Jista' il-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex tissolva darba għal dejjem il-problema ta' għargħar li tinħoloq wara kull ħalba xita fi Triq San Ġużepp, Ħamrun, kantuniera ma' Triq il-Kanun, Sta Venera, liema problema bdiet tinħoloq minn wara li saru xogħlijiet fl-inħawi mill-korporazzjoni Enemalta u li kompliet tiggrava minn wara l-bini tal-mini ta' Sta Venera?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant jinsab f'sit li jaqa' taħt ir-responsabilta' tal-Kunsill Lokali ta' Santa Venera. Għaldaqstant l-Onor. Membru hu mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jara li titnaddaf area ħdejn l-iskola primarja ta' Bormla li saret miżbla? Jista' jara li din il-ħofra li tħaffret snin ilu timtela' livell mal-ground ta' l-istess skola għal-livell oriġinali?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduda oħra.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema dipartimenti fil-ministeru tiegħu saret l-għażla ta' Green Leaders?
Saret sejħa għall-applikazzjonijiet fid-dipartimenti konċernati?
Xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni? Kemm se jitħallsu ta' dan ix-xogħol?
Hemm xi allowances marbuta ma' din il-pożizzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Green Leaders ġew nominati mis-Segretarju Permanenti wara li ntalbu mis-Segretarju Prinċipali Ewlieni fl-uffiċċju tal-Prim Ministru.
M'hemm l-ebda ħlas jew allowances marbuta ma' dan l-inkarigu.
Jista' il-Minsitru jgħid x'inhu l-programm għal din is-sena sabiex jitnaddfu jew inkella jiġu riabilitati l-widien?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li matul -2005 hu ppjanat li jsiru dawn il-proġetti bħala parti mill-programm ta' xogħlijiet fuq widien u watercourses:-
Burmarrad
- ser jinbeda x-xogħol fuq il-ftuħ mill-ġdid tal-Wied ta' Burmarrad minn Għajn Riħana sas-Salina. Ser jitkompla wkoll ix-xogħol ta' tindif fis-Sokkors tas-Salina;
Marsa
- ser jitkompla x-xogħol fuq il-pontijiet ta' qudddiem il-
Marsa Sports Club
u l-
Marsa Sports
Ground
. Ser jinbeda x-xogħol fuq fergħa ġdida fil-
watercourse
fl-inħawi ta' l-ex skola tas-Snajja tal-Marsa;
Attard
- ser isir xogħol ta' riabilitazzjoni f'Wied Ċampra, Wied Rmiedi u Wied Inċita;
Qormi
- Ser isir xogħol ta' riabilitazzjoni f'Wied is-Sewda.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-paviment ta' Għar id-Dud (fejn iċ-Chalet) jinbidel u jsir wieħed iktar modern?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet m'għandha l-ebda pjan biex isir ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant. Bħalma ntqal f'risposta preċedenti, il-proposti ta' żvilupp għal dan is-sit qed tieħu ħsiebhom il-MEPA.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-hawkers tal-pitrolju jbigħu wkoll id-diesel?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi approvat ftehim bejn il-GRTU u l-Korporazzjoni Enemalta biex dan jista' jsir, u awtoriżżat lill-Korporazzjoni Enemalta biex tipprovdi d-diesel lill-hawkers liċenzjati.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9374, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dokumenti relatati dwar dak li approvat l-awtorita' ta' Malta dwar l-ambjent għar-rigward tax-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-permess relatat max-xogħol tat-twaqqiegħ u bini mill-ġdid tal-pont ta' Triq l-Iljun ġewwa Ħal Qormi huwa PA 2007/04 u ħareġ fil-11 ta' Awissu 2004. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-permess rispettiv.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9373, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, u cioe jgħid kemm-il siġra ġiet rapportata li tqaċċtet biex saru x-xogħlijiet fil-wied tal-Marsa? X'tip ta' siġar tqaċċtu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li wara li nġiebu l-permessi meħtieġa mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, nqalgħu madwar 37 siġra biex seta' jsir it-twessiegħ tal-passaġġ ta' l-ilma tax-xita fil-Marsa. Dawn is-siġar kienu tat-tip Eucalyptus, Ficus, Palm u Ċipresss u nqalgħu bil-kundizzjoni li s-siġar tal-Palm jerġgħu jitħawlu, kif ukoll li jitħawlu fl-istess inħawi 100 siġra Ndiġena (siġar Maltin) biex jieħdu post dawk is-siġar li ġew maqlugħa. Dawn is-siġar għandhom jitħawlu fil-futur qarib.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-picnic area ta' Ħal Far (viċin il-Lyster barracks) tħalliet fi stat ta' żdingar? X'kienet ir-raġuni li din is-sena l-ħaxix ħażin tħalla jikber u din in-naħa ma ġietx ikkurata kif jiġri ta' kull sena? Meta se titnaddaf din il-picnic area sabiex tkun tista' titgawda mill-pubbliku?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jikkonferma l-Ministru li l-awtorita' tar-riżorsi awtorizzat li jsiru xogħlijiet fil-wied tal-Marsa bil-konkos meta s-sistema tal-gabioni proposta minn esperti internazzjonali fix-xogħol tal-widien ma teqriedx il-karatteristika tal-ħitan tas-sejjieħ, kif ukoll huma ta' anqas impatt fuq is-sistema idroloġika, ekoloġika, ġeoloġika, ambjentali u riżorsi oħra naturali?
Min kienu l-uffiċjali li awtorizzaw li jsir dan ix-xogħol li għandu impatt fuq ir-riżorsi naturali in kwestjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi ġiet konsultata mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fuq xogħlijiet ta' twessiegħ ta' parti mill-kanal u t-twaqqiegħ u bini mill-ġdid tal-pont ta' Triq l-Iljun ġewwa Ħal Qormi. L-Awtorita' ma oġġezzjonatx għax-xogħol fl-imsemmi kanal ta' l-ilma.
Jista' il-Ministru jara li Wied Znuber f'Ħal Far (rikonoxxut bħala area ta' konservazzjoni u ta' importanza ekoloġika internazzjonali) isir xogħol ta' tindif peress li għad hemm ammonti enormi ta' skart fih, inkluż batteries, li qed jikkawżaw ħafna toxins li jidħlu fil-water table?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li saret spezzjoni fil-Wied Żnuber f'Ħal Far li jibqa' sejjer sal-baħar u ma jirriżultax li hemm xi xogħol ta' tindif ta' skart solidu mormi xi jsir. Ser jittieħdu passi sabiex jirtnaddaf il-madwar tal-Wied minn skart li ġie mitfugħ illegalment.
Jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm hi ċ-ċifra ta' flus globali f'pagamenti li l-Ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu għandhom iħallsu fil-preżent?
Kemm hi l-parti li trid titħallas mill-voti ta' l-estimi tas-sena d-dieħla minħabba li vot allokat għal din is-sena diġa' spiċċa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-ħlas ta’ pagamenti huwa proċess kontinwu fejn it-Teżor jipproċessa pagamenti mgħoddija lilu mid-diversi Ministeri u Dipartimenti u għaldaqstant biex wieħed ikollu stampa korretta ta’ l-ammonti pendenti, irid isir il-proċess ta’ l-estimi supplimentari ta’ kull Ministeru u Dipartiment f’nofs Diċembru. Wara li tagħlaq is-sena jkun magħruf jekk u kemm kontijiet ma tħallsux sa l-aħħar ta’ Diċembru u li għaldaqstant ikunu ser jitħallsu fis-sena l-ġdida.
Il-politika tal-Gvern hi li ma jiġux eċċeduti l-fondi provduti fl-estimi u qed isir kull sforz ma’ kull Dipartiment biex ma jitħallewx pagamenti pendenti ta’ xogħol magħmul jew servizzi mogħtija.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9263, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, u cioe' jgħid liema huma l-widien li hemm ħsieb li jsir tisbiħ tagħhom? Jista' jgħid meta se jinbdew dawn il-proġetti, każ każ, u meta hu maħsub li jiġu mitmuma? Jista' jgħid ukoll humiex se jinġiebu jew jingħataw fondi mill-Unjoni Ewropea f'dan ir-rigward?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li fil-preżent tekniċi mit-taqsima tax-Xogħlijiet qegħdin jaħdmu fuq proposti ta' titjib u tisbiħ fuq Wied Rmiedi u Wied Ċampra, li jinsabu f'Ħ'Attard, u fuq Wied is-Sewda f'Ħal Qormi. Ix-xogħol fuq il-Widien ta' Ħ'Attard ser jifforma parti mill-programm ta' xogħol tat-Taqsima tax-Xogħlijiet tas-sena 2005.
Għaddej ukoll xogħol preparattiv inkonnessjoni mal-proġett tal-ftuħ mill-ġdid tal-parti tal-Wied ta' Burmarrad li tinsab mirduma, cioe il-fergħa tal-Wied minn Għajn Riħana sa Kennedy Grove. Dan qiegħed jitqies bħala wieħed mill-proġetti ewlenin tat-Taqsima tax-Xogħlijiet għas-sena d-dieħla u qiegħed jiġi ppjanat li x-xogħol fuqu jsir bejn il-bidu ta' Marzu u l-aħħar ta' Settembru 2005.
Dan ix-xogħol mhux ser ikun iffinanzjat minn xi fondi mill-Unjoni Ewropea, għalkemm ta' min ifakkar li l-Unjoni Ewropea pprovdit mal-miljun Euro (1) għal xogħol relatat mal-ħsarat ikkaġunati mill-għargħar matul is-sena 2004.
Jista' il-Ministru jinformani kemm kienet in-nefqa globali tas-safar matul l-ewwel disgħa xhur tas-sena 2004 tal-ministeru u tad-dipartimenti, entitajiet, awtoritajiet, korporazzjonijiet, eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu?
Jista' jinformani kemm hu kkalkulat li se titla' din l-ispiża sa l-aħħar tas-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li n-nefqa fuq safar matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2004 mid-dipartimenti, entitajiet u korporazzjonijiet hija kif murija hawn taħt:-
Jannar sa Settembru 2004
Lm
Ministeru, Direttorat ta' l-EU, Segretarjat Permanenti
15,497
Sezzjoni tax-Xogħlijiet
8,604
Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi
6,571
BICC
NIL
L-istima tan-nefqa sa l-aħħar tas-sena ser tkun Lm39,177.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 3867, jista' il-Ministru jgħid jekk itteħditx deċiżjoni dwar x'se jsir fil-pjazza ta' Kastilja fil-Belt Valletta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li tħejjew proposti preliminari għal parkeġġ taħt l-art u tisbiħ tal-pjazza fil-livell eżistenti ta' fuq. Sa llum għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar dan il-proġett.
Jista' il-Ministru jagħti l-lista tal-membri li jiffurmaw bordijiet fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista mitluba. Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li għar-rigward tal-BICC, l-Engineering Board u l-Architects Board, dawn qed jiġu rikonstitwiti.
Awtorita' Maltija dwar ir-Riżorsi — Rapport ta' ħidma
Question
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-aħħar rapport ta' ħidma maħruġ mill-awtorita' Maltija dwar ir-riżorsi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' rapport ta' ħidma maħruġ mill-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi għas-sena 2002 - 2003.
Ir-rapport għas-sena 2003 - 2004 ser ikun lest dalwaqt.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 3439, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-istudju dwar is-suq tal-proprjeta' f'Malta ippreparat mill-BICC?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istudju dwar is-suq tal-proprjeta' f'Malta ppreparat mill-BICC.