Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 27350 peress li aktarx bi żball ngħata tagħrif dwar il-bord dwar il-kontroll ta' xogħlijiet tan-nar u esplussivi flok il-health and safety committee in public places of entertainment li ssemma fil-mistoqsija oriġinali?
Response (BORG, TONIO)
Il-Bord ta` Sorveljanza għas-Saħħa u għall-Ħarsien ġie kostitwit fis-6 ta` Ġunju ta` din is-sena. Il-Bord għadu fi stadju li qed jaddotta s-sistemi u l-proċeduri li huma neċessarji biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond bl-indirizz 45, Triq San Publju, Floriana qed jiġi użat? Jekk le, jistax joħroġ għat-tender b'kiri peress li għaqda tal-armar tal-Parroċċa San Publiju għandha bżonn ħafna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-fond nru. 45 San Publiju l-Furjana fil-fatt huwa tal-Gvern u bħalissa mhuwiex mikri. It-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern qed tikkunsidra jekk fil-futur qarib toħroġx dan il-fond għall-kiri permezz ta` tenders.
Peress li fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 27345 intqal li ma hemm ebda disco bil-permess li jiftaħ il-lejl kollu, kif jispjega li hawn stabilimenti f'pajjiżna li fil-fatt qed jiftħu l-lejl kollu? X'passi ħadu fl-aħħar xahar il-pulizija biex jiċċekkjaw kemm qed tiġi mħarsa l-liġi dwar ftuħ u għeluq ta' discos?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet ġewwa discos sabiex tassigura illi r-regolamenti ta` l-1995 dwar iż-żamma ta` Bon Ordni f`lokalitajiet ta` divertiment ikunu osservati.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija dwar il-każ ta' avukat Għawdxi li ismu qed jingħata separatament in konnessjoni ma' abbużi fic-children allowance? Min kien l-ispettur li investiga l-każ? Jekk il-każ ittieħed il-qorti f'liema stadju wasal? U jekk il-każ ma wasalx il-qorti jew inkella twaqqfu l-proċeduri għaliex? Jista' jikkonferma li l-Kummissarju tal-Pulizija ordna lill-ispettur li nvestiga l-każ biex iwaqqaf il-każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija, fuq talba tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali, kienet bdiet proċeduri krimiali kontra l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant. Kienet ġiet ippreżentata ċ-ċitazzjoni fil-Qorti, pero` din ġiet irtirata wara li l-Pulizija kienet ġiet infurmata mill-istess Dipartiment, illi l-każ bejn id-Direttur tas-Sigurta` Soċjali u l-persuna msemmija kien ġie konkluż u għaldaqstant id-Dipartiment ma kienx aktar interessat fil-każ.
Jista' l-Ministru jitlob il-pulizija tiċċekkja abbużi minn jet skis fil-bajja ta' l-Armier u bajjiet oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija kienet u ser tibqa` tieħi passi meħtieġa kontra abbużi kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Fil-fatt, ninsab infurmat ukoll illi bejn l-1 ta` Ġunju u l-15 ta` Lulju ta` din is-sena, il-Pulizija qabdet 68 persuna li b`xi mod kienu qed jiksru xi regolament dwar l-użu ta` opri tal-baħar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ċittadini Maltin jiskontaw sentenzi ta' priġunerija barra minn Malta? Fejn qegħdin jiskontaw? Fuq liema reatri? Meta ngħatat is-sentenza fil-konfront tagħhom? Meta se jiskontaw is-sentenza tagħhom?
Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-jiem li għaddew delegazzjoni immexxija minnu kienet il-Libja kif irraporta l-BBC? Min kien jifforma parti minn din id-delegazzjoni? X'laqgħat saru u ma min? Jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra rapport tal-ftehim maqbul bejn id-delegazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Id-delegazzjoni Maltija żaret il-Libja bejn l-14 u l-15 ta` Lulju 2001. Id-delegazzjoni iltaqgħet man-naħa Libjana bħala Kumitat Konġunt taħt il-provvediment tal-Ftehim ta` l-1995 dwar Kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u l-kriminalita` organizzata. Ġie diskuss ukoll il-ftehim ta` Kooperazzjoni ta` l-1985 u l-ftehim ta` l-1994 dwar tibdil ta` priġunieri.
Id-delegazzjoni Maltija kienet iffurmata minn:
L-Onor. Tonio Borg, Ministeru ta` l-Intern
Dr R. Vella Laurenti, Ambaxxatur
Dr Anthony Borg Barthet, Avukat Ġenerali
Sur Louis Cilia, Segretarju Permanenti
Sur George Grech, Kummissarju tal-Pulizija
Sur Michael Cassar, Assistent Kummissarju tal-Pulizija
Sur Andrew Seychell, Assistent Kummissarju tal-Pulizija
Sur Martin Valentino, Kunsillier fl-Ambaxxata
Sur J. Scerri, Assistent Personali tal-Ministru
Ma ġie ffirmat l-ebda ftehim ġdid iżda ġie miftiehem li jsiru laqgħat fuq bażi regolari kemm fuq livell ministerjali kif ukoll fuq livell tekniku dwar is-suġġetti koperti fil-ftehim fuq imsemmija.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-aħħar qabda tad-droga fl-ajruport fit-12 ta' Lulju 2001, il-pulizija kienu infurmati madwar siegħa u nofs wara li daħal l-ajruplan mit-Turkija fl-ajruport? Veru li l-media kienet infurmata qabel il-pulizija? Jikkonferma li minħabba li l-pulizija ma kinux infurmati qabel, kien diffiċli biex isegwu għal min kienet destinata d-droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ġew infurmati bil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant għal ħabta tat-8.10am. Ninsab infurmat ukoll li ma kinetx il-Pulizija li nfurmat lill-media. Bħal kull każ ieħor meta il-media jiġu informati f`każijiet bħal dawn, dana ifixkel l-investigazzjoni tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu kontra l-kuntistabbli li isimhom qed jintbagħat separatament li t-tnejn ħadmu fil-ħabs ta' Kordin, issieħbu ma' mara ta' persuna misjuba ħatja ta' traffikar ta' droga f'kumpannija privata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi nbdew proċeduri ta` dixxiplina kontra l-uffiċjali in kwestjoni.
Jista' l-Ministru jgħid b'riferenza għas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ċivili fl-4 ta' Ottubru 2000, li iddikjarat bħala vjolazzjoni tal-kostituzzjoni l-emmendi għall-Ordinanza tad-Dekontroll tad-Djar tas-sena 1979 u li illum jiffurmaw l-artikolu 12(4) u (5) tal-istess Ordinanza, jista' jagħti informazzjoni x'passi u misuri qiegħdin jittieħdu biex is-sidien li xtraw id-djar tar-residenza tagħhom a bażi tal-emendi tas-sena 1979 u tax-xerrejja prospettivi tad-djar tar-residenza li huma soġġetti għal ċens temporanju, ikunu ċerti dwar il-legalita tat-titolu tagħhom rigward l-istess proprieta?
Response (BORG, TONIO)
Is-sentenza mogħtija mill-Qorti Ċivili fl-4 ta` Ottubru 2000, li ddikjarat bħala vjolazzjoni tal-kostituzzjoni l-emmendi għall-Ordinanza tad-Dekontroll tad-Djar tas-sena 1979 u li llum jiffurmaw l-artikolu 12(4) u (5) ta` l-istess Ordinanza, qiegħda tiġi appellata.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li minkejja l-interventi u s-serjeta tal-pulzija fil-kwistjoni li teżisti dwar il-liċenzja TL/V/18/98 u TL/V/38/98 u residenti ta' dawn l-inħawi fil-Mosta, dan is-supermarket, reġa żied aktar l-extractors li qed ikomplu joħolqu storbju u nkonvenjent kbir lir-residenti tant li residenti jinsabu fi stat ta' paniku kbir għaliex il-ħsejjes saru nsupportabli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn naħa ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, fis-sit in kwestjoni fejn twaħħlu l-imsemmija extractors fid-data ndikata fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27551, diġa` hemm Avviż Biex Tieqaf u Ta` Twettieq b`referenza ECF 1174/00 u dan ġie segwit b`azzjoni diretta fid-19 ta` Lulju 2001 billi ġie ssiġillat il-post.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra CV tal-kwalifiki li kellha l-persuna li isimha qed tidher separatament meta ingħata kuntratt ta' konsulent mill-Ministru tal-Intern u Politika Soċjali f'Diċembru 1989? Għaliex inħass il-bżonn li din il-persuna jkun impjegata bħala konsulent tal-Ministeru? Kemm dam fil-kariga ta' konsulent, fejn kien l-uffiċju tiegħu? Kemm-il darba siefer fuq xogħol ministerjali u min kien jifforma parti mid-delegazzjoni li ħa sehem fiha.
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar x'passi ħadu l-pulizija biex ikun ritranċjat il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament. X'irriżulta minn dawn il-passi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi saru tentattivi ma` l-awtoritajiet Taljani, fejn il-Pulizija kellha indikazzjonijiet li l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant tista` tkun, pero` s`issa għad ma kienx hemm riżultat pożittiv. Ma nħossx illi tagħrif aktar dettaljat dwar l-operat tal-Pulizija f`investigazzjoni li għad mhix konkluża, għandu jkun ippublikat.
Peress li l-problemi kibru flok naqsu għar-residenti Mostin qrib ta' l-inħawi tas-supermarket li għandu l-liċenzja TL/V/18/98 u TL/V/18/98, jista' l-Ministru jara li l-pulizija tinvestiga aktar is-sitwazzjoni ħalli ma' tkompliex tinkiser il-liġi u jispiċċaw l-inkonvenjent bla limitu li qed iħabtu wiċċhom miegħu r-residenti nkwistjoni? Jekk fl-affermativ meta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija diġa` ħadet u ser tibqa` tieħu l-passi kollha meħtieġa skond il-liġi. Infurmat ukoll li hemm proċeduri pendenti quddiem il-Qorti.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ispejjeż li saru fil-compound il-ġdid tal-pulizija? Liema kienu l-kuntratturi li wettqu xi xogħol f'dan il-compound? X'tip ta' xogħol għamlu? Meta ħarġu t-tenders u kemm kien l-ammont ta' kull kumpanija li tħallset? Għaliex dan il-compound li kellu jinfetaħ nhar it-Tnejn li għadda, ċ-ċerimonja kienet posposta? X'se jsir mill-irħama li diġa' kienet lesta bid-data tindika nhar it-Tnejn li għadda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif dwar l-ewwel 3 partijiet tal-Mistoqsija huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn it-tenders kienu ħarġu bejn l-1997 u din is-sena. Kif diġa` kien ġie avżat fi stqarrija għall-istampa, iċ-ċerimonja tal-ftuħ li kellha ssir nhar it-Tlieta 10 ta` Lulju 2001, kienet ġiet posposta minħabba breakdown fis-sistema tal-arja kondizzjonata. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi l-irħama kommemorattiva baqgħet fejn kienet u inbidel biss numru wieħed.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont minn Ottubru 1998 sa Ġunju 2001 minn fejn xtraw prodotti jew oġġetti l-Korp tal-Pulizija? Kemm kien il-ħlas u x'inxtara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sabiex jinġabar it-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant jenħtieġ ammont sostanzjali ta` ħin. Jekk l-Onorevoli Interpellant jispjega sodisfaċentement għaliex qed jitlob t-tagħrif hekk dettaljat, inkun f`pożizzjoni li nordna li jinġabar dan it-tagħrif.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-mistednin (guest list) għar-riċeviment li ta' l-Kummissarju tal-Pulizija fl-okkazzjoni tal-Milied 1998, 1999, 2000 u l-Police Day 1999, 2000 u 2001?
Jista' l-Ministru jinfurmani x'passi ħa sabiex jara li tiġi rispettata l-ittra li bgħat is-Sindku tal-Mosta nhar it-3 ta' Novembru 2000 li tagħha qed nibagħat kopja separatament dwar l-ilmenti ta' residenti Mostin inkwistjoni?
X'progress sar, x'passi ttieħdu? X'inhija l-posizzjoni tas-sitwazzjoni tar-residenti dwar l-ilmenti msemmija?
Jista' jara li ssir il-ġustizzja meħtieġa sabiex dawn ir-residenti ikun jistgħu jgħixu bħan-nies.