B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 9694 u 9941 u cioe' jista' il-Ministru jikkonferma li l-ġobon cheddar għola għall-konsumatur 50c fil-kilo? Jekk le, kemm għola jew kemm roħos?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtorita' marittima impjegatx jew hux qed timpjega mooring man? Jekk fl-affermattiv, kemm impjegat u xi kwalifiki talbet? Saret sejħa pubblika, u jekk iva, kif saret? Saru xi mpjiegi oħra anke fi gradi oħra f'dawn l-aħħar sitt xhur?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima ma timpjegax irmiġġaturi, iżda hija responsabbli sabiex tinħareġ il-liċenzja relattiva skond il-provedimenti tar-regolamenti dwar il-Pilutaġġ u Rmiġġ tal-1975 li għadhom fis-seħħ. Il-mili ta' vakanzi fil-korp tal-irmiġġaturi jsir wara sejħa għal mili ta' vakanza li tiġi ppublikata fil-Gażżetta tal-Gvern u fil-ġurnali lokali skond kriterji stabbiliti fl-istess regolamenti. L-aħħar sejħa saret fit-22 ta' Ottubru 2004 fil-Gażżetta tal-Gvern numru 17667. Waħda mir-rekwiżiti kienet li l-applikanti ntalbu li jkollha liċenzja ta' Engine Driver Grade 3 jew ogħla. Huwa l-Bord tal-Pilutaġġ li għandu l-kompitu li jagħmel l-interviews u jagħżel il-persuna. F'dan il-każ il-persuna ntagħażlet u beda l-impjieg.
F'dawn l-aħħar sitt xhur l-Awtorita' Marittima mpjegat ħames skrivani ġodda.
Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru impjegati tal-gvern jew ta' xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu li huma fil-grad ta' executive officer jew grad inqas, jew li għandhom salarju fi skala 14 jew inqas bejn Jannar 2003 sa Ottubru 2004? Fejn marru? Min awtorizza l-imsemmija safra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li żewġ impjegati fi grad 14 jew inqas siefru fil-perjodu imsemmi. Dawn marru l-Eġittu u l-Ingilterra. Is-Segretarju Permanenti awtoriżża dawn iż-żewġ safriet.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9745 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' fid-dawl tas-sitwazzjoni li pajjiżna tilef il-marġini tal-kompetittivita' fost ħafna pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropa u għall-fatt li pajjiżna spiċċa meqjus bħala l-aktar wieħed fejn il-ħajja ta' kuljum għoliet, jista' il-Ministru jikkonsidra l-possibbilta' li tintalab deroga lill-Unjoni Ewropa sabiex l-importazzjoni tal-materja prima ta' l-ikel u x-xorb li pajjiżna ma jistax jipproduċi tkun eżentata mid-dazji, tariffi u kwota imposti mill-ewwel ta' Mejju?
Billi kawża ta' dawn id-dazji, tariffi u kwoti pajjiżna spiċċa biex minn but jiffranka lira u mill-ieħor jeħel ħamsa u aktar, jista' il-Ministru jara li din l-anomalija tiġi rimedjata immedjatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-taqsima ta' l-Esportazzjoni u Importazzjoni fid-Diviżjoni tal-Kummerċ tamministra kwoti li m'humiex fuq materja prima ta' l-ikel u x-xorb, iżda fuq ħwejjeġ (textile products), azzar u ħadid. Pero dan ma jeskludix il-possibilita li jistgħu jeżiżtu xi kwoti oħrajn li huma amministrati mid-Dipartimenti ta' l-Agrikoltura u tad-Dwana.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9694 u cioe' jgħid jekk jikkonfermax li l-ġobon cheddar għola għall-konsumatur 50c fil-kilo? Jekk le, kemm għola jew kemm roħos?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba għadha mhix miġbura kollha u tingħata f'seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9991 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li tinbidel il-liġi li tirregola l-profit margin ta' l-importaturi tal-mediċini biex tiġi nkoraġġita l-kompetizzjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s'issa għadu m'hemmx il-ħsieb li l-profit margins fuq il-mediċina jitneħħew jew jinbidlu. Madankollu l-Uffiċju tal-Kompetizzjoni Ġusta qed iħares lejn dan is-settur biex jara kif tista' tiġi nkoraġita l-kompetizzjoni speċjalment f'dawk il-mediċini li jinbiegħu mingħajr riċetta ta-tabib.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9989 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Minsitru jispjega x'mekkaniżmi se jintużaw biex il-prezzijiet tal-mediċini ma jogħlewx peress li diġa' jidher li se jkun hawn inqas mediċini fis-suq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta ser jibqa jsegwi l-prezzijiet tal-mediċina u fejn jinħass il-bżonn issir l-investigazzjoni biex jara li l-prezz ikun ġustifikat.
Jista' il-Ministru jgħid xi spezzjonijiet għamlet l-awtorita' marittima Maltija f'din l-aħħar sena, b'mod partikolari fejn jidħlu l-fish farms?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li matul is-sena 2004 in-numru ta' spezzjonijiet mid-Direttorat tal-Portijiet ta' l-Awtorita' Marittima kien ta' 1091. Dawn l-ispezzjonijiet isiru tul is-sena kollha b'mod regolari f'diversi nħawi tal-gżejjer u portijiet fejn issir attivita' marittima. Ta' min jgħid li fir-rigward tal-fish farms saru wkoll 4 spezzjonijiet matul il-lejl.
Ta' min jgħid li l-uffiċjali nkarigati f'dan id-Dipartiment ta' sikwit jgħaddu minn ħdejn dawn il-fish farms u jaraw li l-meżżi ta' għajnuna ta' navigazzjoni jkunu f'posthom u li d-dawl ikun qed jixgħel kif supost.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema dipartimenti fil-ministeru tiegħu saret l-għażla ta' Green Leaders?
Saret sejħa għall-applikazzjonijiet fid-dipartimenti konċernati?
Xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni? Kemm se jitħallsu ta' dan ix-xogħol?
Hemm xi allowances marbuta ma' din il-pożizzjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-green leaders ġew nominati mis-Segretarji Permanenti wara li ntalbu mis-Segretarju Prinċipali Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
M'hemm l-ebda ħlas jew allowances marbuta ma' dan l-inkarigu.
Jista' il-Ministru jagħti data preċiża ta' meta se jingħataw ir-refunds dwar il-ħlas tal-liċenzja tas-satelliti li kienu diġa' tħallsu matul is-sena li għaddiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-proċess tar-rifużjoni ta' l-imsemmija liċenzja tas-satellita ilu li nbeda, u sa llum 4,700 persuna irċevew lura l-ħlas tal-liċenzja.
Id-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi tal-Ministeru, korrentement qiegħed ikompli b'dan il-proċess bl-iskop li l-pagamenti kollha dovuti isiru fl-iqsar żmien possibli.
Peress li d-dwal tal-moll tan-naħa ta' wara taċ-Ċirkewwa bil-ħsara, peress li jekk ikun bżonn li l-vapur jopera min-naħa ta' wara dan ma jistax minħabba l-periklu għax ma hemmx dawl, peress li jidher li hemm kwestjoni dwar min hu responsabbli jekk hux il-Gozo Channel jew il-Malta Maritime Authority, ma jaħsibx il-Ministru li dawn id-dwal għandhom jitranġaw immedjatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ntlaħħaq ftehim bejn l-Awtorita' Marittima u l-Gozo Channel Co Ltd. rigward id-dwal tal-moll ġewwa ċ-ċirkewwa. Għaldaqstant it-tiswijiet meħtieġa mistennija jibdew dalwaqt.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9849, jista' il-Ministru jgħid jekk indagax jekk id-dqiq għall-furnara għoliex qabel ma kien hemm l-approvazzjoni neċessarja? Jista' jgħid x'passi ttieħdu f'dan ir-rigward?
Response (GALEA, ĊENSU)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9849, ħlief li d-dipartiment qed jindaga l-każ kollu.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern biex il-fran tal-ħobż, pastizzi, pizez, eċċ isiru bl-elettriku? Jista' jgħid jekk il-gvern hux se joffri xi għajnuna, għotja jew sussidju lil dawk li jaqilbu għall-elettriku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien nfurmat li l-Ministeru għall-Kompetittivita' u Kommunikazzjoni ma jindaħalx lill-furnara dwar it-tip ta' fran li jużaw sakemm dan it-tip ta' forn ma jikkawżax problemi għall-konsumatur.
Malta Communications Authority — Frekwenzi diġitali
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk bil-mod kif se jitqassmu l-frekwenzi diġitali mill-Malta Communications Authority hux se jibqa' possibbli li stazzjon lokali jxandar bħala free to air mingħajr bżonn li jgħaddi mingħand service provider? Jekk le, dan se jkun ifisser illi mill-2010 il-konsumatur lokali se jkollu bilfors jibda jħallas għal dak li llum huwa servizz bla ħlas, ta' l-anqas fuq stazzjonijiet Maltin li jinqabdu bl-aerial?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Gvern qiegħed jaħdem fuq strateġija dwar il-mod kif ser issir il-bidla mis-sistema analogue għal dik diġitali fil-qasam tat-trasmissjonijiet bit-televiżżjoni. L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru tkun tista tingħata aktar 'l quddiem.
Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Ġarr ta' Għamara
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9604 u cioe': B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9312 jinformana kemm fil-fatt kienu l-ispejjeż tal-ġarr u ta' l-għamara ġdida li nxtrat u/jew inkriet? Saru xi alterazzjonijiet jew xogħlijiet oħra fil-postijiet il-ġodda, u jekk iva, kemm ġew jiswew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li meta kien hemm il-bdil fil-Ministeri saru dawn l-ispejjeż:
Xiri ta' għamara ġdida Lm8075
Xogħol/żebgħa tal-post Lm4745
Spejjeż tal-ġarr Lm1369
Jien infurmat ukoll li minħabba li sar dan it-tibdil ta' minn wieħed jinnota li fi ħdan il-Ministeru tiegħi, żdiedu żewġ Direttorati oħra li qabel ma kienux jeżiżtu bil-konsegwenza li żdiedu wkoll diversi nies f'dawn id-Direttorati.
Għaldaqstant inħass il-bżonn li tinxtara għamara waqt li saru xogħlijiet ta' żebgħa u xi alterazzjonijiet oħra fil-post il-ġdid.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern jew l-MCA approvawx frekwenza jew frekwenzi lis-soċjeta' Maltaplus?
Jista' jispjega għaliex is-service providers l-oħra, ossia it-Techinvest Company Ltd., Maltacom plc u For-fetched Media Limited, mhux qed jiġu trattati bħal kumpanniji l-oħra Maltaplus u dan fis-sens li mhux kollha bdew it-testijiet bi prova fl-istess żmien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Naħseb li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għad-ditta Multiplus Ltd. u mhux għad-ditta Maltaplus.
Jien infurmat li la din id-ditta u lanqas ditti oħra qatt ma ngħataw frekwenzi għad-Digital Terrestial Television fuq bażi permanenti. Fir-rigward tal-Multiplus Ltd. din il-kumpanija xi xhur ilu kienet talbet biex tingħata xi frekwenzi fuq bażi temporanja biex tagħmel provi (Trials). Dan ġie konċess suġġett għal diversi kundizzjonijiet, fosthom li l-konċessjoni hija strettament ta' natura temporanja u tista' tiġi mitmuma fid-diskrezzjoni ta' l-Awtorita'.
Fejn saru talbiet simili ġew trattati u qed jiġu trattati bl-istess mod u suġġett għall-istess tip ta' kondizzjonijiet.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern tax permess lill-Federated Mills biex tgħolli d-dqiq għall-użu tal-furnara?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għalkemm iż-żieda fil-prezz tad-dqiq ġiet ikkunsidrata meta ġiet miftiehma ż-żieda fil-prezz tal-ħobż Malti, id-Diviżjoni tal-Kunsumatur għadu m'approvax formalment it-talba tal-Federated Mills.