Legislature:
Category:
Reset
Active:

IT-TIENI DISTRETT — TOROQ - Tarmac

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 35990, cioe' jgħid liema toroq fit-Tieni Distrett se jingħataw it-tarmak sa l-aħħar ta' din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35990.

Bini tat-Toroq

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36187, jista' jgħid x'inhu l-ammont li ntnefaq fuq il-bini tat-toroq mill-1 ta' Ottubru, 1998 sal-lum, kull sena separatament? Jista' jagħti d-dettalji dwar in-nefqa li saret f'kull triq, inkluż l-isem tat-triq u l-lokalita`?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Vapuri Reġistrati taħt il-bandiera Maltija

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' vapuri, u x'inhu t-tunellaġġ gross tagħhom, li huma reġistrati taħt il-bandiera Maltija? Kemm jidħlu flus minn dawn ir-reġistrazzjonijiet u xi stima hemm tal-multiplier effect li għandhom fuq Malta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li sa l-aħħar ta' Settembru 2002, 3143 bastiment b'tunellaġġ gross totali ta' 27,064,333 kienu reġistrati taħt l-Att Dwar il-Bastimenti Merkantili. Matul il-perjodu 1 ta' Ottubru 2001 u 30 ta' Settembru 2002, l-Awtorita' Martittima ta' Malta daħħlet iktar minn Lm2.67 miljun bħala drittijiet ta' reġistrazzjoni. Huwa ferm diffiċli biex jiġi kkalkulat il-'multiplier effect' li din l-attivita' għandha fuq l-ekonomija Maltija, iżda żgur li dan huwa wieħed konsiderevoli.

Toroq

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 32849, jista' il-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba kienx hemm żviluppi posittivi għar-rigward din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi meta ngħatat ir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32849 ma sarx aktar żvilupp f'din it-triq u għalhekk il-pożizzjoni għadha dik indikata fil-Mistoqsija Parlamentari numru 30891.

Marsa — Triq is-Sajjieda

Question

Peress li fi Triq is-Sajjieda l-Marsa qed jinġemgħu l-ilmijiet, jista' il-Ministru jgħid tistax titranġa s-sitwazzjoni?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għat-Toroq biex jara l-ilmenti li qed isemmi l-Onor. Interpellant sabiex jistabilixxi x'qed jikkawża li jinġemgħu l-ilmijiet.

Santa Venera — Triq il-Palazz l-Aħmar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta d-direttorat tat-toroq beħsiebu jibni mill-ġdid Triq il-Palazz l-Aħmar Santa Venera issa li lesta s-surveys u l-pjanti li kien hemm bżonn biex b'hekk isolvi l-problema tal-għargħar ta' l-ilma tax-xita li qed jagħmel ħsara mhux biss il-wiċċ ta' l-istess triq, iżda wkoll lill-proprjeta' privata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed timplimenta programm ta' asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien.

Trasport u Komunikazzjoni — Kuntratti lill-Kumpanniji u Periti Privati

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum jekk ingħatawx kuntratti jew xi xogħlijiet oħra lill-periti jew kumpannija ta' periti privati fid-dekasteru tiegħu? X'kienu dawn ix-xogħlijiet jew kuntratti u kemm jiswew kull wieħed? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm sejħa għall-offerti jew le?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ma narax il-ħtieġa li tinġabar l-informazzjoni dettaljata mitluba. Iżda, jekk l-Onor. Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi każ partikolari, nitlobu jagħmel mistoqsija speċifika.

Permessi għall-Hearse/Taxi

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huwa awtorizzat li jiffirma u jagħti permessi ġodda għall-hearse u t-taxis? Jista' jgħid ukoll huwiex il-ħsieb tal-gvern li jżid dawn it-tip ta' permessi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport għandha l-poter li toħroġ dawn il-permessi. Fir-rigward tal-hearses jeħtieġ ukoll permess mid-Dipartiment tas-Saħħa. Dwar l-aħħar parti tad-domanda nirreferi l-Onor. Interpellant ghar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35692.

UNJONI EWROPEA — PERSUNI B'DIŻABILITA'

Question

Il-Gvern Malti ssieħeb ma' l-Unjoni Ewropea biex is-sena 2003 tkun is-Sena Ewropea tal-persuni b'diżabilita'. Jista' il-Ministru jgħid x'qed jippjana l-ministeru tiegħu għal din is-sena biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha.

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li d-diversi entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni, minn żmien għal żmien, jieħdu inizjattivi b'risq il-persuni bi bżonnijiet speċjali:- Awtorita' dwar it-Trasport: Id-diversi direttorati f'din l-Awtorita' jkollhom diskussjonijiet kontinwi mal-Kummissjoni għall-Persuni b'Diżabilita'. Fost dawn hemm l-ippjanar u disinjar ta' toroq, bankini, pedestrian crossings u faċilitajiet ta' parkeġġ. Wieħed irid isemmi wkoll li l-karozzi tal-linja l-ġodda huma maħsuba biex jiffaċilitaw il-mobilta'. Awtorita' Marittima ta' Malta: Bħalissa din l-Awtorita' qed tieħu ħsieb il-proġetti taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, Għawdex, fejn qed jinbnew faċilitajiet ġodda għall-passiġġieri li jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer. Fost dawn il-faċilitajiet hemm il-bini ta' żewġ Terminals li ġew disinjati b'mod li jkun hemm aċċessibilita' għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Minbarra hekk, l-uffiċini l-ġodda ta' l-istess Awtorita' qed jiġu disinjati b'tali mod li jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Awtorita' ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni: Għalkemm il-funzjoni ta' din l-Awtorita' hija waħda regolatorja, madankollu hi tara li l-Operaturi fis-settur tal-Komunikazzjoni jaqdu l-obbligi tagħhom lejn dawn il-persuni. Fost dawn, l-Awtorita' ħarġet dokument ta' konsultazzjoni dwar l-Obbligi ta' Servizzi Universali (Universal Service Obligations) fejn qed jiġi propost li l-Operaturi jkunu obbligati joffru diversi servizzi. Fost dawn hemm servizzi għal nies għomja, jew torox kif ukoll għal nies oħra b'xi forma ta' diżabilita'. L-Operaturi jkunu obbligati li joffru dawn is-servizzi bi prezzijiet raġonevoli. Dan id-dokument wieħed jista' jarah fuq il-website ta' l-istess Awtorita'.

Għawdex — Rabat - Traffic Lights

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 26447 cioe' billi kull darba li l-karrozzi tal-linja jiġu biex jgħaddu minn Pjazza San Franġisk għal Triq Putirjal, Rabat - Għawdex, qed ikun hemm konġestjoni kbira tat-traffiku, jista' il-Ministru jgħid jekk hux possibbli li jiġu stallati traffic lights li jaħdmu b'sistema elettronika li meta l-karrozzi tal-linja jkunu viċin tagħhom jinxtgħel id-dawl aħmar u hekk it-traffiku li jkun ġej minn Triq Putirjal u mill-parking ta' ħdejn il-bus terminus jieqaf sa x'ħin jgħaddu tal-linja? Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk minn meta ngħatat ir-risposta tiegħu kienx hemm xi żviluppi?

Response (GALEA, ĊENSU)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26447 ta' Ġunju 2001, jiena nfurmat illi l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku ta' dak iż-żmien kien ikkunsidra il-proposta ta' l-Onor. Interpellant iżda nstab li dan is-suġġeriment ma jistax jiġi mplimentat. L-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda ssegwi s-sitwazzjoni biex 'il quddiem tkun tista' tinstab soluzjoni sodisfaċenti.

Kalkara — Triq Antonio Falzon

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 34645, jista' il-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba kienx hemm żviluppi posittivi għar-rigward Triq Antonio Falzon, Kalkara?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi d-Direttorat tat-Toroq għandu diversi talbiet għal- xogħlijiet fejn l-iżvilupp għadu lura bħal f'dan il-każ, u għalhekk qiegħed fil-proċess biex jifformula pjan biex toroq bħal dawn li jkunu ilhom miftuħa imma ma fihomx ħafna żvilupp, ikunu jistgħu jingħataw surfacing temporanju biex ir-residenti f'dawn it-toroq ma jibqgħux f'sitwazzjonijiet ta' nkonvenjent.

Xgħajra — Toroq

Question

B'riferenza għal misotqsija parlamentari 34643, jista' il-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba kienx hemm żviluppi posittivi għar-rigward it-toroq Mulett u AG Chesney Xgħajra?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi d-Direttorat tat-Toroq għandu diversi talbiet għal xogħolijiet fejn l-iżvilupp għadu lura bħal dan il-każ, u għalhekk qiegħed fil-proċess biex jifformula pjan biex toroq bħal dawn li jkunu ilhom miftuħa imma ma fihomx ħafna żvilupp, ikunu jistgħu jingħataw surfacing temporanju biex ir-residenti f'dawn it-toroq ma jibqgħux f'sitwazzjoni ta' nkonvenjent.

Vetturi

Question

Jista’ il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35432, jista' jagħti tagħrif kemm-il vettura tal-passiġġieri ġew fabbrikati f’Malta wara li jkunu ġew importati knocked down? Kemm minn dawn kienu mmuntati mil-lat industrijali u kemm mil-lat individwali? Kemm minn dawn iż-żewġ tipi ġew reġistrati ma’ l-uffiċċju tal-liċenzji? Kemm kien id-dħul tal-gvern f’dak li għandu x’jaqsam ma’ liċenzji f’dawn l-aħħar erba’ snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li billi ma kienx possibbli li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tinġabar mis-sistema komputerizzata, id-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet għamel eżerċizzju manwali li minnu rriżulta li f'dawn l-aħħar erba' snin ġew impurtati u reġistrati żewġ vetturi tal-passiġġieri 'knocked down' minn individwi. Minn dawn iż-żewġ vetturi l-Gvern, bħal liċenzji, daħħal l-ammonti indikati hawn taħt: 2001 - Lm 105 2002 - Lm 55

Salina/Burmarrad — Ħitan tas-Sejjieħ

Question

Jista' il-Ministru jinformana għaliex ma sarux il-ħitan tas-sejjieħ fil-ġnub tat-toroq tas-Salina u ta' Burmarrad sabiex tinżamm l-estetika u l-karatteristika rurali? Jista' ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li jimmarkaw minn fejn se jgħaddi l-ilma tax-xita minn dawn it-toroq u fejn se jispiċċa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal-Mistoqsija Parlamentari nru. 35856. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' pjanti li juru kif se jiġi channeled l-ilma tax-xita fl-imsemmija toroq.

Fgura — Triq Hompesch

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ilu għaddej ix-xogħol fuq Triq Hompesch, Fgura? Kemm flejjes intnefqu? Jista' jiġi indikat ukoll, bl-aktar mod dettaljat, dwar ix-xogħol kollu li sar sal-lum u x'jonqos li jsir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-proġett ta' Triq Hompesch fil-Fgura effettivament beda f'Ottubru 2001 wara li ġie mwaqqaf mill-Kunsill tal-Fgura fil-bidu ta' Settembru. S'issa ntefqu Lm318,306.10 li jinkludu s-servizzi ta' l-ilma, storm water culvert, reconstruction tas-sub base tat-triq, xogħol ta' asfalt, kurduni u bankini. Jonqos li jissaqqaf il-ġibjun li hemm ħdejn HSBC kif ukoll li jingħata t-tarmac fuq il-parking area li għandha ssir fuq l-istess ġibjun.

Xgħajra — Xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista' il-Ministru jindika f'liema stadju amministrattiv jinsabu l-proċeduri sabiex jinbeda x-xogħol fuq t-toroq Carmelo Penza u Carmelo Ritchie, Xgħajra?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li d-Direttorat tat-Toroq ġabar l-informazzjoni meħtieġa sabiex isiru dawn it- toroq u li issa ġew inklużi fil-programm ta' xogħolijiet li d-Direttorat qed iħejji biex jintlaħqu t-talbiet li ġew preżentati mill-Kunsilli Lokali kollha.

Universita' ta' Malta — Traffic Calming u Management

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi ta' traffic calming u management fil-bypass taħt l-universita' (lejn B'Kara) peress li tintuża minn ħafna studenti u residenti bil-periklu għalihom għax m'hemmx traffic lights u zebra crossing li jgħinu pedestrians jaqsmu? Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku jixtieq jiġbed l-attenzjoni li d-disinn tal-Junction inkorpora fiħ pedestrian subway li ssolvi l-problema tan-nies li għandhom bżonn jaqsmu għan-naħa l-oħra.

Pulizija

Question

Peress li jidher li n-numru ta' inċidenti tat-traffiku qed jiżdiedu u konsegwentement anke l-imwiet, jista' il-Ministru jgħid qattx saru xi studju/i biex ikun magħruf kif u għaliex qed isiru ċerti inċidenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta qiegħda taħdem mal-pulizija (Sezzjonijiet ta' traffiku w ta' IT) biex tirrevedi w taġġorna s-sistema ta' rapporti ta' l-inċidenti fit-toroq. Ir-raġuni ta' dan l-eżerċizzju hu biex jgħaddi nformazzjoni aktar dettaljata u relevanti lid-disinjatur tat-toroq sabiex ikun mgħaruf xi jwassal għal inċidenti tat-traffiku. Fil-futur qarib hu mistenni li l-Awtorita' tuża sistema ta' geographical information sabiex tidentifika black spot u xi defiċjenzi fid-disinji tat-toroq, sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jonqos il-periklu. Barra minnhekk informazzjoni bħal din tkun ta' għajnuna għal Awtorita' biex timmira għal dawk in-nies li jagħmlu użu minn dawn it-toroq għall-kampanja edukattiva u taħriġ kif ukoll biex tiżvilupppa policy tat-trasport iżjed addattata għal dan il-għan biex tgħin jitnaqqsu inċidenti tat-traffiku.

Swieqi — Triq it-Tiben

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemx il-permessi meħtieġa biex Triq it-Tiben, Swieqi tingħalaq b'ċint fil-parti biswit Triq il-Faxxina u tgħalaq l-aċċess għall-kumplament ta' Triq it-Tiben li jwassal għal Triq il-Qasam?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill- Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Wied il-Għajn — Toroq

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 33256, jista' il-Ministru jaġġornani bil-lista ta' toroq li għamel il-gvern ċentrali f'Wied il-Għajn f'din il-leġislatura? Kemm kienet l-ispiża totali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-toroq li saru f'Wied il-Għajn f'dawn l-aħħar erba' snin hekk kif mitluba mill-Onor. Interpellant.