Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #17234 Sitting 358 2006-02-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Attivitajiet kulturali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16844, peress li kien hemm anke intervisti fil-gazzetti minn persuni li għandhom ċertu responsabbilta' fil-qasam kulturali li ssuġġerew tnaqqis jew it-tneħħija tal-VAT minn fuq il-biljetti tad-dħul ta' attivitajiet kulturali, jikkonsidra l-gvern li jieħu dan is-suġġeriment, anke jekk m'hemmx talba formali, ħalli jgħin biex aktar nies u familji jersqu lejn dawn l-attivitajiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onor interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #17237 Sitting 358 2006-02-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Okestra privata

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ġiex informat jew inkella sarx jaf b'xi tentattivi li tiġi ffurmata orkestra privata full-time? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi taħditiet bejn dawn il-persuni l i qed jiffurmaw din l-orkestra ġdida u l-ministeru jew xi persuni oħra fid-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid ukoll x'impatt jista' ikollha din l-orkestra l-ġdida fuq l-orkestra nazzjonali? Il-fatt li jista' ikun hawn orkestra oħra fil-pajjiż fil-livell ta' l-orkestra nazzjonali, din tista' tibdel b'xi mod il-politika tal-gvern f'dan ir-rigward?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li hawn inizjattiva biex tiġi ffurmata orkestra full-time privata. Fil-fatt il-promotur ta’ din l-inizjattiva talab li jiltaqa’ miegħi, liema laqgħa diġà seħħet. Ma narax għaliex il-formazzjoni ta’ orkestra privata għandha tbiddel il-politika tal-Gvern fir-rigward ta' l-Orkestra Nazzjonali li se tibqa' tingħata l-akbar appoġġ u sostenn kif żgur jixirqilha.
Leg 10 PQ #17253 Sitting 358 2006-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'riżorsi finanzjarji u x'miri għamlet l-MTA mas-segment leaders f'kull segment imsemmi f'mistoqsija parlamentari 15837?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Filwaqt illi nikkonferma li ġew stabiliti kemm riżorsi finanzjarji u miri għal kull segment u segment leader kif imsemmi fil-Mistoqsija Parlamentari numru 15837, ma nħossx illi din l-informazzjoni għandha titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, minħabba in-natura sensittiva tagħha.
Leg 10 PQ #17386 Sitting 358 2006-02-27 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bieb ta' Wignacourt

Question

Il-BOV kellhom xi kondizzjoni mill-MEPA biex jibnu l-Bieb ta' Wignacourt meta applikaw għall-bini tagħhom (taċ-ċentru) fil-post fejn qiegħed? Hemm xi idea fejn qegħdin il-ġebel ta' dan il-bieb li twaqqa' fil-gwerra?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura m'għandiex informazzjoni dwar fejn jistgħu jkunu miżmuma l-ġebel tal-bieb li kien hemm fl-Akwadott ta' Wignacourt, Santa Venera. Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qiegħed jagħmel stħarriġ dwar dan il-kaz. Ir-riżultat ta' dan l-istħarriġ jiġi kkomunikat iktar 'il-quddiem. Il-mistoqsija dwar kundizjonijiet li setgħu kienu mhemuża ma' xi permess ta' żvilupp, għandhom jiġu ndirizzati lill-Awtorita' dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Leg 10 PQ #17459 Sitting 358 2006-02-27 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Deployment ta' ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid min se jkun qed iħallas il-pagi tal-ħaddiema ta' l-MTA li ġew deployed f'post ieħor?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-pagi ta' din is-sena tat-tlett ħaddiema ta' l-MTA li ġew deployed f'post ieħor hija inkluża f'allokazzjoni li rċeviet l-MTA mill-Gvern Ċentrali u għalhekk jkunu mħallsa mill-MTA stess.
Leg 10 PQ #14243 Sitting 357 2006-02-22 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Żjajjar f'postijiet storiċi

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm nies żaru l-mużewijiet jew siti tal-Heritage Malta din is-sena u s-sena l-oħra, b'ċifri għal kull mużew jew sit?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Leg 10 PQ #17247 Sitting 357 2006-02-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Tour Operators Barranin

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16512 u jgħid jirriżultalux li xi tour operators barranin din ix-xitwa ddeċidew li għal xi żmien jieqfu jġibu turisti lejn Malta u Għawdex? Jekk iva, min huma dawn l-operators? Ittieħdu xi passi rimedjali dwar dan? Jekk iva, x'passi ttieħdu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 10 PQ #16967 Sitting 356 2006-02-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Settur Turistiku — Reklamar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se jiswa r-reklamar għas-settur lokali tat-turiżmu li se jsir fuq CNN u l-BBC matul din is-sena? X'qed jistenna bħala riżultat f'dak li huwa numru ta' turisti frott ta' dawn ir-reklami fuq perjodu ta' tlett snin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li mistenni li jkunu minfuqa madwar Lm 360,000 (US$ 1,000,000) f'pubbliċita' favur Malta fuq l-istazzjon tas-CNN. Dan ikopri l-Ewropa kollha, in-Nord ta' l-Afrika u l-Lvant Nofsani. Huwa mistenni li b'dawn ir-reklami jintlaħqu żewġ oġġettivi: tiżdied sostanzjalment id-dehra ta' Malta fi swieq internazzjonali, u b'hekk tiżdied il-possibilta' li nies f'dawn il-pajjiżi jitħajjru jżuru Malta; tkun ukoll l-ewwel possibilta' li jkollna biex nesponu lill-Malta fid-dawl tar-riżultati miksuba bħala parti mill- branding exercise b'enfasi fuq il- core values ( Hospitality, Heritage and Diversity ). Ma jirriżultax illi se jsiru xi reklami fuq il BBC.
Leg 10 PQ #17075 Sitting 355 2006-02-20 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turiżmu u Kultura — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi matul is-sena 2005 mill-ministeru u d-dipartiment li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu? Ta' liema tip kienu u kemm swiet kull waħda minnhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2005 nxtrat karozza waħda tat-tip Honda Accord u kienet tiswa Lm 10,500. Din inxtrat għall-użu tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura skond it-termini tal-kuntratt tiegħu kif maħruġ mill-Uffiċju tal-Primi Ministru.
Leg 10 PQ #16902 Sitting 354 2006-02-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Esperti fil-qasam ta' l-agrituriżmu

Question

Jista' il-Ministru jinformani min kienu l-esperti fil-qasam ta' l-agrituriżmu li żaru l-gżejjer tagħna sabiex jipproponu pjan lill-gvern għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli fil-gżejjer tagħna? Jista' ipoġġi kopja ta' dawn il-pjani fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li la l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u lanqas l-Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta ma ġabu ebda espert fil-qasam ta' l-agrituriżmu f'Malta.
Leg 10 PQ #17041 Sitting 354 2006-02-15 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Uffiċċji barra minn Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema bliet barranin għandha uffiċċju l-MTA? Min huma l-impjegati ta' kull uffiċċju u x'salarju u benefiċċji oħra għandu kull wieħed?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant.

Turiżmu u Kultura — Impjegati "il fuq minn 61 sena

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16267, jista' il-Ministru jgħid jekk mill-persuni impjegati li għandhom 'il fuq minn 61 sena fid-dekasteru tiegħu, liema persuni dehru fit-tabella mpoġġija fuq il-mejda tal-Kamra, hemmx minnhom li huma mid-distrett elettorali tiegħu jew imniżżlin fir-reġistru elettorali bħala residenti fid-distrett tiegħu? F'każ li fl-affermattiv, kemm hemm uffiċjali mid-distrett tal-ministru u minn liema distrett/i huma?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-impjieg ta’ persuni f’entitajiet pubbliċi jsir a bażi tal-ħiliet ta’ l-individwu. Għalhekk ma narax ir-rilevanza tal-mistoqsija li qed jagħmel l-Onor Interpellant. Jekk għandu xi mistoqsija dwar il-mod kif xi impjegat partikolari daħal jaħdem ma’ xi entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-dikasteru tiegħi, nitolbu jagħmilha b’mod speċifiku.

Turiżmu u Kultura — Impjegati ta' 'il fuq minn 61 sena

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16267, jista' il-Ministru jgħid jekk minn dawk impjegati ta' 'il fuq minn 61 sena fid-dekasteru tiegħu, hemmx minnhom jew qraba tagħhom li huma canvassers jew fil-passat kienu canvassers tiegħu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 17141.
Leg 10 PQ #17031 Sitting 353 2006-02-14 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Beach Cleaners

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' beach cleaners? Jista' jgħid mnejn huma u fejn qed jaqdu d-doveri tagħhom individwalment?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant.
Leg 10 PQ #16492 Sitting 352 2006-02-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turiżmu u Kultura — Taxxi/Tariffi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu minn Ottubru 2004 sal-lum? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-tariffi ta' liċenzi u ta' kontribuzzjonijiet lill-MTA minn operaturi turistiċi fis-seħħ bejn Ottubru 2004 u Jannar 2006 huma dawk stabbiliti skond l-avviżi legali numri 240 ta' l-1997, 123 ta' l-2002, 184 ta' l-2002, 100 ta' l-2003, 157 ta' l-2003 u 87 ta' l-2005. L-ammonti ta' ħlas għall-liċenzi u tariffi oħra jinbidlu minn żmien għal żmien. It-tibdil li kien hemm bejn Ottubru 2004 u Jannar 2006 jidher fit-Tabella 'A' u fit-tabella 'B' li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Kif indikat f'tabella 'A', fir-rigward ta' liċenzi, kien hemm tnaqqis fit-tariffi ta' ċerti kategoriji ta' ristoranti, snack bars u kiosks filwaqt li kien hemm żidiet fit-tariffi għall-permessi biex isir entertainment okkażjonali u għall-estensjonijiet ta' ħin ta' l-għeluq wara is-1 a.m. Fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet lill-MTA, kif indikat fit-Tabella 'B', kien hemm tnaqqis fit-tariffi ta' ċerti ristoranti u snack bars, operaturi ta' l-ivvjaġġar, faċilitajiet ta' trasport u ħwienet kummerċjali f'lukandi, filwaqt li kien hemm żidiet fit-tariffi ta' discos, bars fejn hemm iż-żfin u ta' proċessar ta' ċerti applikazzjonijiet. Fil-kontribuzzjonijiet lill-MTA kien hemm ukoll tibdil fis-sistema ta' kif jiġu kkalkulati t-tariffi ta' bars, kiosks, operaturi ta' l-ivjaġġar u ta' l-iskejjel li jgħallmu l-lingwi biex issa dawn it-tariffi saru aktar ġusti u aktar faċli biex jiġu kkalkolati. Ta' min jgħid li b'riżultat ta' l-aħħar aġġustamenti fit-tariffi, mhux anqas minn 728 operatur kellhom l-ammont tal-liċenzja tagħhom mnaqqas biex globalment il-piż tat-tariffi fuq l-operaturi tnaqqas b'madwar Lm 32,000 fis-sena.
Leg 10 PQ #17061 Sitting 352 2006-02-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16974 u jagħti lista ta' events f'pajjiżi oħra, inklużi fieri u kull tip ta' delegazzjoni li ħadet sehem fiha l-awtorita' Maltija tat-Turiżmu, matul Jannar 2006 pajjiż b'pajjiż? F'kull każ kemm kien hemm persuni li għalihom ħallset l-MTA u f'kull każ kemm marru persuni u x'kienet l-iskop ta' kull żjara u jekk saritx evalwazzjoni fuq bażi ta' value for money għal kull żjara?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Leg 10 PQ #16845 Sitting 351 2006-02-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kavallieri ta' San Ġakbu — Xogħlijiet

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fil-Kavallieri ta’ San Ġakbu fis-sena 2005? Kemm ġew jiswew dawn l-istess xogħlijiet? Jista’ jgħid ukoll x’hemm ippjanat għal matul din is-sena u kemm huwa maħsub li ser jintefaq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2005 ma sar l-ebda xogħol strutturali fil-Kavallier ta' San Ġakbu Ċentru għall-Kreattività. Bħalissa qed jitwettqu xogħlijiet fis-sistema ta’ l-arja kundizzjonata u dawn se jiswew madwar Lm 18,000.
Leg 10 PQ #16846 Sitting 351 2006-02-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fuq fuq x’ħidma wetqet Heritage Malta matul is-sena 2005? Jista’ jgħid ukoll x’inhu maħsub u ppjanat li jsir matul din is-sena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-ħidma li twetqet fl-2005 ser tikun pubblikata u preżentata mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura sa nofs Frar 2006 fid-dettal permezz tal-‘Annual Report’ tal-aġenzija. Dan jitqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra. Ir-rapport ikun jinkludi il-proġetti kapitali, eżibizzjonijiet u ħidma ohra bejn Ottubru 2004 u Settembru 2005. Ghal 2006 Heritage Malta għamlet pjan ta’ ħidma li jinkludi l-tisħiħ u konsolidazzjoni tal-aġenzija u l-organisation structure; pjan ta’ edukazzjoni fil-wirt kulturali għal kull eta’: tfal ta’ l-iskola; kunsilli lokali; studenti ta’ l-MCAST u l-Universita’; korsijiet qosra ta’ apprezzament ta’ oġġetti antiki fost ohrajn; tkabbir u iktar varjeta’ fil-program ta’ lectures, attivitajiet, esperjenza ta’ hands on għat-tfal; iktar parteċipazzjoni fil-proġetti tal-EU, proġetti ma l-iktar numru possibli ta’ stakeholders. Wieħed jista jara iktar dettalji ta’ dan il-pjan fl-uffiċju ta’ Heritage Malta. Dan minbarra proġetti ta' restawr u interpretazzjoni f'numru ta' siti importanti li se jitkompla jew jibda matul din is-sena fosthom il-proġett ta' Ħaġar Qim u l-Imġarr, Ġgantia u t-Tempji ta' Ħal Tarxien.
Leg 10 PQ #16847 Sitting 351 2006-02-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Dar il-Mediterran għall-Konferenzi

Question

Jista’ il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16655 minħabba li ma nistax nifhem x’hemm ta’ natura kummerċjali fil-mistoqsija u cioe` li jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjan tal-perit dwar kif kienet se tintuża s-sala u partijiet oħra ta’ Dar il-Mediterran waqt il-party ta’ lejliet l-ewwel tas-sena u li kienet waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuq l-organizzaturi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Dar il-Mediterran għal Konferenzi huwa post kummerċjali li jrid jikkompeti għax-xogħol ma’ entitajiet oħrajn. Kull informazzjoni li jitlob dan iċ-Ċentru mingħand ażjendi privati trid titqies li għandha valur kummerċjali. Ikun ta’ ħsara għaċ-Ċentru jekk din l-informazzjoni tibda tiġi ppubblikata. L-effett ta’ dan jista’ jkun li kumpaniji jiddeċiedu li ma jersqux aktar lejn iċ-Ċentru.