Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni fuq il-main tad-dawl u ilma ta' xebba anzjana li l-partikolaritajiet jinsabu separatament li qiegħda tilmenta li l-main u l-meter tad-dawl tagħha huwa diffetuż?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta kemm lill-Korporazzjoni Enemalta kif ukoll lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' l-Ministru jgħid billi s-sena 2003 hi s-sena Ewropea għall-persuni b'diżabilita' tikkunsidra l-Maltapost li tfakkar din is-sena b'sett ta' bollol?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Maltapost għall-kunsiderazzjoni tagħha.
Jista' l-Ministru jinvestiga b'urġenza rapporti li ħiereġ ħafna ilma minn block 1 tal-bini tal-gvern ta' Triq il-Gżira, tant li bosta residenti fosthom ta' block 1, dr 3, flt 3, ilhom mingħajr is-servizz ta' l-ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li fil-fatt il-ħsara imsemmija issewwiet.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 31506 u cioe, jista' jgħid kemm fil-fatt kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus għal rapporti /studji dwar l-operat tat-temexxija tal-gvern u dwar l-impatt ta' sħubija ta' Malta fl-UE li saru mill-ministeru u/jew id-dipartiment u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1999, 2000 u 2001?
Liema kienu dawn ir-rapporti separatament u kemm minnhom tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba dwar rapport/studji marbuta mas-sħubija fl-Unjoni Ewropeja qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-parti tal-mistoqsija dwar "rapporti/studji dwar l-operat tat-tmexxija tal-Gvern" għada vaga u vasta wisq. Naħseb l-Onorevoli Interpellant jaqbel li mhux possibbli li jiġi kkalkolat l-infiq (inkluż ukoll il-pagi ta' min jagħmilhom) fuq in-numru li ma jispiċċa qatt ta' rapporti u studji li jsiru, jew ikunu qiegħdin jinkitbu kontinwament u ta' kuljum mill-impjegati waqt l-operat normali ta' kull dipartiment u entita' tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid kif l-istabiliment li ismu qed jintbagħat separatament għandu s-servizz ta' l-elettriku meta l-kumpannija ilha aktar minn sena ma tħallas lill-Enemalta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-provvista ta' l-elettriku ta' l-istabbiliment in kwistjoni ġiet sospiża mill-Consumer Unit tal-Konsumatur.
Pero' tajjeb wieħed jgħid li fil-bini ta' l-istess stabbiliment hemm substation li tipprovdi l-elettriku lill-konsumaturi oħra.
Jista' l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet fi Triq ta' Xtut, il-Qawra (ħdejn il-boat houses) tal-main ta' l-ilma peress li l-ħsarat ilhom jumejn pendenti u qed jinħela ħafna ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa kemm jista' jkun malajr.
Jista' l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet sabiex tinbidel bozza maqtgħuha li hemm fi Triq Konti Ruġġieri, kantuniera ma' Triq Santa Marija, Rabat, Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-manutenzjoni meħtieġa diġa' saret.
Jista' l-Ministru jgħid tistax l-Enemalta tgħarraf lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament jekk hiex ser tirrifondilu l-Lm250 deposit fuq il-meter tad-dawl wara li kien hemm suspetti mhux ippruvati li l-meter seta' ġie mbagħbas? X'investigazzjonijiet saru biex jiġi stabbilit jekk dan l-allegat abbuż sarx mir-resident li kien hemm qablu fl-istess fond?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' l-Ministru jgħid billi t-telefon li n-numru tiegħu qed jintbagħat separatament qed jikkawża inkonvenjent kbir lill-anzjana in kwistjoni; għax qed jċemplu fuqu matul il-lejl, jista' d-dipartiment konċernat jinvestiga l-każ u jżomm lill-anzjana mgħarrfa bil-miżuri li tista' tieħu sabiex tirrimedja għall-dan l-inkonvenjent?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-telefon imsemmi tpoġġa fuq "automatic malicious call tracing". L-abbonata ġiet infurmata biex malli tirċievi sejħa li tkun ta' inkonvenjent, tikkuntattja mill-ewwel lill-uffiċjal inkarigat minn din it-taqsima ħalli dan, min-naħa tiegħu, jekk ikun il-każ, jgħaddi l-każ f'idejn il-pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inbiegħ pitrolju mill-1 ta' Jannar 2002? Kif jikkompara ma' l-istess żmien tas-sena li għaddiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena il-bejgħ tal-pitrolju kien ta' 7,665,600 litru. Dan l-ammont juri żieda ta' tnejn u għoxrin fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra meta l-bejgħ kien jammonta għal 6,290,870 litru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-Environment Impact Assessment/Statement saru minn Settembru ta' l-1998 sal-lum, fuq talba tal-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Minn min saru u kemm swew?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li matul is-sena l-oħra l-Malta Drydocks ikkummissjonat studju dwar "Environment Impact Assessment". Dan l-istudju sewa 7,500 dollaru Amerikan.
Jista' l-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 34237 u għid x'riżorsi ħarġet il-Maltacom biex timbotta 'l quddiem il-kandidatura tas-Sur Tonry de Borro għall-post ta' segretarju ġenerali ta' l-organizzazzjoni dinjija tat-telekomunikazzjoni - ITU?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li r-riżorsi li ħarġet il-Maltacom in konnessjoni mal-kandidatura tas-Sur de Bono għall-post ta' Segretarju Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Telekomunikazzjoni (ITU) kien jinvolvi spejjeż li normalment ikunu inkorsi f'kampanji ta' din it-tip.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34238, jista' jgħid xi spejjeż daħlet fihom il-Maltacom fil-vjaġġi u l-kampanja elettorali li għamel is-Sur Tony de Bono fil-pajjiżi tad-Danimarka, Iżlanda, Libanu, Afrika ta' Isfel, Svizzera, Renju Unit, Stati Uniti u Venezuela biex jinħatar segretarju ġenerali ta' l-ITU?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul il-kampanja Elettorali għall-post ta' Segretarju Ġenerali ta' l-International Telecommunications Union, il-kandidat Malti għamel tmien vjaġġi barra minn Malta. L-ispejjeż involuti, u li jkopru l-vjaġġi, l-akkomodazzjoni, l-assikurazzjoni u ħwejjeġ oħra, jammontaw għal Lm7,865. Ta' min jgħid li din is-somma tkopri kemm l-ispejjeż konnessi ma' l-elezzjoni kif ukoll materji li minnhom ibbenifika il-Grupp Maltacom.
Tajjeb jingħad li minbarra l-aspett ta' l-elezzjoni, matul dawn il-vjaġġi, il-kandidat Malti kien ukoll involut direttament f'dawn il-konferenzi fil-kariga uffiċċjali li għandu mal-Grupp Maltacom.
Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex il-koppja anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament terġa' tingħata s-servizz tad-dawl li ġie maqtugħ min-naħa ta' l-Enemalta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li kuntrarjament għal dak li qed jingħad fil-mistoqsija, il-koppja msemmija ma sarilha l-ebda qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku min-naħa tal-Korporazzjoni Enemalta. Kull ma' kien hemm kien biss ħsara li ssewwiet.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33902, jista' jgħid jekk dawk l-esperti fil-laboratorju tal-pulizija li japplikaw u jintgħażlu bħala forensic divisional manager jew scientists jew technicians mal-MIMCOL iżommx il-grad u s-seniority li kellhom mal-korp tal-pulizija? Jista' jgħid jekk dan japplikax ukoll għal dawk li huma seconded mal-korp tal-pulizija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-ingaġġ imsemmi huwa mal-Malta National Laboratory Co. Ltd. u mhux mal-MIMCOL.
Il-pożizzjoni ta' kull min ikun jaħdem fil-Malta National Laboratory, inkluża dik fil-forensika, tiġi determinata skond il-bżonnijiet tal-Laboratorju u tas-servizzi forensiċi u li jkun ta' fejda għal min ikun qiegħed jagħmel ix-xogħol meħtieġ.
Il-pożizzjoni tal-persuni li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant tiġi determinata meta u kif ikun hemm bżonn u wara konsultazzjoni ma' dawk involuti.
Nassigura lil Onorevoli Membru li kollox isir fl-aħjar interess ta' kulħadd u tas-serjeta' tax-xogħol involut.
Jista' l-Ministru jgħid jistax jinvestiga t-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament biex jitneħħha l-meter ta' l-ilma mill-fond indikat separatament li ilha pendenti minn Frar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tieħu l-passi meħtieġa biex it-talba tal-konsumatur imsemmi tintlaqa'. Ta' min ifakkar li f'każijiet bħal dan, il-Korporazzjoni tagħlaq il-kont mid-data ta' l-applikazzjoni. Għaldaqstant il-konsumatur mhux ser iħallas l-ebda service charge minn Frar 'l hawn.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex tissewwa l-ħsara li hemem fil-kanna ta' l-ilma nieżla lejn il-bajja ta' Għajn Tuffieħa li minnha qed jintilef u jinħela ħafna ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ġiet infurmata b'dan il-każ biex tieħu l-azzjoni relattiva mill-aktar fis possibbli.