Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #986 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma t-tlett rappreżentanti tiegħu fil-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ? It-tlett membri li kienu appuntati ġew informati jekk humiex se jiġu appuntati mill-ġdid jew le?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tlett membri appuntati mill-Gvern kienu irriżenjaw skond il-proċeduri normali mal-bidla fil-Gvern. It-tlett rappreżentanti ġodda mistennija jiġu appuntati dalwaqt.
Leg 9 PQ #1583 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

B'riferenza għat-tweġiba li tani l-Ministru għall-mistoqsija parlamentari numru 871, jista' jgħidli kemm mit-22 tifel u tifla bi bżonnijiet speċjali issa bdew jattendu b'mod regolari l-iskola wara li ngaġġaw supply kindergarten assistants għalihom? Kemm ġew ingaġġati minn dawn is-supply kindergarten assistants? Xi kwalifiki għandhom? B'liema kondizzjonijiet ġew ingaġġati dawn is-supply kindergarten assistants?

Response (GALEA, LOUIS)

Is-sejħa għall-applikazzjoni għal ingaġġ ta' Supply Kindergarten Assistant għalqet fis-27 ta' Novembru u qed tiġi proċessata.
Leg 9 PQ #1584 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Ex għalliema - Pensjoni

Question

Peress li s'issa ngħatat l-impressjoni li ġiet riżolta l-kwestjoni tad-drittijiet għall-pensjoni ta' dawk li kienu jgħallmu mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qabel Jannar, 1979 u issa huma impjegati ta' l-Universita' jgħallmu l-Junior College, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk din il-kwestjoni ġietx fil-fatt riżolta jew le?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 865.
Leg 9 PQ #1585 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kors tal-Master's

Question

Il-kors tal-Master's tal-Psikologi Edukattivi li se jibda fl-Universita' ta' Malta fi Frar, 1999 kemm se jkun hemm studenti jieħdu sehem fih? Xi kwalifiki jrid ikollhom biex jieħdu sehem fih? Kif se jkunu magħżula? Kemm hu n-numru massimu ta' studenti li jistgħu jieħdu sehem f'dan il-kors? Għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kors tal-Master's fil-psikoloġija (edukattiva, klinika u counselling) li hu ppjanat li jibda fi Frar ta' l-1999 se jħarreġ b'kollox tnax-il student. Il-Kwalifiki applikati huma dawk li jinsabu fir-regolamenti tal-kors kif ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern. Informat ukoll li r-raġuni li għaliha nistgħu nħarrġu mhux aktar minn tnax-il student hija li nofs it-taħriġ irid ikun prattiku li jeħtieġ superviżjoni minn psikologi li jaħdmu fil-qasam.
Leg 9 PQ #1633 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Siti arkeoloġiċi/storiċi — Għassiesa

Question

Jista' l-Ministru jgħid, matul Settembru, Ottubru u Novembru, kemm-il spezzjoni saret mill-uffiċjali responsabbli f'Malta u mill-Internal Audit tal-Ministeru f'Għawdex biex tiġi żgurata l-preżenza tal-44 għassies assenjati bil-lejl mas-siti arkeoloġiċi u storiċi ta' Malta u Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'Malta ma saret ebda spezzjoni, waqt li f'Għawdex saret spezzjoni waħda, fil-Mużewijiet kollha fid-9 ta' Novembru mill-Internal Audit fi ħdan il-Ministeru t'Għawdex.
Leg 9 PQ #1634 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Palazz ta' Bighi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li jsir centru ta' studju tar-restawr fil-Palazz ta' Bighi? Fiex wasal ix-xogħol ta' restawr fuq il-bini ta' Bighi? Meta huwa maħsub li se jitlesta dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kwestjoni kollha qed tiġi konsidrata u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #1732 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa — Track

Question

B'riferenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 1071, jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' l-ispiża li saret fl-1998 għall-materjal, xogħol, kiri ta' makkinarju u ETP?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ispiża li saret għall-manutenzjoni tal-Marsa Race Track kienet tipprovdi għall-materjal, xogħol u kiri ta' makkinarju biex isir xogħol fuq 2405.05 metri kubi ta' track bir-rata ta' Lm2.70. Il-kiri ta' makkinarju kien imqassam hekk: Wirtgen Surface miner (4 t'ijiem) Caterpillar 926 (5 t'ijiem) Bitelli paver (5 t'ijiem) Bomag roller (5 t'ijiem) Bitelli roller (5 t'ijiet) JCB Robot (5 t'ijiem)
Leg 9 PQ #1810 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Akkwadot ta' Wignacourt — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara tistax issir xi ħaġa fuq l-istat ħażin ħafna ta' l-akkwadot ta' Wignacourt, partikolarment quddiem il-fabbrika tad-Devon Biscuits fejn huwa fi stat iminenti ta' kollass?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li jkun aħjar li l-mistoqsija tiġi riferita lill-Ministru għall-Ambjent, tlabt lid-Dipartiment tal-Mużewijiet biex isegwi l-kwestjoni ma' l-awtoritajiet konċernati.
Leg 9 PQ #837 Sitting 16 1998-11-25 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Racing Club

Question

Jikkonferma l-Ministru illi parti mid-dejn tal-Marsa Racing Club li ma jissemmiex fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 215 joħroġ minn kambjali li jammontaw għal madwar Lm25,000 fis-sena li kienu ġew iffirmati a favur ta' Polidano Brothers mill-kumitat ta' tmexxija tal-Marsa Racing Club immexxi mis-Sur Paul Midolo qabel is-26 ta' Ottubru, 1998 u li reġa' ġie appuntat chairman tal-Marsa Racing Club?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-dejn li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa ta' l-ispiża li kienet saret biex isir l-uplifting meħtieġ tal-korsa u xogħlijiet oħra bħal paddocks, training area u l-pont għad-dħul tal-korsa. Dan ix-xogħol sar wara li ntlaħaq ftehim bejn il-Kumitat u l-membri (sidien u ġerrejja) tal-Club. Kienu nġiebu esperti minn barra biex ix-xogħol seta' jsir fuq livell internazzjonali. Il-kambjali ta' ħlas kienu hekk: 1. Lm23,800 - tħallset fit-30 ta' Awissu 1997 2. Lm22,440 - tħallset fl-1 ta' Novembru 1998 (kellha titħallas fit-30/8/98) 3. Lm21,080 - titħallas fit-30 ta' Awissu 1999 4. Lm19,720 - titħallas fit-30 ta' Awissu 2000 5. Lm18,360 - titħallas fit-30 ta' Awissu 2001
Leg 9 PQ #838 Sitting 16 1998-11-25 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Racing Club

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-kumitat ta' tmexxija tal-Marsa Racing Club qabel is-26 ta' Ottubru, 1996 taħt it-tmexxija taċ-chairman Paul Midolo, li l-Gvern issa reġa' daħħlu fl-istess kariga, naturalment kien waqqaf il-ħlas ta' Lm4000 kera fis-sena dovuta mill-Gvern għal madwar 10 snin u l-Gvern Nazzjonalista ta' dak iż-żmien ħalla kollox għaddej? Jista' l-Ministru jgħid għaliex dan id-dejn ma jissemmiex fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 215 meta staqsejt x'dejn kellha l-Marsa Racing Club u meta ġie kkuntrattat?

Response (GALEA, LOUIS)

Nikkonferma li ma kienux saru ħlasijiet tal-kera dovuta lill-Gvern mill-Kumitat tal-Marsa Racing Club għal madwar 10 snin, b'deċiżjoni meħuda mill-Kumitat kollu u mhux biss miċ-Chairman. Informat li dak iż-żmien iċ-Chairman ma kienx is-Sur Paul Midolo.
Leg 9 PQ #898 Sitting 16 1998-11-25 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Racing Club

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 215 mill-Ministru; (i) jikkonferma l-Ministru li l-parti l-kbira tad-dejn dovut fil-Marsa Racing Club ġie kkuntrattat ossia ma baqax jiġi mħallas lura qabel s-26 ta' Ottubru, 1996 taħt it-tmexxija taċ-Chairman Paul Midolo u l-kumitat ta' dak iż-żmien; (ii) Jaf li minkejja dan il-Ministru reġa' ħatar lill-istess persuna fit-tmexxija tal-Marsa Racing Club u kważi n-nies kollha li kienu fl-istess kumitat qabel id-data fuq indikata, inkluż is-security/driver tal-Prim Ministru; (iii) fuq liema kriterju nħatar dan is-security/driver fuq dan il-kumitat mill-Gvern Nazzjonalista u x'inhuma l-kwalifiki tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Interpellant jaf tajjeb li d-dejn dovut fil-Marsa Racing Club ma ġiex ikkuntrattat kollu taħt it-tmexxija tas-Sur Paul Midolo u l-Kumitat ta' dak iż-żmien. Kien is-Sur Midolo u l-Kumitat immexxi minnu li ħallas lura d-dejn li ħalla l-Kumitat ta' qabel u li dan kien qed jiswa lill-Club eluf ta' liri fis-sena. Qed nirreferi għas-somma ta' Lm45,000 li l-promuturi kienu għaddew b'self lill-Club. Dawn il-flus ma kienx ħariġhom il-Gvern imma d-dilettanti taż-żwiemel. Il-Kumitat preżenti huwa kompost fil-maġġor parti tiegħu minn membri li huma sidien b'interess fit-tiġrijiet u fil-Club. Is-security/driver tal-Prim Ministru huwa sid u ilu żmien midħla tal-Marsa. Kull meta serva fil-Kumitat dejjem ta s-servizz tiegħu b'mod onest.
Leg 9 PQ #981 Sitting 16 1998-11-25 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Żgħażagħ — Ċerimonja kommemorattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir iċ-ċerimonja kommemorattiva għall-familjari ta' dawk iż-żgħażagħ li ħallew din id-dinja tul din l-aħħar sena wara li din l-attivita' nżammet tul dawn l-aħħar sentejn? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid fejn se tinżamm l-attivita' u meta se tinżamm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ċ-ċerimonja kommemorativa se ssir fis-27 ta' Novembru, 1998. L-ittri lill-familji ta' dawk iż-żgħażagħ li b'sufraġju għal ruħhom se ssir iċ-ċerimonja ilhom li ntbagħtu mill-bidu ta' Novembru.
Leg 9 PQ #1396 Sitting 16 1998-11-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Monitoring Board

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ġara biex mal-bidla fil-gvern il-Monitoring Board dwar it-tagħlim ta' l-Ingliż lil barranin sab li l-uffiċċju tiegħu jista' jitħaddem mingħajr il-bżonn ta' mpjegat fulltime meta qabel Settembru 1998 dan il-board kien jenfasizza l-bżonn li l-uffiċċju jkollu impjegat fulltime biex il-bord ikollu l-appoġġ amministrattiv meħtieġ biex jaħdem b'mod effettiv f'dan il-qasam tant importanti għal pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma nifhimx minn fejn tirriżulta l-premessa tal-Mistoqsija. Il-Bord għadu jħoss il-bżonn ta' appoġġ amminstrattiv 'full-time', u qed nara kif l-aħjar nissodisfa dan il-bżonn. Sadanitant hemm żewġ uffiċċjali li qed jagħtu s-servizzi lill-Bord fuq bażi 'part-time'.
Leg 9 PQ #1539 Sitting 16 1998-11-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Gżira - Tifel bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu dwar tifel bi bżonnijiet speċjali, li ismu qed jintbagħat separatament, li qed joħloq problemi fl-iskola primarja tal-Gżira? X'rapporti għandha d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni dwar dan it-tifel u attakki minnu fuq l-għalliema u studenti oħra? X'passi ttieħdu biex dan it-tifel jiġi mgħejjun? Ġie eżaminat mill-iStatementing Board? Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa dwar dawn il-problemi?

Response (GALEA, LOUIS)

Tagħrif li jirrigwarda studenti individwali għandu jiġi kunsidrat bħala konfidenzjali u m'għandux jiġi svelat fil-pubbliku. Tlabt assigurazzjoni li l-istudent u l-iskola jkomplu jingħataw l-għajnuna meħtieġa mill-uffiċċjali konċernati. Qed inkompli nsegwi l-każ.
Leg 9 PQ #1557 Sitting 16 1998-11-25 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kulleġġ ta' l-Agrikoltura - Instructors

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-instructors fil-Kulleġġ ta' l-Agrikoltura u x'inhi l-funzjoni ta' kull wieħed minnhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-instructors fil-Kulleġġ ta' l-Agrikoltura huma dawn: Mr Mario Salerno, li huwa nkarigat mit-taqsima ta' l-Ortokoltura u li jgħallem dan is-suġġett. Mr Saviour Vella, li huwa nkarigat mit-taqsima tat-trobbija tal-bhejjem, jgħallem dan is-suġġett u hu Turor ta' l-istudenti tar-raba' sena. Mr Victor Vancell, li jieħu ħsieb it-taqsima tal-ħxejjex ornamentali u li jgħallem dan is-suġġett.
Leg 9 PQ #1602 Sitting 16 1998-11-25 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Żurrieq — Mitħna tax-Xarolla

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Mitħna tax-Xarolla, fiż-Żurrieq hi magħluqa u żarmata? Meta kienet irranġata? F'idejn minn qiegħda, f'idejn il-Gvern jew il-privat? Jekk qiegħda f'idejn il-privat, għand min hi u taħt liema kondizzjonijiet ingħatat? Għaliex m'għadhiex tkun miftuħa għall-pubbliku u t-turisti? Kemm ilha magħluqa issa? Jaħseb il-Ministru li bħala wirt storiku ta' pajjiżna għandha titgawda kemm mill-Maltin kif ukoll mit-turisti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Mitħna tax-Xarolla hija propjeta' pubblika u hija amministrata mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet kien responsabbli għar-Restawr ta' dan il-bini storiku kif ukoll tal-makkinarju oriġinali tiegħu. Dan ir-restawr illum tlesta u s'issa l-post jinfetaħ għall-pubbliku fuq appuntament mad-Ddiviżjoni tax-Xogħlijiet. Naf li l-kwestjoni li qed iqanqal l-Onor. Kollega hi importanti u qed tiġi konsidrata aktar mill-Gvern.
Leg 9 PQ #835 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Racing Club

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 215 dwar il-Marsa Racing Club, jista' l-Ministru jgħid: (i) kif inhu maqsum u ta' xiex huwa dovut? (ii) Xi pjani għandu l-kumitat il-ġdid ta' tmexxija biex iħallas dan id-dejn li jidher li l-maġġor parti tiegħu ġie kkuntrattat jew ma tħallasx fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti? (iii) Għandu xi programm ta' pagamenti għall-kredituri tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena 1997/98 il-Kumitat tal-Marsa Racing Club ħareġ bit-telf għall-ewwel darba b'deficit ta' madwar Lm40,000. Barra minn dan kienet saret ukoll spiża kapitali ta' Lm51,000 li diġa' semmejt fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 215. Meta tlett snin ilu l-Club daħal fi spiża kapitali kien qassam il-pagamenti fuq ħames snin b'mod li dawn setgħu jitħallsu kif stabbilit. Fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti l-problema tad-dejn kompliet tikber bil-konsegwenza li l-Club sab ruħu f'pożizzjoni fejn ma jistax jagħmel programm dwar kif jistgħu jsiru ħlasijiet tal-pagamenti lill-kredituri tiegħu. Il-Kumitat preżenti se jimpenja ruħu biex jara li jkun hemm żieda fid-dħul u jikkontrolla l-infieq biex jagħmel tajjeb għat-telf li sofra s-sena l-oħra u biex iħallas lura parti mid-dejn. Il-Club mhux ser ikun f'pożizzjoni li jħallas lura d-dejn li għandu mal-Gvern iżda bi ħsiebu jonora l-kambjali kollha imsemmija fil-Mistoqsija Parlamentari Nru 837 kif diġa' beda jagħmel meta ħallas is-somma ta' Lm22,440 li suppost kellha titħallas fit-30 ta' Awissu 1998.
Leg 9 PQ #836 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Racing Club

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 215 dwar id-dejn tal-Marsa Racing Club, jikkonferma l-Ministru li Lm100,000 dovuti bħala VAT kważi kollha kemm huma huma tal-perjodu mid-data ta' l-introduzzjoni tal-VAT sas-26 ta' Ottubru 1996, cioe' dovuti matul il-perjodu li fih il-Marsa Racing Club kien immexxi mis-Sur Paul Midolo li l-Gvern preżenti reġa' ħatar bħala chairman? Jikkonferma l-Ministru li mill-introduzzjoni tal-VAT taħt Gvern Nazzjonalista sas-26 t a' Ottubru, 1996, il-Marsa Racing Club m'għamel l-ebda tentattiv (i) biex jara x'VAT kellu jħallas u (ii) biex jirregola ruħu mal-liġi? Jaqbel il-Ministru li huwa inġust li l-ħtija ta' dan in-nuqqas jintefa' fuq il-kumitat tat-tmexxija tal-Marsa Racing Club li mexxa għal ftit xhur taħt is-Sur George Borg Cardona fl-aħħar amministrazzjoni? X'qed isir mill-kumitat ġdid tat-tmexxija tal-Marsa Racing Club dwar dan id-dejn?

Response (GALEA, LOUIS)

Mat tagħrif diġa' mogħti fil-Mistoqsija ċitata, għandi biss x'inżid li l-Kumitat tal-Marsa Racing Club kien kiteb biex joġġezzjona u jitlob spjegazzjoni tal-kontijiet li kienu ħarġu mid-Dipartiment tal-VAT.
Leg 9 PQ #1229 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

Hemm tfal bi bżonnijiet speċjali li qed jittieħdu l-iskola "normali" f'mini vans normali u mhux akkumpanjati, meta sas-sena li għaddiet kienu jittieħdu bi trasport apposta u akkumpanjati. Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed jiġri dan? Jistgħu dawn it-tfal jerġgħu jibdew jittieħdu bi trasport apposta u jkunu akkumpanjati?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser ngħaddi t-tagħrif li laħqu għaddewli: Fil-bidu tas-sena l-persuna li kienet tagħmilha ta' 'escort' sabet diffikulta' biex tibqa' tagħmel dan. Issa din il-persuna se terġa' tibda tagħmilha ta' 'escort'.
Leg 9 PQ #1392 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Gżira - Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkompli x-xogħol li kien maħsub li jsir, ta' twieqi fl-arkati li hemm fl-iskola primarja tal-Gżira biex jilqgħu għall-kesħa fix-xitwa u s-sħana fis-sajf? X'arranġamenti qed isiru biex jintlaħaq qbil bejn l-iskejjel primarji/sekondarji tal-Gżira għal użu komuni tas-sala li hemm fil-kumpless?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan ix-xogħol hu maħsub li jibda fi żmien qasir. Diġa saru il-kuntratti meħtieġa mid-Diviżjoni, u l-perit inkarigat mix-xogħol żar l-iskola imsemmija u ddiskuta mal-kap x-xogħlijiet li jridu jsiru. Hemm qbil assolut bejn il-Kapijiet taż-żewġ skejjel dwar l-użu tas-sala tal-kumpless. Dan jintlaħaq permezz ta' kuntatti kontinwi bejn iż-żewġ kapijiet li ddikjaraw li m'għandhomx problemi dwar dan.