Legislature:
Category:
Reset
Active:

Crash barrier

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24773 x'sens jagħmel li titħalla fetħa fil-crash barrier meta l-familja għandha aċċess għall-art privata tagħha mid-dar u hija stess trid li ma jkunx hemm aċċess ta' triq għal terzi persuni mill-crash barriergħax ikunu qed jiksru l-liġi u jidħlu fi proprjeta' privata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Ħad-Dingli — Xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'toroq saru jew qed isiru f'Ħad-Dingli? X'xogħol sar u x'fadal isir f'kull triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'Ħad Dingli saru xogħlijiet u tlestew fi Triq Daħlet is-Sienja. Ninsab infurmat ukoll li dalwaqt jibdew xogħlijiet fi Triq Dun Karm Azzopardi u parti minn Triq l-Irdum.

Pembroke — Xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta se jibdew ix-xogħlijiet fuq toroq madwar il-blokok il-ġodda f'Pembroke?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi x-xogħlijiet fuq it-toroq tal-madwar Triq Salvatore Castaldi Housing Estate ingħataw fit-13 ta’ April li għadda u x-xogħol ser jibda fil-ġimgħat li ġejjien. Ix-xogħlijiet ta’ toroq madwar il-Housing Estate fi Triq d’Armenio qegħdin fil-programm ta’ toroq tal-ADT u għaldaqstant għandhom ikunu lesti sa l-aħħar tas-sena 2008.

VRT Stations

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 25206 jista' l-Ministru jgħid kemm hemm VRT stations li jagħmlu testijiet fuq vetturi tat-tielet klassi? Kemm kellu vetturi li m'għaddewx mit-test (tat-tielet klassi) kull VRT station?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li hemm ħames (5) VRT stations li jagħmlu testijiet fuq vetturi tat-tielet klassi. Kien hemm 1,901 (elf, disa mija u wieħed) vettura tat-tielet klassi li m’għaddewx mit-test matul is-sena li għaddiet. Ma nħossx li din l-informazzjoni għandha tingħata għal kull VRT station.

Mtarfa bypass

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 24671 u 24846 u 25205 u jara li l-fetħiet li hemm fis-centre strip ta' Mtarfa bypass jingħalqu minnufih għax huma ta' periklu kbir għal kull min jgħaddi minn din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24862 u 25203 u jgħid jekk hux ippjanat li jsir culvertgħall-ilma tax-xita fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar? Jekk fl-affermattiv dan il-culvertgħandu l-permess tal-MEPA? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta li turi r-rotta ta' dan il-culvert?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ix-xogħlijiet tal-bini mill-ġdid tal-Bypass ta’ San Pawl tinkorpora sistema ta’ culverts għal ġbir ta’ l-ilma tat-triq u l-ilmijiet li jiġu mill-egħlieqi. Qed tiġi wkoll mibnija sistema ta’ “French Drains’ sabiex jinġabar l-ilma tax-xebgħa mill-egħlieqi u b’hekk dan ma jidħolx taħt il-pedamenti tat-triq. Is-sistema tal-ġbir ta’ l-ilma tax-xita tinkorpora ukoll żewġ ġibjuni, wieħed fir- roundabout ta’ l-Erba’ Mwieżeb u ieħor fir- roundabout tax-Xemxija, li ser jintużaw għat-tisqija tas-siġar u pjanti fir- roundabouts .

ADT — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra rendikont tal-kuntratti kollha li ngħata jew li kien involut fihom mingħand l-ADT il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mill-1 ta' Jannar 1999 sat-28 ta' Frar 2007? Jista' jgħid f'liema kariga jew kapaċita' esegwixxa l-kuntratt? Jista' jgħid kemm tħallas għal kull kuntratt b'riferenza kuntratt, kuntratt? Jista' jgħid jekk il-persuna ngħatatx il-kuntratti lilha personalment jew lil xi kumpannija/ditta/soċjeta'/partnership li fiha għandu interess u jagħti l-isem tagħha? Jista' jgħid inħarġitx sejħa għall-offerti jew ingħatawx direct orders riferibbilment għal kull kuntratt?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-unika kuntratt fejn huma involuti l-ADT u l-persuna li dwarha dettalji intbagħtu separatament, huwa il-proġett ta’ spezzjoni, deċiżjoni, preparazzjoni ta’ tender dossiers u superviżjoni tat-tiswija tal-Pont Manuel Dimech. Il-kuntratt ingħata wara sejħa għall-offerti li nħarġet f’Novembru 2004 u wara l-evalwazzjoni tal-offerti sottomessi kien iffirmat l-kuntratt ma’ konsorzju magħmul mill-kumpanija DTR (Design & Technical Resources) u KHP (Köing, Heunish und Partner, Ġermanja) ġie ffirmat f’Mejju 2005. Il-valur ta’ dan il-kuntratt jammonta għal Lm 169,000 ( exc VAT). Fil-perjodu indikat l-istess persuna kienet esegwit xogħol bħala supervisor’ s representative fuq Lot 1 tal-proġett tat-toroq iffinanzjati mill-Protokoll Taljan. F’dan il-każ l-arranġament kien direttament bejn il-persuna u l-kumpanija Malta Planning & Design Consultants u l-ADT m’għandhiex indikazzjoni ta’ kemm kien is-sehem tal-persuna ikkonċernata mill- fees ta’ superviżjoni li tħallsu lill-kumpanija MP & DC għal dan il-Lot. Il-persuna indikata ma ħadet l-ebda kuntratt mill-ADT permezz ta’ direct order .

Msida — Triq Victor Denaro

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk Triq Victor Denaro, l-Imsida taqax taħt ir-responsabbilta' tal-gvern ċentrali għall-finijiet ta' asfaltar u tarmac, u jekk iva meta huwa ppjanat li dan ix-xogħol isir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li t-Triq Victor Denaro, hija triq residenzjali li diġa hija asfaltata għaldaqstant taqa’ taħt ir-responsabilta tal-Kunsill Lokali.

Raħal Ġdid — Traffic calming measures

Question

Jista' l-Ministru jissuġġerixxi lill-Awtorita' dwar it-Trasport sabiex ikun hemm traffic calming measures (bħal rumble lines jew sleeping policemen) fit-tarf t'isfel ta' Triq Palma, Raħal Ġdid peress li qed ikun hemm diversi vetturi li bl-ispeed eċċessiv li jkunu neżlin bih jibqgħu deħlin ġol-faċċati tad-djar u/jew fil-karozzi tar-residenti pparkjati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li wara talba mill-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid ir-rumble strips li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari kienu ġew approvati fid-19 ta ' Settembru 2006.

Ħal Tarxien — Traffic calming measures

Question

Jista' l-Ministru jissuġġerixxi lill-Awtorita' dwar it-Trasport sabiex ikun hemm traffic calming measures (bħal rumble lines jew sleeping policemen) fit-tarf t'isfel ta' Triq il-Kavallier Deguaras kantuniera ma' Triq Leonardu Abela, Ħal Tarxien peress li qed ikun hemm diversi vetturi li bl-ispeed eċċessiv li jkunu neżlin bih jibqgħu deħlin ġol-vetturi tar-residenti pparkjati fi Triq Leonardu Abela?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku, irriżulta li kien hemm talba mill-Kunsill Lokali Tarxien għal road humps fi Triq Kavallier Deguaras bid-data 7 ta’ Frar 2007. Fil-25 ta’ Marzu 2007 it-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku talbet lil Kunsill Lokali Tarxien sabiex jissottometti pjanta li turi l-post fejn il-kunsill kien qed jitlob għal tali road hump. Sal-lum, it-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku għadha ma rċivietx din l-informazzjoni mitluba.

Buses and Coaches — Theory test

Question

Jista' l-Ministru konċernat jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għaddiet mit-test tat-teorija tal-buses and coaches fl-10 ta' Mejju 2006 u s'issa għadha ma ġietx mgħajta biex titla' għat-test prattiku tas-sewqan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsa infurmat li m'hemm xejn li jżomm lil persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament milli tinforma l-Motoring School tagħha biex tapplikalha għat-Test Prattiku,

Żejtun — Triq President Buttigieg

Question

Peress li r-residenti li joqogħdu fi Triq President Buttigieg fiż-Żejtun ilhom għal bosta snin esposti għal traffiku qawwi quddiem id-djar tagħhom, apparti l-ħsejjes tal-karozzi speċjalment matul il-lejl hemm ukoll problema aktar serja ta' sigurta', li mhux darba u tnejn il-karozzi li jkunu għaddejjin b'veloċita' qawwija jibqgħu deħlin fil-parapetti tad-djar b'periklu kbir għar-residenti. Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu sabiex jitnaqqas il-periklu għal dawn ir-residenti? Jista' jgħid jekk tistax issir side road bħalma hemm f'toroq arterjali oħra biex ir-residenti jkunu aktar protetti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari numru 23900 u 17783.

Fgura — Water culverts

Question

Peress li r-residenti li joqogħdu fin-naħa t'isfel ta' Triq il-Ġiżi Fgura, proprju fil-parti li tmiss ma' Wied Blandun, qed jilmentaw mill-fatt li meta tagħmel ħalba xita qawwija huma jispiċċaw b'wied ilma wara biebhom, bil-konsegwenza li mhux darba u tnejn sofrew ħsara fil-vetturi tagħhom minħabba li dawn jinġarru mill-wied, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan min-naħa tad-dipartiment konċernat sabiex tissolva din il-problema għar-residenti ta' dawn l-inħawi? Jista' jgħid jekk jistgħux isiru culverts biex jinġabar l-ilma tax-xita u tiġi evitata l-ħsara?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din it-triq hija responsabilita’ tal-Kunsill Lokali tal-Fgura.

Servizzi ta' karozzi tal-kiri

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-istatistika tas-servizzi tal-karozzi tal-kiri fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u Xemxija?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba hija ta' natura kummerċjali u għalhekk m'għandiex tinġabar.

Mġarr — Triq San Pawl

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-parti ta' Triq San Pawl fl-Imġarr li qiegħda ssir bħalissa hijiex tinbena fuq il-linja t-tajba peress li tidher li qiegħda toħroġ 'il barra mil-linja tat-triq eżistenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Mosta — Triq in-Naħal

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħol li qiegħed isir fi Triq in-Naħal, Mosta huwiex ta' kwalita' aċċettabbli peress li jidher li partijiet minnha diġa' inqalgħet u se jerġa' isir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li ftit wara li bdew ix-xogħlijiet fi Triq in-Naħal Mosta, il'waste water section' tal-WSC infurmaw l-ADT rigward tibdil ta' mains tad-Drenaġġ f'din it-triq. It-tibdil ta' dan il-main sar mill-kuntrattur tal-WSC. Wara li saru t-testijiet meħtieġa fuq dan ix-xogħol irriżulta' li l-kwalita' tal-materjal llli intuża bħala backfilling għal din it-trinka ma kienx konformi ma' l-istandards tal-ADT u b'hekk l-ADT ħadet il-passi meħtieġa biex dan il-materjal ħażin jitneħħa u jinbidel. Ix-xogħol fit-triq in-Naħal ser jitkompla bil-proċeduri normali skond standards tal-ADT.

Reġistrazzjoni ta' karozzi second hand

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 25340 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy dwar ir-reġistrazzjoni ta' karozzi second hand li jinxtraw minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid kemm huwa l-ħlas għar-reġistrazzjoni ta' dawn il-karozzi skond it-tipi differenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li vetturi second hand li jiġu mpurtati mill-Unjoni Ewropeja issirilhom valwazzjoni ta’ kemm jiswew mit-“Technical Unit” tad-Direttorat tal-Liċenzji u Ttestjar. Dawn jibbażaw l-evalwazzjoni tagħhhom fuq il-ktieb li jismu “Glass’s Guide Car Value” u li joħroġ kull xahar minn Eurotex Glass’s Automotive Business Intelligence. Wara l-evalwazzjoni titħallas it-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq il-vettura skond l-Att dwar it-Taxxa ta’Reġistrazzjoni ta’ Vetturi.

Marfa u Cirkewwa

Question

Peress li l-partijiet tat-triq bejn l-Marfa u ċ-Ċirkewwa li ma ġewx asfaltati huma fi stat ħażin ħafna, jista' l-Ministru jgħid meta ser isir dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Ħal Għaxaq — Xogħlijiet ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ta' toroq in korsi ġewwa Ħal Għaxaq f'area magħrufa Ħal Millieri, jieqaf ħesrem? Jista' jgħid dawn ix-xogħlijiet meta se jerġgħu jissoktaw?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet jinsabu għaddejjin u mhux weqfin. Ix-xogħol kien waqaf ftit sakemm l-entitajiet ċaqalqu l-arbli tagħhom.

Ħ'Attard — Xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'toroq saru jew qed isiru f'Ħ'Attard? X'xogħol sar u x'fadal isir f'kull triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li t-toroq li saru f’Attard huma :- Triq iż-Żraġen Triq il-Bettija Triq Daħlet l-Istrinġitur p/o Triq Lorenzo Manche Triq Żbiba Triq Fikus Triq Sardinella Triq il-Larinġ It-toroq li qed isir ix-xogħol fuqhom huma Triq P P Rubens u Triq E Cremona u dawk li fadal isir ix-xogħol fuqhom huma Triq it-Taħħan u Triq iż-Żahar.