Jista' l-Ministru jgħid x'passi hemm maħsuba li jittieħdu fl-iskola primarja tal-Gżira biex isiru klassijiet iċken b'inqas tfal biex jiġu megħjuna tfal li għandhom diffikultajiet u żvantaġġi biex jitgħallmu?
X'għajnuna qed jingħataw il-kap u l-għalliema ta' l-iskola primarja tal-Gżira biex ikunu jistgħu jilħqu t-tfal kollha f'din l-iskola, anki dawk bi ftit dispożizzjonijiet għat-tagħlim?
Response (GALEA, LOUIS)
Normalment s'issa l-popolazzjoni fil-klassijiet ta' l-iskejjel primarji hi ta' 30 tifel u/jew tifla.
Il-popolazzjoni fil-klassijiet ta' l-iskola primarja tal-Gżira hija hekk:
Yr. 1 (1): 24 Yr. 1 (2): 22
Yr. 2 (1): 17 Yr. 2 (2): 15
Yr. 3 (1): 22 Yr. 3 (2): 23
Yr. 4 (1): 22 Yr. 4 (2): 21
Yr. 5 (A): 23 Yr. 5 (B): 21
Yr. 6 (A): 25 Yr. 6 (B): 21
Għalhekk in-numri huma raġjonevoli biex jintlaħqu it-tfal kollha, inklużi dwak bi bżonnijiet speċjali.
Meta tifel/tifla bi bżonnijiet speċjali ma jattendix/tattendix l-iskola, il-facilitator li tieħu ħsiebu/a tgħin it-tfal batuti.
Din is-sena l-għalliem tal-Complimentary Education qed imur din l-iskola tlett darbiet fil-ġimgħa. Darba minnhom qed jieħu ħsieb tfal li għandhom bżonn l-għajnuna.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi jittieħdu fuq is-sit tal-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli biex jiġi żgurat li x-xogħol li għaddej ma jħarbatx il-ħajja ta' l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Fuq is-sit tal-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli qed isir xogħol strutturali fuq il-parti tan-nofs ta' l-iskola skond il-pjan imħejji għall-proġett. L-istess pjan jipprovdi biex ix-xogħol isir mingħajr tfixkil fit-tagħlim. S'issa ma jirriżultalix ilmenti dwar tħarbit fil-ħajja ta' l-iskola. Fil-każ nieħu l-passi oportuni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm u liema huma l-institutes li twaqqfu u qegħdin joperaw taħt il-kappa ta' l-Universita' ta' Malta? Kemm hemm studenti u gradwati li qed jagħmlu riċerka jew qed jistudjaw f'dawn l-institutes din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna nkarigata tieħu l-passi sabiex tiġi emendata t-time-table tal-Matsec Examinations fil-każ tas-suġġett ta' l-English Literature u dan peress li se jikklaxxja ma' żewġ suġġetti importanti li huma l-Fiżika u l-Matematika ta' London University?
Il-Ministru qed jara li jekk ma jsirux l-emendi neċessarji f'din it-time-table tinħoloq tensjoni, ansjeta' u ċertu paniku fost l-istudenti li f'ċertu suġġetti bħall-Fiżika u l-Matematika jkunu bilfors iridu iktar minn ċans wieħed għad-dħul fis-Sixth Form/Junior College? Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi peress li jekk ma jsir xejn jidher li dan huwa forma oħra ta' numerus clausus?
Response (GALEA, LOUIS)
Billi l-eżamijiet tal-Matsec u dawk ta' Bordijiet oħra jsiru fl-istess żminijiet, hija diffiċli ferm li ebda eżami ta' Bord ma jaħbat ma xi eżami ta' xi Bord ieħor (mhux biss ta' Londra). Din hi problema li tinqala' kull sena u li għaliha m'hemmx soluzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jaqbilx ma' dak li qal il-Kunsill Studenti Universitarji, fis-sens li l-istudenti universitarji ħassewhom sgwidati u ingannati bil-kliem Stipendji Sħaħ fil-programm elettorali Nazzjonalista li llum huwa l-programm tal-Gvern?
Dipartiment tal-Libreriji u Arkivju — Trasferimenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 mad-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fit-8 ta' Ottubru 1998 Tradesman inġieb jaħdem fid-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji mill-"Law Courts Department". Dan sar mill-"Management and Personnel Office" fuq talba ta' l-istess impjegat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 mal-Public Broadcasting Services? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li fil-Public Broadcasting Services kien hemm trasferiment wieħed minn taqsima għal oħra fi ħdan il-kumpanija fuq talba ta' l-istess persuna minħabba raġunijiet mediċi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dekasteru tiegħu (i) każwali u (ii) bil-kuntratt u għal-liema pożizzjonijiet f'kull każ?
Jista' jgħid kemm minn dawn ġie mitmum l-impieg/ingaġġ tagħhom jew għalqilhom it-terminu u ma ġġeddidx, inkluż dawk fuq bordijiet governattivi, parastatali jew ta' kull xejra oħra, mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn?
Fil-każijiet kollha separatament jista' l-Ministru jgħid kemm ġie mħallas kumpens fejn applikabbli lil dawk fuq imsemmijin li ma bqgħux ingaġġati mill-Gvern preżenti?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid: (1) kemm studenti attendew l-Iskola Ġirolmu Cassar tul dawn l-aħħar ħames snin, i.e. 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998; (2) huwiex minnu li l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, li mexxa din l-iskola u li kien ħa ħsieb ir-restawr ta' ħafna proġetti fosthom dawk tal-palazzi tax-Xatt tal-Birgu spiċċa mibgħut taħt l-aħħar amministrazzjoni fuq l-hekk imsejħa "School Maintenance"? (3) Kemm hemm studenti li spiċċaw minn dik l-iskola u għalhekk kapaċi jagħmlu xogħol ta' restawr ta' tant bini storiku tagħna li ntbagħtu jfittxu xogħol mal-privat b'telf ta' talenti għall-gvern?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti li attendew l-iskola tal-Bini Girolmu Cassar tul dawn l-aħħar ħames snin kienu:-
Sekondarja Post Sekondarja
1994/95 91 u 57 ESTS 12
1995/96 86 u 27 ESTS 3
1996/97 76 u 25 ESTS Xejn
1997/98 92 u 7 ESTS 1
1998/99 82 u 1 ESTS Xejn
Hu minnu li l-persuna msemmija ġiet ordnata tagħmel xogħol ta' "school maintenance", iżda informat li ma ġiex mibgħut mas-sezzjoni tal-"Maintenance". Ser insegwi din il-kwestjoni:
Mill-1993 sa din is-sena spiċċaw tletin (30) student li kienu jikkonsistu f'sitt (6) "stone-carvers" u l-kumplament f'bennejja u f'naġġara. Minn dawn it-tletin (30) studenti, terz minnhom tħarrġu fix-xogħol tar-restawr. Tinħtieġ riċerka persuna persuna biex isir magħruf fejn qed jaħdmu dawk imħarrġa fir-restawr.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 707 u għat-tweġiba tagħha jista' l-Ministru jgħidli min qed jieħu sehem fid-diskussjonijiet dwar parteċipazzjoni Maltija fi programmi edukattivi ta' l-Unjoni Ewropea? Kemm huwa stmat li se jdumu dawn id-diskussjonijiet? Kemm saru laqgħat s'issa? Meta se jkunu finalizzati? Kemm huwa stmat li se jkun hemm fondi mill-Unjoni Ewropea għall-parteċipazzjoni Maltija f'dawn il-programmi?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mar-risposta għal Mistoqsija Parlamentari Numru 707.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex studenti li jattendu l-iskola sekondarja tas-subien fil-Gżira qed jitħallew l-art u l-karozza ma teħodhomx lejn id-dar San Ġiljan wara li joħorġu mill-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kienu jeżistu xi problemi dwar ir-Rotta mill-iskola tas-subien tas-Sekondarja fil-Gżira lejn San Ġiljan fl-ewwel ġranet ta' din is-sena skolastika billi x-xufier kien jittardja ma jmur għat-tfal wara li joħorġu mill-iskola. Wara xi rapporti lill-garage konċernat is-sitwazzjoni ġiet għan-normal u ma jirriżultax li hemm problemi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx tħejja dokument dwar xi proċeduri għandhom jittieħdu fl-iskejjel tagħna meta l-għalliema jintebħu li t-tifel/tifla qed jiġi/tiġi abbużat/a?
Kulma kien jonqos hu li d-dokument jidħol fis-seħħ.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jidħol fis-seħħ dan id-dokument? U jekk mhux se jidħol fis-seħħ, x'se jsir minfloku?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li dan id-dokument kien għadu qatt ma ġie diskuss mid-Dipartiment u Aġenzija li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien tat-tfal, tajt struzzjonijiet ġimgħatejn ilu biex id-dokument jiġi konsidrat minn organizazzjonijiet oħra involuti minħabba li waħda mill-esiġenzi f'dan il-kamp hi li jkun hemm koordinament. It-twettiq tal-policy jirrikjedi proċess ta' tħejjija.
Jista' l-Ministru jgħid xi screening sistematiku qed isir biex jiġi żgurat li kull min jintbagħat jaħdem fi skola u jkun f'kuntatt mat-tfal ma' jkollux: 1) problemi li jieħu d-drogi jew kellu xi ksur tal-liġi dwar drogi; u 2) problemi ta' abbuż tat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Kollega, diġa' kull min japplika biex jibda jaħdem maċ-ċivil, inklużi dawk kollha li b'xi mod japplikaw biex jaħdmu fi skola jew f'kuntatt mat-tfal, iridu jippreżentaw ċertifikat tal-kondotta tal-Pulizija.
Filwaqt li tittieħed azzjoni fuq kull informazzjoni li xi ħaddiem ikollu dawn il-problemi, napprezza suġġerimenti konkreti fid-direzzjoni msemmija fil-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid fiex waslet it-tiswija/restawr tal-Caravaggio li qed issir fl-Italja? Min hu l-uffiċjal inkarigat minn Malta biex isegwi u jara l-andament ta' dan ix-xogħol? Meta intbagħtet il-Caravaggio għar-restawr fl-Italja? Meta hu mistenni li jkun lest? X'tip ta' xogħol sar s'issa u kemm hu mistenni li jiġi jiswa?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-pittura tal-Caravaggio li tirrapreżenta Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann telqet minn Malta fid-9 ta' Ġunju 1996 abbord il-Cassiopea provdut mill-Marina Taljana. Jumejn wara waslet l-Opificio delle Pietre Dure ta' Firenza u ftit wara intweriet fis-Salone ta' Palazzo Vecchio. Wara li t-tim tar-restawr ta' l-Opificio għamlu serje ta' indaġini xjentifiċi dwar l-istat tat-tila, tal-pittura, u ta' l-istretcher dawn issottomettew żewġ alternattivi ta' restawr; wieħed pjuttost superfiċjali, u l-ieħor proġett ta' restawr profond u estensiv. Fuq il-parir ta' kummissjoni ta' esperti, il-Gvern Malti għażel it-tieni alternattiva, u ntbagħat Firenze il-Kuratur tal-Mużew ta' l-Arti f'Marzu ta' l-1997 biex iħejji ftehim mad-Direzzjoni ta' l-Opificio. Skond dan il-ftehim, ir-restawr tal-Qtugħ ir-Ras kellu jieħu sentejn, li jagħalqu f'April 1999. Kuntatt kontinwu mad-Direzzjoni ta' l-Opificio inżammet b'mod partikolari mill-uffiċċju tal-Kuratur tal-Mużew ta' l-Arti li rċieva diversi rapporti dwar ir-restawr. Intbagħtu minn Malta diversi persuni biex jaraw ir-rata tal-progress. F'Ġunju 1998, Dott Marco Ciatti, wieħed mid-Diretturi ta' l-Opificio, ġie Malta biex janalizza pjanijiet dwar ċerti preparazzjonijiet u tibdil neċessarju fuq is-sit li tokkupa din il-pittura prestiġjuża fl-Oratorju ta' San Ġwann, xogħol li se jkun lest sa Frar 1999. L-informazzjoni kollha turi li sar progress kbir u impressjonanti, u li l-programm ta' restawr ma kellu ebda ntoppi serji, u se jkun lest skond kif kien ippjanat.
L-operazzjoni ta' restawr kienet komplessa ħafna, pero' għandu jiġi ppubblikat rapport tekniku bid-dettalji kollha. Diffiċli ħafna tistima n-nefqa involuta f'din l-operazzjoni li tinkludi spejjeż li sar mid-Dipartiment tal-Mużewijiet, mill-Gvern Taljan, u mill-Comune ta' Firenze - dawn ta' l-aħħar sponsorjaw l-operazzjoni tar-restawr. In-nefqa ċertament għandha tammonta għall-figura tassew rilevanti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi talba/offerta pendenti mill-Italja biex ikun hemm kooperazzjoni f'restawr ta' wirt storiku? Jekk iva, meta saret? X'inhi r-reazzjoni tal-Gvern Malti dwarha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-offerti mill-Italja li bħalissa jinsabu f'diversi stadji ta' konklużjoni huma prinċipalment dawk imsemmija fil-Protocol Finanzjarju Taljan. Dawn ikopru l-krejazzjoni ta' Ċentru tar-Restawr, xogħol konness mar-restawr.
Ħlief għal dawn il-proġetti li huma diġa' inklużi fil-protocol finanzjarju Taljan, ma hemm ebda offerta pendenti mill-Italja biex ikun hemm kooperazzjoni f'restawr ta' wirt storiku. Il-Proġetti li jagħmlu parti mill-protocol finanzjarju Taljan huma:
i. Ċentru tar-Restawr
ii. Laboratorju tar-restawr fil-Mużew ta' l-Arkeoloġija
iii. Restawr tal-Kwadru tal-pittura "Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann"
ta' Caravaggio
iv. Proġett ta' Restawr fl-Altar il-Kbir, fil-Kon-Katidral ta'
San Ġwann
v. Kon-Katidral ta' San Ġwann - Restawr tal-Gloria
Il-Protocol ikopri ukoll arranġament għar-restawr tal-fortifikazzjoni liema arranġament hu r-responsabilita' tal-Works Division.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema impressed mal-ministeru u fid-dipartimenti li jagħmlu parti minn dan id-dekasteru, inkluż is-segretarjat parlamentari? Saru xi diskussjonijiet fil-ministeri jew fid-dipartiment dwar dawn l-impressed, anke fid-dawl tal-wegħda elettorali dwar il-ħaddiema impressed? Hemm il-ħsieb li dan in-numru jiżdied?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' ħaddiema impressed li jagħmlu parti mid-dekasteru li għalih jien responsabbli huma:
Diviżjoni ta'l-Edukazzjoni - 40 (34 f'Malta)
( 6 t'Għawdex)
Segretarjat Parlamentari - 1
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-inizjattivi l-oħra, minbarra l-programmi ta' Socrates, Leonardo u Comenius, li ttieħdu ma' l-Unjoni Ewropea mill-1996 sal-lum? Jistgħu wkoll jingħataw id-dati ta' meta dawn l-inizjattivi l-oħra ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1326.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex mill-bidu ta' din is-sena skolastika mhux qed jingħata ħalib lill-istudenti ta' l-iskola Ġuże' Despott ta' Bormla? Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil fil-policy normali f'dan ir-rigward? Jista' l-Ministru jaċċerta lill-Kamra li dan l-istat ta' fatt m'huwiex konness ma' l-appointment ta' imgħallem ġdid għal din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti ta' l-iskola Ġużeppi Despott Boys' Junior Lyceum Verdala qed jingħataw ħalib. Ma kien hemm ebda tibdil fil-policy iżda kien hemm diffikultajiet ta' natura finanzjarja li qed jiġu konsidrati.
Jista' l-Ministru jara għaliex il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li għandu d-Down's Syndrome mhux qed ikollu facilitator il-ħin kollu fl-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Mhux neċessarju f'kull każ li persuna b'Down Syndrome ikollha one-to-one facilitator. Il-persuna indikata għandha din is-sena, bħal snin oħra, shared help.