Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #33078 Sitting 731 2002-05-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Ċentri tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jivverifika jekk hux veru li tilqim li jieħdu trabi ta' erba' xhur, ilu ma jkun hawn minnhom fiċ-ċentri tas-saħħa mill-inqas mill-5 ta' Marzu 2002? X'qed isir dwar trabi li għalqu l-erba' xhur u suppost li ngħataw dan it-tilqim? Meta se jkun hemm it-tilqim imsemmi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

It-tilqim li t-trabi jieħdu ta' erba' xhur huwa divers. Il-provvista ta' waħda minnhom, dik ta' HIB, spiċċa f' Marzu 2002 u ma kinitx disponibbli f'dati differenti fiċ-Centri tas-Saħħa. Ġewwa Għawdex, il-provvista s'issa għadha ma spiċċatx. Il-konsenja ta' l-ordni ġdida għal 5,000 vaccin, maħruġa fil-25 ta' Ottubru 2001, ma waslitx minħabba raġuni teknika. Din il-problema issa ġiet solvuta u l-vaccin mistenni li jitqassam fi żmien ġimgħa. Sadattant, biex tittaffa din il-problema, fit-13 ta' Frar 2002 ġiet magħmula PFI għal 900 doża ta' vaccin tal-HIB. Ħarġet ukoll ordni biex jinxtraw 55 doża ta' vaccin mingħand l-unika aġenzija li kellha provvista ta' vaccin ta' dan it-tip f'Malta. Infurmat ukoll li l-ġenituri ta' dawk it-trabi li jmisshom din il-vaccin qiegħdin jingħataw appuntament għal ħmistax-il ġurnata oħra.
Leg 9 PQ #33117 Sitting 731 2002-05-07 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti 1 Maltin u 2 barranin fid-dipartiment tas-saħħa? Kemm minnhom huma marbutin li ma jaħdmux privat u kemm jitħallsu jekk 1 jaħdmu wkoll privat u 2 jekk ma jaħdmux ukoll privat?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' konsulenti Maltin li jaħdmu fid-Diviżjoni tas-Saħħa huwa 109 li minnhom 5 huma fuq bazi part-time. Dawk li jaħdmu fuq bażi full-time għandhom salarju ta' Lm9621 fis-sena (Skala Nru. 4) u "allowances" skond il-ftehim milħuq mal-MAM. Dawk li jaħdmu fuq bażi part-time jitħallsu salarju pro-rata bbażat fuq Lm9621 fis-sena skond in-numru ta' sigħat li jaħdmu. Il-konsulenti Maltin kollha jistgħu jaħdmu privat. In-numru ta' konsulenti barranin li jaħdmu fid-Diviżjoni tas-Saħħa huwa tlieta. Dawn jaħdmu fuq bażi ta' kuntratt u ma jistghux jaħdmu privat. Dawn jitħallsu kif ġej: 1 Salarju ta' Lm9621 fis-sena, bla taxxa u expatriate allowance ta' Lm1400 fis-sena bla taxxa 1 Salarju ta' Lm35,000 fis-sena bla taxxa 1 Salarju ta' Lm45,000 fis-sena, taxxabbli.
Leg 9 PQ #33141 Sitting 731 2002-05-07 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Psychiatric Nursing

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna, li d-dettalji dwarha qegħdin jintbagħtu separatament ma din il-mistoqsija, u li għamlet ħames snin kors in fila fl-universita` fid-diploma in psychiatric nursing u li għaddiet kull sena u ġiet dikjarata li ma kenitx issodisfat fl-aħħar eżami u cioe, l-paper 2 għall-award tad-diploma, kif hi biss ma ġietx magħjtha biex iġġedded il-kuntratt tax-xogħol fejn hija kienet taħdem matul il-kors f'Mount Carmel Hospital, meta lil ħaddieħor fl-istess ċirkostanzi bħalha, iġġeddidlu l-kuntratt b'sena qabel għamel l-aħħar re-sit? Jaqbel il-ministeru li dan il-każ jista' jiġi interpretat bħala wieħed ta' diskriminazzjoni fil-konfront ta' din il-persuna u li għandu jiġi implimentat r-rimedju minnufih?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob 'l-Onor Interpellant jagħmel id-Domanda lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #33150 Sitting 731 2002-05-07 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Spiżerji Ġodda — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ser joħorġu permessi ġodda fil-futur qarib għal ftuħ ta' spiżeriji ġodda? Jekk fl-affermattiv, kemm se jingħataw liċenzji u xi kriterji ntużaw fl-għoti ta' dawn il-liċenzji?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-pożizzjoni għadha l-istess kif indikata fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 29357 (Seduata 632).
Leg 9 PQ #33152 Sitting 731 2002-05-07 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnhom żewġ armi tan-nar antiki li kienu fl-isptar Monte Carmeli u x'użu ser isir minnhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Iż-żewġ xkubetti li qiegħed jirreferi għalihom l-Onor Interpellant jinsabu eżebiti fil-Ministeru tas-Saħħa.
Leg 9 PQ #33159 Sitting 731 2002-05-07 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Tal-Qroqq — CEO

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet l-applikazzjoni għaċ-Chief Executive Officer fl-isptar Tal-Qroqq? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riklam li kien ġie ppubblikat u f'liema ġurnali dehra r-riklami?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-applikazzjoni għal Chief Executive Officer ta` l-Isptar il-Ġdid f'Tal Qroqq ħarġet fil-5 ta` Lulju 2001 u għalqet fl-20 ta` Lulju 2001. Ir-reklam deher fuq The Times, The Malta Independent, in-Nazzjon u l-Orizzont fil-5 u fis-6 ta` Lulju 2001, filwaqt li fit-8 ta` Lulju 2001 deher fuq is-Sunday Times. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riklam ippublikat.
Leg 9 PQ #33160 Sitting 731 2002-05-07 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — CEO

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet l-applikazzjonijiet għaċ-Chief Executive Office fl-isptar Monte Carmeli? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riklam li kien ġie ppublikat u f'liema ġurnali dehru r-riklami?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-applikazzjoni għal Chief Executive Officer ta` l-Isptar Monte Carmeli ħarġet fid-29 ta` Lulju 2001 u għalqet fid-9 ta` Awissu 2001. Dan ir-reklam deher fid-29 ta` Lulju 2001 fuq is-Sunday Times, filwaqt li fl-1 ta` Awissu 2001 deher fuq The Times, The Malta Independent, in-Nazzjon u l-Orizzont. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-reklam ippublikat.
Leg 9 PQ #33102 Sitting 730 2002-05-06 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tas-Saħħa

Kanċer tas-Sider

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu rreġistrati każijiet ġodda ta' kanċer tas-sider din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

It-tagħrif dwar każijiet ġodda ta` kanċer tas-sider jinġabar mir-Reġistru Nazzjonali tal-Kanċer. Peress li r-reġistrazzjoni ta` każijiet tal-kanċer isir għab-bażi ta` informazzjoni miġbura minn ħafna sorsi differenti, mhux possibbli għalissa li tingħata risposta definittiva.
Leg 9 PQ #33127 Sitting 730 2002-05-06 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnhom il-vażi (gwarniċi antiki) fis-swali li ġew irranġati fl-isptar Monte Carmeli?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li wħud minn dawn il-vażi (gwarniċi antiki) kienu mkissrin u kellhom jitwarrbu wara li ġew irranġati xi swali. Oħrajn qegħdin jintużaw, filwaqt li xi wħud oħra huma merfugħin fl-istores ta` l-iSptar.
Leg 9 PQ #33128 Sitting 730 2002-05-06 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hiex proċedura normali li affarijiet li jinxtraw qed jitħallsu qabel jinġiebu bħalma qed jiġri fl-isptar Monte Carmeli?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Mhiex normali li affarijiet li jinxtraw jitħallsu qabel jinġiebu. Għalhekk nitlob l-Onor Interpellant ikun speċifiku.
Leg 9 PQ #32902 Sitting 729 2002-04-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Żammit Clapp

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-Isptar Żammit Clapp hemmx il-compliment kollha ta' l-istaff mediku, para mediku u dak li mhux? Jekk hemm staff nieqes f'liema kategoriji?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peress li bħalissa għaddejin diskussjonijiet mal-Unions, ma nħossx li f'dan l-istadju jkun prudenti li nagħti aktar dettalji.
Leg 9 PQ #32965 Sitting 729 2002-04-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

San Pawl il-Baħar — Triq San Ġorġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet matul is-sena 2001 u 2002 s'issa dwar jekk is-sid tar-razzett fi Triq San Ġorġ, f'San Pawl il-Baħar hux iħares ir-regolamenti? Xi rriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2001 u 2002 s'issa saru sbatax (17)-il spezzjoni fir-razzett fi Triq San Ġorg, San Pawl il-Baħar minn uffiċċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Matul is-sena 2000 ittieħdet azzjoni legali kontra s-sid ta' dan ir-razzett minħabba ksur ta' xi regolamenti. Għall-finijiet tal-liġi, l-każijiet investigati matul is-sena 2001 u 2002, u li huma ta' l-istess natura bħal dawk imressqa fis-sena 2000, jiġu kkunsidrati bħala follow-up ta' l-istess azzjoni legali li ttieħdet fis-sena 2000. Peress li l-każ għadu sub judice m'iniex f'pożizzjoni li nagħti aktar tagħrif.
Leg 9 PQ #32911 Sitting 728 2002-04-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistgħux l-awtoritajiet ta' l-sptar San Luqa jġibu l-quddiem appuntament lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għandha ma' speċjalista fl-orthopedic department tal-istess sptar minħabba l-inkonvenjent li dan id-dewmien ser jikkawża?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta` natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Leg 9 PQ #32915 Sitting 728 2002-04-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar — Spiżjara

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-complement ta' l-ispiżjara impjegati mad-diviżjoni tas-saħħa? Fid-dawl ta' l-isptar il-ġdid hemm il-ħsieb li l-gvern jimpjega aktar spiżjara miegħu fil-futur qrib?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-complement ta' spiżjara impjegati mid-Diviżjoni tas-Saħħa huwa 87. L-eżerċizzju dwar in-numru ta' spiżjara li jkun hemm bżonn għall-iSptar il-ġdid qed jiġi finalizzat.
Leg 9 PQ #32924 Sitting 728 2002-04-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Tapizzara

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-compliment ta' tapizzara li d-Divizjoni tas-Saħħa timpjega? Hemm il-ħsieb li jiġu impjegati tapizzara fil-futur qarib?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-compliment ta' ħaddiema fid-Diviżjoni tas-Saħħa fuq xogħol ta' tapizzerija huwa ta' tnejn (2). Dawn il-ħaddiema huma fil-grad ta' Senior Tradesman. M'hemmx il-ħsieb li jiġu mpjegati ħaddiema oħra f'din is-sengħa fil-futur qarib.
Leg 9 PQ #32939 Sitting 728 2002-04-29 Oral · Interim From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Fibrosing Alveolitis

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b'fibrosing alveolitits f'pajjiżna? Peress li qed jiġi ssuġġerit lilhom lung transplant li barra minn pajjiżna hija operazzjoni għolja wisq minħabba t-trasport bl-ajru bl-użu ta' ajruplan-ambulanza jista' jiġi kkunsidrat li operazzjoni simili ssir f'pajjiżna?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #32983 Sitting 728 2002-04-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

Tobba Barranin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 32857 u cioe, jista' jgħid kemm ħallas il-gvern għas-servizzi ta' tobba barranin matul is-sena 2001 kif ukoll fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Għas-servizzi ta' tobba barranin il-Gvern ħallas Lm723,962.72 matul is-sena 2001. Fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena (2002), il-Gvern ħallas Lm208,992.94.
Leg 9 PQ #32857 Sitting 727 2002-04-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

Tobba Barranin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru 32779 u ċioe Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallas il-gvern għas-servizzi ta' tobba barranin matul is-sena 2001 kif ukoll fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #31185 Sitting 725 2002-04-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Kura Barra min Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt it-12-il sena li ntbgħatu barra għall-kura matul is-sena li għaddiet u l-aħħar 5 snin sena b'sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment tas-Saħħa jikklassifika bħala "tfal", dawk li huma taħt l-erbatax-il sena (14). Il-figuri mitlulba għal dan il-grupp ta` pazjenti kienu kif ġej:- Sena Numru ta` Tfal Numru ta` Viż iti Barra 1997 69 109 1998 58 83 1999 78 91 2000 110 110 2001 118 176 * In-numru ta` viżiti huwa ikbar għaliex jinkludi tfal li jintbagħtu aktar minn darba f'sena għal kura barra minn Malta.