Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti Maltin li ħadu sehem fil-programm Leonardo ta' l-Unjoni Ewropea, sena b'sena, minn mindu Malta applikat fl-1990 għal sħubija sħiħa sa l-1996?
Response (GALEA, LOUIS)
M'għandix x'inżid mat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija numru 1325.
Istitut ta' l-Agrikoltura — Korsijiet speċjalizzati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' studenti li fil-mument qed jattendu għall-korsijiet speċjalizzati fl-oqsma tal-biedja fl-Istitut ta' l-Agrikoltura ta' l-Universita' ta' Malta?
Liema huma dawk il-pajjiżi Ewropej u mediterranji li l-istitut għandu assoċjazzjoni magħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li qed jattendu korsijiet fl-oqsma tal-biedja fl-Istitut ta' l-Agrikultura fl-Universita' ta' Malta, laħħaq għal 43. Din il-figura ma tinkludix studenti Universitarji minn dipartimenti oħra illi jattendu għal xi lectures speċjalizzati mill-iStaff ta' l-Istitut ta' l-Agrikultura.
Rigward it-tieni parti tad-domanda, informat illi l-Istitut ta' l-Agrikultura għandu assoċjazzjoni mal-Fakulta' ta' l-Agrikultura ta' l-Univerista' ta' Udine fl-Italja, ma' l-Universita' ta' Leeds fil-Gran Brittanja; l-Istitut huwa wkoll membru ta' l-Assoċiation of Agricultural Research Institutions in the near East & North Africa.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jinvesti aktar fl-istitut ta' l-agrikoltura fl-Universita' ta' Malta sabiex jisfrutta aħjar flimkien mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura l-iżviluppi xjentifiċi tant meħtieġa fil-qasam tal-biedja lokali?
Response (GALEA, LOUIS)
Da żgur li l-Ministru jkun jixtieq jinvesti iżjed fl-Istitut ta' l-Agrikolutra. Eventwalment jiġi kunsidrat li l-Ministru ta' l-Edukazzjoni, il-Ministru ta' l-Agrikoltura u l-Universita' jfasslu pjan flimkien biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi li għandu l-pajjiż.
Jista' l-Ministru jgħid bejn l-1 ta' Novembru 1996 u l-aħħar ta' Awissu 1998 kemm saru ilmenti lill-Awtorita' tax-Xandir dwar il-PBS mill-Partit Nazzjonalista? F'kemm-il wieħed il-Partit Nazzjonalista ngħata raġun?
Fl-istess perjodi kemm saru ilmenti lill-Awtorita' tax-Xandir dwar il-PBS mill-Partit Laburista? F'kemm-il wieħed il-Partit Laburista ngħata raġun?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-perjodu bejn l-1 ta' Novembru 1996 u l-aħħar ta' Awissu 1998, l-Awtorita' tax-Xandir trattat 54 ilment dwar il-PBS. Il-Partit Nazzjonalista kellu 44 ilment, u l-Awtorita' sabet li 20 minnhom kienu ġustifikati, tnejn parzjalment.
Fl-istess perjodu, il-Partit Laburista kellu 10 ilmenti li minnhom tnejn kienu ġustifikati, wieħed parzjalment.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra f'liema pożizzjoni jinsab ir-restawr tal-proġett ta' Bighi ġewwa l-Kalkara li kien inbeda minn Gvern Nazzjonalista?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-restawr tal-proġett ta' Bighi ġewwa l-Kalkara bħalissa qed jiffoka fuq il-Palazz Ċentrali fejn hu maħsub illi jitwaqqaf Ċentru Nazzjonali tar-Restawr. Ix-xogħol f'dan il-Palazz qiegħed fi stadju avvanzat ħafna. Bini ieħor fi ħdan l-istess kumpless ser ikun restawrat fil-futur wara li jiġu kkunsidrati proposti relatati.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra f'liema pożizzjoni ta' restawr jinsab l-Auberge de France ġewwa l-Birgu? Hemm il-ħsieb li dan il-post jinfetaħ għal pubbliku?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat illi sar xogħol ta' prijorita' li kien jikkonsisti f'tindif tal-Bini, tibdil ta' travi li kienu jinsabu f'qagħda perikoluża, xogħol tar-restawr tal-ġebla, kisi ta' soqfa u xogħol strutturali ieħor. Ix-xogħol sar mill-Cottonera Rehabilitation Project. Għadhom qed jiġu kkunsidrati proposti għal użu aħjar ta' dan il-Bini.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm kotba għal użu u self tal-pubbliku ġewwa l-Auberge d'Angleterre ġewwa l-Birgu u kemm kotba ingħataw lil din il-librerija pubblika fl-1997 u s'issa, 1998?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-bidu tal-1997, in-numru ta' kotba fil-Librerija tal-Birgu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kien jammonta għal 3,130. Matul is-sena msemmija ġew miżjuda 231 biex l-ammont tela' għal 3,361. S'issa sa l-aħħar ta' Ottubru 1998 ġew miżjuda 237 ktieb biex l-ammont totali s'issa jaqra 3,598.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Spanjola li nxtraw tul dawn l-aħħar ħames snin għal-libreriji pubbliċi u jekk kemm-il-darba kienx bord ad hoc li ħa d-deċiżjoni liema kotba partikolari jinxtraw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul dawn l-aħħar ħames snin inxtraw 205 ktieb bil-lingwa Spanjola. Il-Kotba nxtraw fuq pariri ta' kumitat imwaqqaf apposta dwar is-selezzjoni u x-xiri tal-kotba.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il-darba jikkonsidrax li ġewwa l-Auberge d'Angleterre ġewwa l-Birgu jkun hemm espożizzjonijiet kontinwi ta' artisti tal-lokal mill-ħafna talent li hemm u Maltin sabiex dan iservi ta' attrazzjoni oħra għat-turisti li jiġu?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva ser nilqa' s-suġġeriment ta' l-Onor. Membru u nikkonsidrah fil-kwadru tal-pjan li ser jitħejja biex il-kultura u l-wirt tal-poplu jieħdu sura aktar ħajja fil-lokalitajiet bħal dawk li semma' fil-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tat-tfassil ta' School Development Plan (1) fl-iskejjel primarji; (2) fl-iskejjel junior lyceums; (3) fl-iskejjel sekondarji; (4) fit-trade schools; (5) fl-iskejjel speċjali; (6) fl-iskejjel post-sekondarji? F'kull każ, liema skejjel fasslu l-pjan ta' żvilupp tagħhom? Liema le?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mija u ħdax-il skola primarja, sekondarja u tas-snajja fasslu l-iSchool Development Plan.
Tlettax-il skola għadhom fil-proċess li jippreżentaw l-iSchool Development Plan. Dawn huma:
Skola Primarja B'Kara A
S. Gwann A
Mosta A
Kalkara
Vittoriosa
Marsa A
Żebbuġ B
Qrendi
Qormi (SG) B
Qormi (SG) A
Skola tas-Snajja Stefano Żerafa - Naxxar
Abram Gatt - Bighi
Danny Cremona - Qormi
It-taħriġ biex isir id-Development Plan beda fis-settur primarju u sekondarju bill-ħsieb li jiġi estiż aktar il-quddiem fis-settur post sekondarju.
L-Iskejjel Speċjali kollha mexjin bil-proċess tat-tfassil ta' l-iSchool Development Plan. Il-proċess waqa' lura minħabba li l-Assistent Direttur responsabbli mill-Iskejjel Speċjali għamel xi żmien indispost u hemm ukoll żewġ Skejjel Speċjali mingħajr Kap ta' l-iskola. (Santa Marija Day School u San Miguel Special School).
L-iSchool Development Plan ta' l-Iskola Speċjali tas-Sannat, Għawdex ġie inkorporat ma' l-Iskola tal-Primarja tas-Sannat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li wasslu biex kważi jieqaf għal kollox ix-xogħol li kien qed isir fuq l-iskola primarja tal-Mellieħa? Jista' jiġi żgurat li l-pilastri tal-bricks li twaħħlu biex magħhom jeħel il-ħadid tal-boundary wall huma b'saħħithom biżżejjed? Meta se jitwaħħal il-ħġieġ fl-arkati tal-pjan terran?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-ebda stadju ma waqaf ix-xogħol fuq l-iskola primarja tal-Mellieħa u li l-pilastri tal-bricks li nbnew biex magħhom jeħel il-ħadid tal-boundary wall huma b'saħħithom biżżejjed peress li huma rinfurzati bil-ħadid minn ġewwa u mimlijin bil-konkos. Ġejt mitlub nitlob lill-Onor. Membru jispeċifika għal liema arkati qiegħed jirreferi fil-pjan terran.
Jista'l-Ministru jgħid kemm hemm għassiesa assenjati bil-lejl mas-siti arkeoloġiċi u storiċi ta' Malta u Għawdex? X'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li dawn ikunu xogħol u jkunu mas-siti meta suppost ikunu hemm?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li b'kollox hemm erbgħa u erbgħin (44) għassiesa assenjati bil-lejl mas-siti arkeoloġiċi u storiċi ta' Malta u Għawdex.
Fil-każ ta' Għawdex, dawn l-ispezzjonijiet qed jieħdu ħsiebhom spetturi fl-Internal Audit tal-Ministeru għal Għawdex. Għal Malta l-ispezzjonijiet jieħdu ħsiebhom l-uffiċċjali responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett li beda s-sena li għaddiet fl-Iskola Maria Assunta b'kollaborazzjoni mal-SWDP u b'kordinazzjoni mal-kap ta'l-iskola u ma' Dr Chris Bezzina? Se jkompli dan il-proġett matul is-sena skolastika 1998-99?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-proġett li beda s-sena li għaddiet għadu sejjer.
a. Is-sena l-oħra numru ta' studenti tal-Form IV u tal-Form III
kellhom laqgħat darba fil-ġimgħa ma' żewġ Social Workers mill-
SWDP dwar ħiliet meħtieġa għall-imġieba aħjar.
i.e. relaxation skills
behavioural skills.
b. Matul il-vaganzi tas-sajf dawn l-istudenti ġew mistiedna
jattendu laqgħat simili fiċ-ċentru ta' SWDP.
c. Filwaqt li ma baqgħetx tinħass il-ħtieġa għal aktar laqgħat
ma' l-istudenti li issa qegħdin fil-Ħames sena, minħabba
li sar progress fl-imġieba tagħhom, qegħdin jitkomplew il-
laqgħat għall-istudenti li mit-Tielet klassi issa telgħu
fir-Raba' klassi. Diġa' deher progress fl-imġieba ta' dawn l-istudenti.
Din is-sena minbarra t-tfal tar-Raba' klassi qegħdin isiru laqgħat għall-istudenti tat-Tieni u t-Tielet klassi ukoll. B'inizjattiva tal-Kunsill skolastiku u b'kollaborazzjoni ma' l-SWDP ser isiru laqgħat għall-ġenituri fuq bażi regolari.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 644, jista' l-Ministru jgħid min kienu dawk il-kumpanniji/individwi li applikaw għas-sejħa ta' kiri ta' karozzi self-drive, x'kienet ir-rata proposta minn kull applikant u min rebaħ din l-offerta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kumpaniji/individwi kienu mistiedna japplikaw għal tlett kategoriji ta' vetturi tal-kiri permezz ta' sejħa li ġiet pubblikata u proċessat qabel il-5 ta' Settembru, 1998. Dawn kienu kategorija A: vetturi minn 1000cc sa 1500cc, kategoria B: vetturi minn 1501cc sa 1800cc, u kategorija C: vetturi minn 2000cc sa 2400cc.
Lista tal-kumpaniji/individwi li applikaw bir-rati kuljum proposti minnhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-offerta f'kategorija A intrebħet mill-kumpanija Autorentals, l-offerta f'kategorija B intrebħet minn Swift Rent a Car Ltd u dik f'kategorija C intrebħet mill-kumpanija Butterfly Garage.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li l-Unjoni Ewropea tagħti flus lil kull student universitarju Malti u Għawdxi li jieħu sehem fil-programm Socrates ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għal Mistoqsija 707 u nżid li meta d-diskussjonijiet ikunu konklużi niddeċiedu kif ser ikunu applikabbli għal Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw/ingħataw kotba bl-Ingliż għal-librerija pubblika ta' Beltissebħ fl-1996, fl-1997 u din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont ta' kotba bl-Ingliż li nxtraw/ingħataw fis-snin 1996, 1997 u 1998 (sa Ottubru) kien hekk:
Sena Ammont
1996 9,871
1997 9,903
1998 5,901
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti universitarji Maltin li ħadu sehem fil-programm Socrates ta' l-Unjoni Ewropea, sena b'sena, minn mindu Malta bdiet tieħu sehem f'dan il-programam?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri: 11152, 12080 u 12430 li ingħataw fil-Leġislatura preċedenti kif ukoll għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari numru 1144 li tajt ftit ilu.
Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex l-istudenti fl-iskola Carlo Diacono fiż-Żejtun ġew kostretti jixtru ktieb bl-ingliż u jħallsu Lm3 anke jekk il-prezz kien immarkat anqas? Min awtorizza li dan isir? Dan jista'jagħti lok għall-abbuż minħabba li jista' jsir xi qligħ ta' flus u dan a skapitu tat-tfal. Id-dipartiment ta' l-edukazzjoni kien infurmat b'dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti fl-Iskola Carlo Diacono, Junior Lyceum taż-Żejtun ma ġew kostretti jixtru ebda ktieb ta' l-Ingliż.
Probabilment l-Onor. Membru qed jirreferi għall-inizjattiva li ħadu xi għalliema ta' l-Ingliż, biex skond id-Development Plan ta' l-iskola jsaħħu t-tagħlim ta' din il-lingwa. Dawn l-għalliema għamlu proġett li permezz tiegħu l-istudenti ngħataw il-possibilita' - u mhux ġew obbligati - li fi tmiem is-sena jixtru bil-prezz ta' Lm3 wieħed mill-25 ktieb li nxtraw biex jinqraw matul is-sena. Il-Prezz ta' dawn il-kotba jvarja minn Lm2.75 għall-Lm4.35 (7 jiswew inqas minn L3 u 18 aktar minn Lm3) u għalhekk ġie deċiż li dawk li jixtru l-kotba jħallsu ftit anqas mill-media - jiġifieri Lm3. Fil-fatt dan mhu se jħalli ebda qliegħ.
Bis-sistema ta' devolviment ta' l-awtorita' lill-iskejjel, ma hemm ebda ħtieġa li d-Dipartiment joqgħod jiġi nfurmat jew mitlub li jgħati awtorizzazzjoni fi proġetti bħal dawn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk awtorizzax lil xi deputati Nazzjonalisti sabiex lejn l-aħħar ġimgħa ta' Ottubru jew f'xi ġranet oħra, marru f'xi skola u anke daħlu fl-uffiċċju tal-headmistress u raw xi files kif ukoll ċemplu mill-istess uffiċċju? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni? X'kien l-iskop li sar dan? Jista' l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija b'riferenza partikolari għall-iskola Primarja "A" taż-Żejtun?
Response (GALEA, LOUIS)
Għandi informazzjoni mill-Kap ta' l-iskola Żejtun A li Onor. Mario Galea mar darba f'din l-iskola wara li kellu xi kuntatti mil-ġenituri dwar nuqqas ta' caretakers. Waqt li kien l-iskola s-Sur Galea ma rax files, iżda ċempel lid-Dipartiment dwar l-istess problema.