Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tal-Probation u l-Parole – Psychology Unit — servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi joffri l-Psychology Unit fi ħdan id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li It-taqsima tal-Psikoloġija għandha rwol estensiv fid-dipartiment. Dan jikkonsisti fl-assessjar tal-offenders, zviluppar ta’ pjan ta’ kura u trattament psikoloġiku għal-klijenti tad-dipartiment. Minbarra dan it-Taqsima tal-Psikoloġija għandha r-rwol li tagħmel supervizjoni kif ukoll toffri support lill-staff tad-Dipartiment. Flimkien ma’ dan, it-Taqsima tal-Psikoloġija hija ukoll tagħmel ir-riċerka sabiex tinforma l-interventi tagħha. L-assessjar jista’ jikkonsisti f’ analizi tar-riskju li jerġa jiġi imwettaq reat, analizi tal-fatturi psikosoċjali li wasslu l-offender jagħmel ir-reat u assessjar tal-funzjoni psikoloġika tal-klijenti. Din it-taqsima hija imħarrġa sabiex tkun tista tuza għodda psikometriċi li jtejjbu il-proċess ta’ assessjar. Di fatti din it-taqsima toffri supervizjoni lil membri oħra tal-istaff fl-uzu ta’ testijiet psikometriċi u fit tfassil tal-pjan ta’ kura li huwa mmirat li jnaqqas ir-riskju ta’ reċidivita’ fil-klijenti tad-Dipartiment. Relatat mas-supervizzjoni il-psikoloġi joffru ukoll sapport psikoloġiku lill-istaff sabiex jkunu jistgħu jtejjbu is-servizz li joffru lill-klijenti tagħhom. Aparti dawn ir-rwoli l-psikologi tad-dipartiment joffru interventi psikoloġiċi fuq bazi individwali lil numru ta’ klijenti sabiex jindirizzaw problemi fosthom problemi ta’ addiction, offizi ta’ natura sesswali u anger management. Minbarra dawn din it-taqsima qeda wkoll tinvolvi ruħha fir-riċerka fil-qasam. Per ezempju bħalissa qegħdin involuti f’riċerka fuq tfal li huma aggressivi lejn il-ġenituri tagħhom, dan flimkien mal-Appoġġ, l-Universita’ ta’ Nottingham u l-Universita’ ta’ Malta. Din it-taqsima taħdem ukoll ma entitajiet oħra, bħal-Fondazzjoni RISe, sabiex toffri konsulenza, ssaħħaħ in-networking u ttejjeb b’mod ġenerali is-servizzi riabilitattivi li hawn ġewwa pajjizna.

Għawdex – uffiċċju ġdid tad-Dipartiment tal-Probation u l-Parole

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qed joffri l-uffiċċju l-ġdid tad-Dipartiment tal-Probation u l-Parole ġewwa Għawdex mill-ftuħ tiegħu f’Mejju 2015? Kemm hemm persuni Għawdxin li qed jibbenefikaw mis-servizzi offruti minn dan l-uffiċċju?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dipartiment tal-Probation u l-Parole (DPP) joffri diversi servizzi kemm qabel ukoll wara li tingħata sentenza mill-Qorti. Dawn is-servizzi jinkludu rapporti li jintalbu mill-Ġudikatura qabel tingħata s-sentenza (Pre-sentencing Report, Social Inquiry Report u Verbal Reports) kif ukoll rapporti t’andament li jiġu sottomessi kemm qabel kif ukoll wara s-sentenza. Jjoffri wkoll servizz ta’ superviżjoni meta l-persuna tkun ġiet mogħtija Ordni ta’ Probation, Sentenza Sospiża bis-Superviżjoni , Ordni Proviżorja ta’ Superviżjoni, Ordni ta’ Servizz fil-Komunità u l-Liċenzja tal-Parole. Fiż-żmien tas-superviżjoni l-klijent ikun qiegħed jiġi ggwidat mill-Uffiċjal tal-Probation u l-Parole sabiex iħalli l-ħajja kriminali u jibda jgħix bħala ċittadin onest u ħajja ta’ bżulija. Fid-29 ta’ Mejju 2015 inħass il-bżonn sabiex jinfetaħ Uffiċċju tal-Probation u l-Parole ġewwa Għawdex. Dana sabiex il-klijenti Għawdxin inaqqsu l-inkonvenjent li jridu jmorru Malta għall-appuntamenti mal-Uffiċjal tal-Probation u l-Parole u b’hekk is-servizz sar aktar effiċjenti . Preżentement qed jiġu segwiti 54 każ f’Għawdex. L-Uffiċċju tal-Probation u l-Parole jiftaħ tliet darbiet fil-ġimgħa jew aktar skont il-bżonn. Il-biċċa l-kbira tas-servizzi qed jingħataw minn Uffiċjal tal-Probation u l-Parole Għawdxi taħt superviżjoni ta’ Senior Probation u Parole Officer. Jidher li dan is-servizz intlaqa’ tajjeb ħafna ġewwa Għawdex u barra li tjieb is-servizz innifsu, dana serva sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ trasport lejn Għawdex tad DPP.

Armata – taħriġ għall-uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir fl-Armata abbażi ta’ taħriġ, kemm għall-Uffiċjali kif ukoll għal Other Ranks?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant t-taħriġ fl-Armata zviluppa sostanzjalment f’dawn l-aħħar ftit snin. L-investiment fir-riżors uman sar wieħed mill-prijoritajiet netti tal-Forzi Armati ta’ Malta. Kull suldat regolari llum qiegħed jagħmel, mal-ingaġġ, dak li jissejjaħ taħriġ ta’ reklutaġġ, li llum għandu ekwivalenza f’livell tlieta mill-MQRIC. Dan sar possibli wara diversi laqgħat u skambju ta’ korrispondenza bejn iż-żewġ entitajiet sakemm il-livell tela’ għal dak meħtieġ. Sussegwentament suldati saru jsegwu taħriġ fuq ħiliet skont il-Unit li fih jintbagħtu, b’ħafna minn dawn il-korsijiet illum qed isiru barra mill-Armata f’istituzzjonijiet uffiċjali u rikonoxxuti. Dan sar possibli wara ftehim ma’ diversi istituzzjonijiet u apparti li qed jgħolli l-livell tas-suldat, qed itih ukoll għodda rikonoxxuta x’juża wara li wieħed itemm il-karriera tiegħu fil-Forzi Armati ta’ Malta. Fis-sistema l-ġdida ta’ promozzjonijiet li ġiet introdotta minn din is-sena – liema sistema eliminat is-suġġetivita’ – hemm inklu¿ ukoll korsijiet li jippreparawk għal grad li jkun imiss. Dawn il-korsijiet huma wkoll ta’ livell għoli ħafna u għaddejin diskussjonijiet sabiex jiġu rikonoxxuti f’livell erba’. Ma’ dawn wieħed irid isemmi wkoll li sabiex wieħed jilħaq Uffiċjal bil-kummisjoni irid jagħmel jew dak li jissejjaħ il-Late Entry Officers Course (jekk ikun tela fil-gradi), jew Cadetship ta’ madwar sena. Qed jiġi mmirat li dawn iż-żewġ korsijiet għandhom jiġu rikonoxxuti f’livelli ħamsa u sitta rispettivament. Fondi oħra qed jiġu wkoll investiti f’korsijiet professjonali f’akkademji militari barranin f’ċertu ħiliet. Piloti fil-Forzi Armati ta’ Malta wkoll qed ikunu investiti fihom fondi kbar sabiex dawn ikollhom l-ogħla kwalifiċi rikonoxxuti internazzjonalment. L-istess jista’ jingħad għal ħiliet navali fejn wara mankanza ta’ sittax-il sena il-Forzi Armati ta’ Malta issa qed tibgħat uffiċjali f’akkademji professjonali navali barranin sabiex tikkwalifikahom f’dan il-qasam u jkollha numru biżżejjed ta’ uffiċjali kwalifikati sabiex joperaw il-laneċ li tħaddan il-Forzi Armati ta’ Malta. Fir-rigward ta’ Uffiċjali bil-kummissjoni llum qed jiġi assigurat li kull Uffiċjal fil-Forzi Armati ta’ Malta ikun segwa kors ta’ formazzjoni f’akkademji rinomati militari barranin qabel dawn jingħataw il-kmand.

Att Dwar Dipendenza fuq id-Droga Kap. 537 – arresti fil-konfront ta’ reati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi arresti magħmula fil-konfront ta’ reati naxxenti mill-Kapitolu 537 fil-konfront ta’ persuni residenti Malta sabiex jidhru quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u f'każ li kien hemm, kemm hu l-ammont?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li minn April 2015 sal-lum kien hemm ħames mija u tlett (503) arresti fil-konfront ta’ reati naxxenti mill-Kapitolu 537. Minn Dawn, tlett mija u disa’ u disgħin (399) kienu Maltin residenti Malta u mija u erbgħa (104) kienu barranin. Ma tinzamx statistika li distingwi bejn barranin li huma residenti f’Malta u dawk li m’humiex.

Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ġustizzja – kawżi li għadhom ma ġewx reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi li għadhom ma ġewx reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ġustizzja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li sal-lum 27 ta’April 2016 f’Għawdex kien hemm sitta u erbgħin (46) kawza li kienu għadhom ma ġewx reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ġustizzja, filwaqt li f’Malta kien hemm sbatax (17) il-kawza li wkoll iridu jiġu rreġistrati.

Pulizija – xogħol bil-minibus

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24607 u jgħid jekk hux minnu li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jaħdem ukoll bil-minibus privata tiegħu kuljum u jekk dan għandux permess mis-superjuri tiegħu biex jaħdem bil-minibus? Jista’ jgħid jekk hux minnu li l-individwu jagħmel vjaġġ bil-minibus privata tiegħu kuljum mis-2:30 ta’ wara nofsinhar mill-Kulleġġ Sant’Agatha fir-Rabat lejn il-Mosta u vjaġġ ieħor fit-3:30 ta’ wara nofsinhar mill-Higher Secondary fin-Naxxar lejn ir-Rabat? Jista’ jgħid jekk hux minnu li dan l-individwu jerġa’ jirritorna lura lejn ix-xogħol (bħala pulizija) fil-5 ta’ wara nofsinhar? Jista’ jgħid jekk hux minnu li dan l-individwu jitlaq mix-xogħol fis-7:30 ta’ filgħaxija minflok fil-11 ta’ filgħaxija? Jista’ jgħid jekk l-individwu għandux il-barka biex jagħmel dan kollu mis-Supretendent tiegħu u jekk il-Kummissarju tal-Pulizija hux informat b’dan?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li t-Taqsima tal-Affarijiet Interni tal-Korp għamlet l-indaġni tagħha dwar l-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament. Se jittieħdu proċeduri dixxiplinarji fil-konfront tal-istess individwu.

Droga illegali maqbuda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga illegali mill-forzi tal-ordni, sena b’sena u maqsuma skont eroina, kokaina u kannabis, bejn l-2008 u din is-sena sad-data li fiha din l-interpellanza tkun imwieġba?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mis-sena 2008 sas-26 t’April 2016, l-ammont ta’ droga eroina, kokaina u kannabis li nqabdet kienet kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija — CEO

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament jekk intgħażlitx il-persuna li ser isservi bħala CEO tal-Korp tal-Pulizija? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid min hija l-persuna magħżula u x'kienu l-kriterji li bihom intgħażlet?

Response (ABELA, CARMELO)

Le ma intgħazlitx.

Korp tal-Pulizija — CEO

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament jekk il-Kummissarju huwiex jew kienx involut fil-proċess sabiex issir l-għażla ta’ CEO għall-Korp tal-Pulizija? Jista’ jinforma lil dan il-Parlament ma’ min iddiskuta u lil min ikkonsulta fil-proċess tal-għażla ta’ CEO għall-Korp tal-Pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 25154.

Korp tal-Pulizija — CEO

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament x'inhu l-pakkett finanzjarju inkluż paga u perkaċċi li qed jiġi kkontemplat għal CEO tal-Korp tal-Pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 25154.

Korp tal-Pulizija – xiri ta’ muturi second-hand — investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament jekk hemmx investigazzjoni għaddejja fi ħdan il-Korp tal-Pulizija dwar allegati abbużi li saru sabiex inxtraw numru ta’ muturi second hand u b'direct order mill-Korp tal-Pulizija mis-sena 2013 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid fiex waslet din l-investigazzjoni u minn min qed titmexxa u jekk ġewx sospiżi xi uffiċjali fi ħdan il-Korp sakemm jintemmu dawn l-investigazzjonijiet? Jista’ jikkommetti ruħu li ġaladarba tintemm kwalunkwe investigazzjoni li għaddejja huwa jpoġġi r-rapport finali dwar l-istess fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li ma’ hemm l-ebda investigazzjoni għaddejja fuq l-allegati abbuzi msemmija.

Vetturi tal-Pulizija – xiri ta’ beacon lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hijiex għaddejja investigazzjoni interna dwar allegat tixħim li seħħ sabiex jinxtraw jew jibda l-proċess biex jinxtraw numru ta’ beacon lights għall-vetturi tal-pulizija, liema abbużi ġew irrapurtati fin-news portal 'newsbook.com.mt' fl-4 ta’ April 2016? Jekk għaddejja investigazzjoni, jista’ jinforma lil dan il-Parlament fiex waslet din l-investigazzjoni, minn min qed titmexxa u jekk ġewx sospiżi xi uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija sakemm jintemmu dawn l-investigazzjonijiet? Jista’ jikkometti ruħu li ġaladarba tintemm kwalunkwe investigazzjoni li għaddejja huwa jpoġġi r-rapport finali dwar l-istess fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-proċess tal-għazla għadu għaddej.

Tmexxija tal-immigranti rregolari – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tad-direct orders kollha li saru fuq xiri relatat mat-tmexxija tal-immigranti rregolari minn Marzu tal-2004 sa’ Marzu tal-2013, u kemm swew il-Gvern individwalment? Jista’ jindika min ta l-approvazzjoni għal dawn id-direct orders u lil min ingħataw?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Forzi Armati ta’ Malta – uffiċjali promossi fir-ranks ta’ Lieutenant Colonel u ta’ Colonel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u Marzu tal-2013 ġewx promossi uffiċjali fir-ranks ta’ Lieutenant Colonel u ta’ Colonel fil-Forzi Armati ta’ Malta mingħajr ma kellhom xi Staff Course barra l-pajjiż? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-uffiċjali li ġew promossi għal dawn ir-ranks fil-perjodu msemmi? Jista’ jgħid x’tip ta’ Formation Courses dawn l-uffiċjali temmew b’suċċess? Jista’ jgħid jekk kienx hemm minnhom li ma lestewx il-Formation Course b’suċċess? Jekk iva, jista jgħid jekk intalbux jirrifondu xi spejjeż kif inhi l-prassi u kif isir ma’ membri oħra fl-Armata?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ninsab infurmat li bejn il-perjodu msemmi ġew promossi uffiċjali fir-ranks imsemmija kif elenkat hawn taħt: Logutenent Kurunell - 20 (u ieħor li huwa Kirurgu) Kurunell - 7 (4 minnhom mill-20 imsemmija hawn fuq) Mill-20 Uffiċjal li ġew promossi għall-grad ta’ Logutenent Kurunell, 15 ma kellhomx Staff Course barra l-pajjiż meta ġew promossi. Mis-7 Uffiċjali li ġew promossi għall-grad ta’ Kurunell, 5 ma kellhomx Staff Course barra l-pajjiż meta ġew promossi. Il-lista ta’ dawn l-Uffiċjali kollha, bil-courses li segwew, inklu¿ il-Formation courses, qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fl-istess lista jidher ukoll żewġ uffiċjali li ma lestewx il-Formation course b’suċċess – wieħed għal darbtejn fuq raġuni medika, u l-ieħor fuq każ ta’ dixxiplina. Iż-żewġ Uffiċjali msemmija baqgħu telgħin sat-tieni l-ogħla grad fl-Armata – Kurunell – u ħadd minnhom ma kien ġie mitlub jirrifondi xi spejjeż relatati mal-kors li ma temmewx.

Persuni mressqa l-Qorti mill-pulizija rigward sewqan ta’ vetturi mingħajr polza ta’ assikurazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24720 u jinforma lill-Parlament kemm kienet is-somma kumplessiva f'ewro li ġew ikkundannati jħallsu dawk kollha li fis-sena 2015 instabu ħatja mill-qrati li saqu vettura mingħajr ma kienu koperti minn polza ta’ assikurazzjoni?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li s-somma kumplessiva kienet ta’ €129,430.48.

Persuni mressqa l-Qorti mill-pulizija rigward vetturi mingħajr liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24719 u jinforma lill-Parlament kemm kienet is-somma kumplessiva f'ewro li ġew ikkundannati jħallsu dawk kollha li fis-sena 2015 instabu ħatja mill-qrati li saqu vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li s-somma kumplessiva kienet ta’ €6, 265,31.

Persuni mressqa l-Qorti mill-pulizija — sewqan ta’ vettura mingħajr polza ta’ assikurazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24718 u jgħid kemm kien hemm persuni li fl-2015, wara li tressqu l-Qorti mill-Pulizija eżekuttiva tal-pajjiż akkużati li saqu vettura li ma kenitx koperta minn polza ta’ assikurazzjoni, effettivament instabu ħatja?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 93 persuna.

Persuni mressqa l-Qorti — vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24717 u jgħid kemm kien hemm persuni fl-2015 illi, wara li tressqu l-Qorti mill-Pulizija eżekuttiva tal-pajjiż akkużati li saqu vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan, instabu ħatja?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 28 persuna.

Persuni mressqa l-Qorti mill-pulizija — sewqan ta’ vettura mingħajr polza ta’ assikurazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24716 u jgħid kemm-il Pulizija eżekuttiva tal-pajjiż ressqet persuni l-Qorti akkużati li kienu qegħdin isuqu vettura li ma kenitx koperta minn polza ta’ assikurazzjoni għas-sena 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 186 persuna.

Persuni mressqa l-Qorti mill-pulizija — vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' l-Minisru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24715 u jgħid kemm il-Pulizija eżekuttiva tal-pajjiż ressqet persuni l-Qorti akkużati illi kienu qegħdin isuqu vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan għas-sena 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 46 persuna.