Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-każ ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Għaliex din il-persuna għaddewha bord minkejja li qatt ma talbet biex tagħmel dan u minkejja li t-tabib qal li tista' terġa' tibda taħdem?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna konċernata kienet ilha għal xi żmien ma tirrapporta għax-xogħol minħabba f'mard. Skond ir-regolamenti ta' l-Estacode (4.3.2.2.) tressqt quddiem Bord Mediku tad-Dipartiment tas-saħħa li sabha mhix tajba għax-xogħol.
Hija oġġezzjonat u ppreżentat ċertifikat mediku biex turi li għadha tiflaħ taħdem. Għalhekk qed jittieħdu l-miżuri neċessarji biex din il-persuna tiġi eżaminata mill-ġdid, kif inhu mitlub mill-Estacode. (6.1.3.2.)
Jistgħu l-awtoritajiet edukattivi jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-passi meħtieġa biex tiżdied is-sigurta' għat-tfal ta' San Ġiljan li jmorru l-iskola primarja tal-post u ssir zebra crossing, isiru t-traffic lights u miżuri oħra ta' traffic calming għal dawk it-tfal li jaslu l-iskola min-naħa tat-Tiguglio?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-każ tat-tfal li jaslu l-iskola minn naħa tat-Tiguglio dawn ġeneralment jiġu bil-privates li jieqfu mal-ħajt ta' l-iskola u t-tfal jibqgħu telgħin it-taraġ mingħajr ma jkollhom għalfejn jaqsmu t-triq.
Fil-każijiet ta' dawk it-tfal li jaslu l-iskola bil-mixi, fi triqthom lejn l-iskola hemm traffic lights u zebra crossing biżżejjed biex jistgħu jiġu wzati ħalli jaqsmu t-triq mingħajr periklu.
Jista' l-Ministru jgħid fiex ħin qed tiġbor it-tfal ta' Burmarrad il-karozza pprovduta mid-Diviżjoni biex teħodhom l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar? Mil-liema postijiet differenti tgħaddi l-karozza u mnejn tiġbor it-tfal u f'kull każ, fi x'ħin tiġbor it-tfal filgħodu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tfal ta' Burmarrad li jmorru l-iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar jibdew jinġabru fis-seba' ta' filgħodu meta l-iskola tibda fis-7.45. Filgħodu meta l-karozza titlaq minn Burmarrad lejn l-iskola tieqaf f'dawn il-postijiet imsemmija: (Għajn Rihana/Panorama Bar/Banka tal-Lottu/Premier Car Sales/Petrol Station/Price Club). Informat ukoll li dawn l-arranġamenti ġew fis-seħħ wara qbil bejn l-uffiċċjal inkarigat mit-trasport tat-tfal u l-ġenituri tat-tfal tal-lokal.
Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġu l-applikazzjonijiet għall-Assistenti Kapijiet fl-iskejjel primarji? Meta saru l-intervisti għall-imsemmija applikazzjonijiet? Kemm u min huma l-applikanti? Kemm hemm postijiet vakanti? Meta beħsiebhom joħorġu r-riżultati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-Assistenti Kapijiet fl-iskejjel Primarji ġiet ippubblikata fil-21 ta' Mejju 1998 u għalqet fid-9 ta' Ġunju 1998. Kien hemm 172 applikazzjoni u l-intervisti saru matul ix-xhur tas-sajf. Il-Board issottometta r-rapport tiegħu lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku fit-13 ta' Ottubru 1998. Eventwalment ir-riżultat pubblikat jibqa' validu għal sentejn mid-data tal-pubblikazzjoni. Il-postijiet ta' assistenti Kapijiet li jiġu vvakati jimtlew mill-lista finali, dejjem skond l-Order of Merit approvata.
Is-Swimming Promotions Unit li kellha l-uffiċini tagħha fil-Pixxina Nazzjonali se terġa' tibda tiffunzjona? Japprezza l-Ministru li l-lezzjonijiet ta' l-għawm kienu popolari ħafna ma' l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li qed jiġi studjat set-up ġdid għas-Swimming Promotion Unit li nispera li jkun popolari mat-tfal ta' l-iskola.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ħaddiema li hemm fil-Pixxina Nazzjonali ngħataw estensjoni ta' xahar b'xahar fil-kuntratt tagħhom, meta skadilhom il-kuntratt part-time ta' sitt xhur? Huwa minnu li dan il-kuntratt ġie estiż għal żmien minimu fuq ordni tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru? Xi pjani hemm biex ix-xogħol ta' dawn il-ħaddiema jkun aktar fiż-żgur?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Pixxina Nazzjonali hemm 7 ħaddiema li ingħataw jew se jingħataw estensjoni ta' xahar b'xahar. Din id-deċiżjoni ittieħdet fuq rakkomandazzjonijiet mill-Bord Amministrattiv.
Tweġiba dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija tingħata meta jiġu finalizzati deċiżjonijiet oħra li jirrigwardaw il-Pixxina Nazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' ħaddiema fuq bażi ta' full time u part-time fil-Pixxina Nazzjonali? X'inhu x-xogħol tagħhom f'kull każ? Minbarra l-ħaddiema impjegati direttament mal-Pixxina, kemm hemm staff ieħor ta' dipartimenti oħra tal-gvern li jagħmlu x-xogħol tagħhom fil-Pixxina?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Pixxina Nazzjonali hemm tlett impegati full time li jagħmlu xogħol ta' receptionists jew kelerikali. Hemm seba' impjegati oħra part-time li ħamsa minnhom jagħmlu xogħol ta' Aquatic Facility Operators (Deckhands), waħda bħala cleaner u ieħor Security fuq light duties minħabba raġunijiet mediċi.
Hemm ukoll tlett watchmen li huma impjegati mad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport u disa' impjegati li jitħallsu mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet.
Meta dan l-aħħar is-Segretarju Parlamenti l-Onor. J. Mugliett semma t-twaqqif ta' tlett ċentri ta'l-isports fil-pajjiż, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Pixxina Nazzjonali kenitx qed tiġi kkonsidrata bħala waħda minnhom? Jeżistu pjani biex dan iċ-ċentru jiġi żviluppat aktar biex aktar dixxiplini sportivi jkunu jistgħu jsiru fih?
Response (GALEA, LOUIS)
Bħal ma diġa' għidt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 342 qed isir studju dwar is-siti li jkunu jistgħu jiġu żviluppati f'kumplessi sportivi. F'dan l-istadju ma' nelimina ebda possibilita'.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li tiġi restawrata l-Knisja ta' Sant'Ubaldeska u l-gvern jagħti flus permezz ta' fondi speċjali biex il-pjazza ta' quddiem il-knisja tiġi rranġata skond il-pjanti li ħarġu mill-awtoritajiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jirriżultalix li d-Dipartiment tal-Mużewijiet huwa responsabbli għar-restawr tal-Knisja ta' Sant Ubaldeska.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni jkun lest ir-restawr tal-Caravaggio f'Firenze? Meta se jiġi lura l-kwadru restawrat? X'xogħol jonqos isir fil-Kon-Katidral ta' San Gwann biex ikun lest għal meta jiġi lura l-kwadru tal-Caravaggio? Meta se jkun lest dan ix-xogħol u min se jagħmlu? X'passi ta' sigurta' se jittieħdu fil-post fejn se jkun espost il-kwadru la jiġi lura?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 1317. Nixtieq inżid li waqt il-pittura Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann mistennija tasal lura Malta f'April 1999 - kif kien akkordat fil-ftehim ta' Marzu 1996 bejn l-Opificio della Pietre Dure ta' Firenza u l-Kuratur tal-Mużew ta' l-Arti, il-Belt - ix-xogħlijiet fl-Oratorju ta' San Ġwann li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant għandhom ikunu lesti sal-bidu ta' Frar 1999. Dawn jikkonsistu:
i. fl-istallazzjoni ta' apparat bejn il-pittura u l-ħajt ta' l-Oratorju li jippermetti li jsiru ispezzjonijiet spissi tal-kondizzjoni tat-tila minn wara; dan ix-xogħol ser ikun lest sa l-aħħar ta' Diċembru 1998.
ii. tindifa u riabilitazzjoni tal-korniċjun ornamentali qadim tal-pittura, li ser isir minn grupp ta' restawraturi li għandhom jintbagħtu Malta mill-Opificio ta' Firenza , flimkien ma' għajnuna lokali. Hu ttamat li dan il-fażi tax-xogħol ippjanat li jieħu erbgħa ġimgħat - għandu jsir f'Jannar 1999 u qeda tkun ikkordinata mill-Mużew ta' l-Arti.
Qed jittieħdu l-passi meħtieġa għas-sigurta' ta' din l-opra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu tul Settembru, Ottubru u Novembru 1998 biex jiġi żgurat li l-flus li jħallsu l-viżitaturi tal-mużewijiet u s-siti storiċi fil-fatt jispiċċaw kollha fil-fondi pubbliċi bħala dħul? Kemm kien id-dħul ta' viżitaturi u ta' flus fil-mużewijiet u s-siti storiċi f'Settembru 1997 u 1998 u f'Ottubru 1997 u 1998?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet għamel diversi spezzjonijiet ta' siti storiċi biex jassiguraw l-introjtu tal-flus.
Figuri tad-dħul għal Settembru u Ottubru 1997, 1998 huma hekk:
1997 1998 żieda %
Settembru 69,169.50 95004.50 +37
Ottubru 113,850.00 111763.00 - 2
Kunsill Malti għax-Xjenzja u Teknoloġija — Laqgħat
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija tul ix-xhur ta' Settembru, Ottubru u Novembru 1998? Min huma l-membri ta' dan il-kunsill? Xi pjani għandu għas-sena 1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kunsill ma ltaqax minn meta fid-9 ta' Settembru 1998, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija għamel l-aħħar laqgħa tiegħu fejn il-membri offrew ir-riżenji tagħhom. Huwa mistenni li l-Kunsill jiġi rikostitwit dalwaqt.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji lill-Kamra dwar ir-remunerazzjoni u l-benefiċċji l-oħra tal-Kap Eżekuttiv tal-Public Broadcasting Services u jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet tal-kuntratt li għandu mal-kumpannija u jispeċifika minn meta beda l-kuntratt u meta jispiċċa?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kuntratt tal-Kap Eżekuttiv tal-Public Broadcasting Services Ltd daħal fis-seħħ fis-16 ta' Diċembru, 1996 u huwa validu għal sentejn minn dik id-data.
Skond il-kuntratt ir-remunerazzjoni annwali hija ta' Lm10,000.
Il-benefiċċji l-oħra stipulati fil-kuntratt huma:
1. L-użu ta' vettura tal-kumpanija bi driver. Il-kumpanija żżomm
id-dritt li d-driver jintuża għal xogħol ieħor meta jkun hemm
bżonn.
2. Faċilita' ta' telefonati lokali bla ħlas.
Il-Ministru jikkonferma li għaxart ijiem qabel l-elezzjoni il-Public Broadcasting Services impjegat bil-kuntratt u mingħajr sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet sitt impjegati ġodda mat-Taqsima ta' l-Aħbarijiet? Huwa normali li l-Public Broadcasting Services timpjega n-nies magħha bil-kuntratt u mingħajr sejħa pubblika? Jista' l-Ministru jgħid kif intgħażlu dawn is-sitt impjegati jekk ma kienx hemm sejħa pubblika u min għażilhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fit-28 ta' Awissu ġew impjegati erba' ġurnalisti u żewġ cameramen/video editors fuq kuntratt ta' sitt xhur. Dan sar wara li saret talba lill-OPM li ġiet aċċettata u ngħata l-permess biex jibdew il-proċeduri.
Skond dawn il-proċeduri fis-7 ta' Awissu saret talba lill-ETC biex tingħata l-lista ta dawk il-persuni li kienu qed jirreġistraw fl-ewwel parti tar-reġistru bħala ġurnalisti u bħala cameramen/video editors. Din il-lista ta' l-ETC kienet tinkludi ħames persuni li kienu qed jirreġistraw bħala ġurnalisti u persuna oħra li kienet qed tirreġistra bħala cameramen/video editor.
Saru interviews lin-nies indikati mill-ETC iżda l-Bord li għamel l-intervisti deherlu li ħadd mill-applikanti bħala ġurnalisti ma kellu esperjenza fil-ġurnaliżmu televiżiv jew radjufoniku ħlief għal perusna li kienet qed tirreġistra fl-ewwel parti bħala cameraman/video editor li kellu l-esperjenza meħtieġa.
Fis-17 ta' Awissu, 1998, l-ETC ġiet infurmata b'din is-sitwazzjoni u mitluba li tibgħat lista oħra ta' ismijiet għall-ġurnalisti b'esperjenza fir-radju u televiżjoni.
Mil-lista li ntbagħtet minn fost dawk li kienu qed jirreġistraw fuq it-Tielet Parti tar-Reġistru irriżulta li l-persuni ndikati kollha kienu ħadmu bħala kontributuri mal-PBS u allura kellhom l-esperjenza u l-kwalifiki neċessarji.
Saru l-intervisti mill-Bord ta' l-għażla li kien kompost mis-Sur Charles Flores (Executive Corporate Affairs), mis-Sur Paul Azzopardi (Manager News and Current Affairs) u mis-Sur Tony Abela (Manager Human Resources).
Minn dawn l-intervisti il-Bord deherlu li dawn il-kandidati kollha ssodisfaw il-bżonnijiet tal-Kumpanija u ġie rakkomandat li jiġu mpjegati fuq kuntratt definit ta' sitt xhur. Intalab permess mill-ETC liema permess ingħata fl-24 ta' Awissu, 1998.
Kien għalhekk li ma saritx sejħa pubblika.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 892, il-Ministru jaħseb li hu inkwetanti l-ammont ta' ilmenti li kien hemm mill-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-Public Broadcasting Services u li kważi 50% minnhom instabu ġustifikati?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. kollega jaf li m'hinix sorpriż bit-tagħrif mogħti fit-tweġiba imsemmija u hu propju għalhekk li nixtieq li l-politika li l-Gvern eventwalment jadotta f'dan il-kamp tkun waħda nazzjonali u li jkollha bħala l-aqwa missjoni tagħha servizz ta' kwalita' aħjar f'kull sens lill-poplu kollu tagħna.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' policy għandu l-Gvern fir-rigward tal-miżati mħallsa lill-iskejjel privati? Jaf il-Ministru li, per eżempju, skola privata sekondarja partikolari għolliet il-miżata minn Lm285 għal Lm434? Hemm xi tip ta' monitoring għal dan? Jekk hemm, xi jsir?
Response (GALEA, LOUIS)
Is-sitwazzjoni hi regolata mill-Avviż Legali Nru.196 tal-1994 (Regolamenti tal-1994 ki jemendaw ir-regolamenti li jistabilixxu l-Kundizzjonijiet Minimi Nazzjonali għall-iskejjel kollha) li f'paragrafu 2 tiegħu jippreskrivi li 'r-rati tal-ħlas tal-miżati jew ħlas ieħor stabbilit fil-bidu ta' sena skolastika ma jistgħux jiżdiedu matul dik is-sena skolastika kollha kemm hi'. S'issa m'hemmx deċiżjoni li dan l-Avviż jinbidel.
Jekk l-Onor. Membru qed tirreferi għal xi każ partikulari nitlobha tgħarrafni biħ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti miż-Żejtun, minn Ħaż-Żabbar u minn Wied il-Għajn, li qed isegwu xi kors ta' diploma, grad jew ċertifikat fl-Universita' ta' Malta? Jista' l-Ministru jgħid ukoll liema kors qed isegwu u f'liema sena waslu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt ilu jiġi organizzat il-kampjonat nazzjonali tal-muturi off road bħal kampjonati motorcross u trials fil-gżejjer Maltin?
Billi jeżisti preċedent li qed inaffar ħafna żgħażagħ milli jipparteċipaw f'dan l-isport, ċioe' l-isportivi Maltin tat-trials u l-motorcross qed jiġu ntaxxati mid-dwana daqs li kieku dawn għandhom muturi li jintużaw fit-toroq, jista' l-Ministru jara li tiġi rimedjata din l-inġustizzja billi dawn iż-żgħażagħ ikollhom arranġamenti u għajnuna mill-awtoritajiet bħalma kellhom sa Mejju ta' l-1987?
Meta fil-fatt twaqqfet l-Assoċjazzjoni Mediterranja ta' l-off road tal-muturi? Meta ġie ffinalizzat l-aħħar agreement ta' koperazzjoni bejn il-Federazzjoni Taljana, l-Assoċjazzjoni tal-Muturi lokali u d-Dipartiment ta' l-Isport tal-Ministeru?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma jirriżultalix li l-kampjonati tal-muturi off road, motorcross u trials huma organizzati mill-gvern, id-Dipartiment m'għandux l-informazzjoni meħtieġa.
Il-kwestjoni ta' eżenzjoni mill-ħlas tad-dwana hija prerogattiva tal-Ministeru tal-Finanzi li għandha tiġi eżerċitata b'diskrezzjoni għaqlija u fi kwadru ta' policy ċara.
Il-Ministeru m'għandux informazzjoni dwar l-assoċjazzjoni Mediterranja ta' l-off road tal-muturi.
Ma sar l-ebda agreement bejn il-Federazzjoni Taljana, l-Assoċjazzjoni tal-Muturi lokali u d-Dipartiment ta' l-Isports. Fl-ebda żmien ma ġie propost xi forma ta' agreement kif intimat fil-mistoqsija.
Dipartiment taż-Żgħażagħ U Sport — Bordijiet/Kumitati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il bord/kumitat li jaqgħu taħt id-Dipartiment taż-Żgħażagħ, Sport u Kultura ġew rikostitwiti?
F'dawk il-bordijiet/kumitati li l-membri u l-uffiċjali għadhom iżommu l-kariga li kellhom, ġew informati li jistgħu jkomplu bix-xogħol tagħhom wara li offrew ir-riżenja tagħhom? Jista'l-Ministru jelenka l-ismijiet ta' dawk il-persuni li ġew maħtura f'dawn il-bordijiet/kumitati li ġew appuntati wara Settembru 1998 u jgħid x'renumerazzjoni għandhom f'din il-ħatra?
Response (GALEA, LOUIS)
Mill-bordijiet li jaqgħu taħt id-Dipartiment taż-Żgħaġagħ u Sport, s'issa ġie rikostitwit il-Malta Racing Club Committee. Dan ġie ffurmat hekk:
Chairman - Is-Sur Paul Midolo
Segretarju - Is-Sur Alfred Ciangura
Rappreżentant tal-Gvern - Is-Sur Mario Meli
Membri - Ms Brigette Balzan
Is-Sur Dione Drago
Is-Sur Charles Farrugia
Is-Sur George Fenech
Is-Sur Emanuel Pace
Is-Sur Piju Saliba
Ms Simone Zammit Endrich
Wara l-ittra tal-ħatra, Ms Brigette Balzan infurmatni li ma kenitx tista' taċċetta din il-kariga għal din is-sena minħabba impenji oħra. Minflokha ġiet maħtura Ms Lucienne Cassar.
S'issa ebda wieħed mill-membri ta' dan il-Bord ma hu qed jieħu xi forma ta' remunerazzjoni.
L-unika Bord fi ħdan id-Dipartiment tal-Kultura li ġie rikostitwit huwa s-Song Festival Committee.
Il-prattika stabbilita hi li fejn u sakemm riżenji offruti f'dawn iċ-ċirkostanzi jiġu aċċettati, l-Kumitat/Bord konċernat għandu jkompli jiffunzjona b'mod normali kif fil-fatt qed jagħmlu l-Kumitati/Bordijiet li għadhom ma ġewx rikostitwiti.