw il-finanzi meħtieġa.
Informat li fil-każ partikulari tal-Junior Lyceum Carlo Diacono, Żejtun, l-attivita' ssir bil-flus li tiġġenera l-istess attivita', u meta meħtieġ bl-għajnuna tal-fondi tal-Kunsill Skolastiku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dikasteru tiegħu li mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn ġew trasferiti: i) minn dipartiment għal ieħor fl-istess Ministeru; ii) minn dipartimenti f'Ministeru għal xi post ieħor li jaqgħu taħt Ministeri oħrajn? Jista', f'kull każ, il-Ministru jgħid minn fejn u għal fejn saru dawn it-trasferimenti u għal liema raġunijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu finalizzati d-dettalji dwar l-arranġamenti li saru biex tiġi riżolta l-kwestjoni tad-drittijiet għall-pensjoni ta' dawk li kienu jgħallmu mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qabel Jannar 1979 u issa huma impjegati ta' l-Universita' jgħallmu l-Junior College? X'arranġamenti saru biex din il-kwestjoni ġiet riżolta?
Response (GALEA, LOUIS)
Malli jkolli xi ħaġa ġdida xi nżid mat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Numru 180 ninforma lill-Kamra.