Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fond għat-Trattament Xieraq tal-Annimali –applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tal-applikazzjonijiet ta’ applikanti li bbenefikaw mill-Fond għat-Trattament Xieraq tal-Annimali matul is-sena 2015? Kemm kien il-valur ta’ kull applikazzjoni li ġiet milqugħa b’mod favorevoli?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Fond għat-Trattament Xieraq tal-Annimali –rifjut ta’ applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet tar-rifjut għal kull applikazzjoni li ġiet irrifjutata mill-bord li vvaluta l-applikazzjonijiet minn applikanti li applikaw biex jibbenefikaw mill-Fond għat-Trattament Xieraq tal-Annimali

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi tnejn mit-tliet applikazzjonijiet ġew irrifjutati minħabba li ma kinux konformi mall-linji gwida maħruġa mal-applikazzjonijiet tal-Fond għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għall-2015. Waħda mill-applikazzjoni ma kinitx irreġistrata bħala organizzazzjoni volontarja mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazjonijiet Volontarji filwaqt li applikant ieħor ma’ ssottomettix l-annual returns u l-annual accounts. It-tielet applikazzjoni ġiet irrifjutata minħabba li ġiet ppreżentata tard.

Wild Birds Regulations Unit – Ftuħ ta’ Uffiċċju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet għaliex l-Uffiċċju tal-Wild Birds Regulation Unit se jiftaħ biss darbtejn fix-xahar? Ma jaħsibx li s-servizz fl-operat se jiddetterjora peress li s-servizz se jingħata darbtejn fix-xahar biss?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-Uffiċċju tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi f’Malta huwa miftuħ għall-pubbliku kull nhar ta’ Ħamis u Ġimgħa bejn id-09:00 u l-12:00, filwaqt li l-uffiċċju f’Għawdex huwa miftuħ għall-pubbliku kull l-ewwel u l-aħħar Ħamis ta’ kull xahar, bejn id-09:00 u s-13:00. L-Onor. Interpellant għandu jinnota li s-servizz ġdid għall-pubbliku f’Għawdex ġie introdott għall-ewwel darba fi Frar 2016. Qabel dan ma kienx hemm servizz dirett għad-dispożizzjoni tar-residenti Għawdxin, u għalhekk mhuwiex ċar għalfejn l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal dan is-servizz il-ġdid bħala “deterjorazzjoni” meta fil-fatt dan huwa servizz ġdid li qed jiġi offrut fuq u ma’ kwalunkwe servizz ieħor li kien qed jiġi pprovdut qabel.

Pitkalija — xogħlijiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23270, billi għaddiet iktar min-nofs din il-leġislatura, u billi jidher li ftit li xejn sar xogħol strutturali fil-pitkalija, u lanqas jidher li ħarġu xi tenders għal xogħol li għandu jsir din is-sena, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar ix-xogħol li sar s’issa? Jista’ almenu jagħti tagħrif dwar ix-xogħol li nstab li hu meħtieġ li jsir fil-pitkalija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi l-istadju ta’ preparament għall-ħruġ ta’ tenders għax-xogħlijiet meħtieġa, jinsab fi stadju avvanzat u mistenni joħroġ sal-aħħar ta’ Marzu 2016. Ix-xogħol jinkludi rranġar tas-soqfa u tal-art tat-tined tal-pitkala, irranġar ta’ platforms u implimentazzjoni ta' sistema ġdida tal-IT.

San Pawl il-Baħar – moll tal-Veċċja — slip

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23269, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt is-sajjieda lmentawx dwar il-mod kif sar is-slip il-ġdid, u li saħansitra s-sajjieda lesti li jagħmlu xogħol fuq is-slip huma stess?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li ma sarux ilmenti uffiċjali għand id-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura sabiex is-sajjieda jagħmlu l-islip mill-ġdid meta dan, wara numru ta’ snin, saritlu t-tiswija meħtiega u reġa’ qed jintuża. Kien hemm xi sajjieda li qabel ma sar ix-xogħol, verbalment tkellmu ma’ uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura, u lmentaw li t-talut ta’ l-islip huwa wisq għoli. Id-Dipartiment ġie nfurmat min-nies tekniċi li dan mhuwiex il-każ u li t-talut huwa tajjeb sabiex meta l-ilma jofroħ, l-islip xorta waħda jkun funzjonabbli.

Għawdex – Art fejn kien hemm il-miżbla tal-Qortin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellha metri kwadri ta' art f' idejha l-Wastserv u/jew il-Ministeru tiegħu fejn kien hemm il-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex qabel parti sostanzjali minn din l-art ġiet mgħoddija lill-Enemalta kif ikkonferma l-Ministru stess fi tweġiba fil-Parlament? Jista' jgħid illum kemm fadlilha metri kwadri ta' art f'idejha l-istess Wasteserv u/jew il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża tal-Wasteserv biex inbena ġibjun fuq dan is-sit li jesa' 4,000 metru kubu ta' ilma? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża biex fis-sit tħawlu madwar 23,000 siġra u arbuxxell? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża biex fl-aħħar tliet snin intużaw kważi tmien miljun litru ilma biex jissaqqew dawn is-siġar u arbuxxelli?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata mill-aktar fiss possibbli.

Pixkerija — tinda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux il-passi neċessarji biex tinda li tinsab faċċata tal-pixkerija l-ġdida u li bħalissa qiegħda tintuża bħala parking area għal dawk kollha li jmorru l-pixkerija, hux ser titneħħa peress li hi tal-aesbestos? Meta ser titneħħa din it-tinda? X’qed jagħmel il-Ministeru tiegħu biex sakemm din it-tinda tiġi mneħħija, il-livelli ta’ emissjonijiet fl-arja ma jkunux ta’ dannu għas-saħħa? Qiegħed isir moniteraġġ kontinwu, hekk kif kien wiegħed is-Segretarju Parlamentari waqt id-diskors tiegħu tal-baġit, biex ma jkun hemm l-ebda periklu għal dawk kollha li jużaw dan il-parkeġġ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li m’hemm l-ebda pjan li t-tinda li tinsab faċċata tal-pixkerija l-ġdida u li bħalissa qiegħda tintuża bħala parkeġġ, titneħħa, peress li jista’ jinħoloq periklu jekk dan l-asbestos jiċċaqlaq. Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura ħa l-passi neċessarji skont il-L.S.424.23 “Regolamenti dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji li jinħolqu meta persuna tkun esposta għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol”, billi f’Marzu 2015 saret evalwazzjoni inizjali tar-riskju, fejn sar kejl tal-fibri tal-asbestos fl-arja billi ttieħdu kampjuni. Ir-riżultat minn dawn il-kampjuni juri li l-konċentrazzjoni mkejla tal-fibra fl-arja respirabbli huwa f'limiti aċċettabbli. Test ieħor fuq l-istess sit huwa ppjanat li jsir f’Marzu 2016 sabiex jibqa’ jsir monitoraġġ tas-sitwazzjoni. Infakkar lill-Onor. Interpellant li dan is-sit kien intgħażel mill-amministrazzjoni preċedenti li daħlet għall-obbligu li tużah bħala parkeġġ għall-Pixkerija l-ġdida.

Pixkerija – żona fejn jitqatta’ ħut ta’ kobor sostanzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex ser tiġi pprovduta żona fil-pixkerija li filwaqt li tkun konformi mar-regoli tal-EU, ħut ta’ kobor sostanzjali jkun jista’ jiġi mqatta' fiha?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-Pixkerija hija ċentru tal-irkant li l-funzjoni tiegħu hija li jikkonċentra l-prodotti tas-sajd, biex jiffaċilita għas-sajjieda l-bejgħ tal-qbid tagħhom, billi dawn jiġu offruti permezz ta’ rkant trasparenti u ekwu lix-xerrejja, sabiex il-ħut jinbigħ għall-ewwel darba u jidħol fl-ewwel stadju tal-katina tas-suq fi triqtu lejn il-konsumatur. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li f’dan l-istadju l-ispeċi ta’ ħut mill-familja tal-klieb il-baħar, bħal muruni, ma jistgħux jitqaxxru jew jitqattgħu fil-Pixkerija. Iċ-ċentru tal-irkant mhux awtorizzat li fih isir proċessar inkluż it-tqattigħ. Barra minn hekk, din il-faċilità qatt ma nbniet bil-ħsieb li jkun hemm din l-attività. Fuq kollox, ir-regoli dwar l-iġjene tal-UE, ma jippermettux proċessar ta’ ikel għall-konsum uman, jekk mhux min-nies espliċitament imħarrġa u awtorizzati biex jagħmlu xogħol ta’ pproċessar taħt kundizjonijiet iġeniċi stabbiliti, sabiex il-prodotti tal-ikel jitwasslu għand il-konsumatur bl-iktar mod bnin. Ninsab infurmat ukoll li f’Malta hawn diversi ażjendi privati li għamlu investiment biex waqqfu stabbilimenti simili u fir-rispett tal-prinċipju ta’ suq ħieles m’għandux ikun l-irwol tal-Gvern illi joħloq kompetizzjoni inġusta għal dawn l-istabbilimenti. Ninsab infurmat li fost ix-xerrejja hemm minnhom li għandhom stabbiliment bħal dan fejn jista’ jsir dan it-tqattigħ. Madankollu qed isiru sforzi biex il-privat jinvesti fis-sular ta’ fuq tal-Pixkerija biex isir stabbiliment għall-ipproċessar.

Bejgħ ta’ Ħut — ħinijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk sajjied li ma jilħaqx idaħħal il-ħut li jkun qabad fil-Pixkerija sal-erbgħa ta’ filgħodu, il-ħut tiegħu jinbiegħ l-għada?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li jekk sajjied ma jilħaqx idaħħal il-ħut li jkun qabad fil-Pixkerija sal-erbgħa ta’ filgħodu, u għalhekk ma jilħaqx is-sessjoni tal-irkant ta’ dakinhar, għandu l-faċilità li jħalli l-ħut mal-pitkal tiegħu f’coldroom sabiex jiġi rkantat l-għada.

Pixkerija l-ġdida — observers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu observers fil-pixkerija l-ġdida? Xi kwalifiki għandhom dawn l-observers? X’tip ta’ training qed jingħataw? Veru li hemm xi wħud minnhom illi lanqas jafu jagħmlu distinzjoni bejn ħuta u oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li ma daħlu l-ebda observers biex jaħdmu fil-Pixkerija l-ġdida.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħol ta' konsulenza lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa’ Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant japprezza li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli nibet minn Ministeri oħra li kienu jħaddnu wkoll bosta sezzjonijiet u/jew entitajiet u dipartimenti li llum ma jiffurmawx parti minn dan il-Ministeru. Fil-fatt, fil-parti l-kbira tiegħu, il-Ministeru tiegħi twieled minn dak li qabel kien il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali (MRRA) li minnu twieled ukoll il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura (MTI) tal-lum. Għaldaqstant biex ma tingħatax informazzjoni doppja għall-perjodu ta’ bejn l-2008 u Marzu 2013, ir-risposta ser tingħata mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari simili. Min-naħa l-oħra, ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li f’dak li jirrigwardja l-perjodu 2004-2007, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ma ta l-ebda xogħol lill-kumpanija msemmija. Inżid, fl-aħħar nett, li bejn l-2004 u Marzu 2013, il-kumpanija Wasteserv Malta Ltd. ukoll ma tat l-ebda xogħol lill-kumpanija msemmija.

Annimali – żiemel fil-petting farms ta’ Ta’ Qali, Family Park u fl-Għammieri

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21676, jista’ l-Ministru jinvestiga jekk barra l-annimali msemmija, minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum, kienx qed jinżamm ukoll fl-Għammieri żiemel ta’ persuna privata li taħdem fid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li għal xi żmien, b’deċiżjoni amministrattiva, ingħata permess biex jinżamm żiemel ta’ persuna privata li jaħdem fit-taqsima tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Dan iż-żiemel privat kien inġab sabiex jakkumpanja annimal ieħor wara li żiemel ieħor li kien tal-Gvern kien miet. Jien infurmat li l-intenzjoni kienet li, wara perjodu ta’ żmien ta’ prova, iż-żiemel kien se jingħata b’donazzjoni lill-Gvern. Inżid ngħid li l-ispejjeż tal-ikel kellu jagħmel tajjeb għalihom is-sid privat kif jien infurmat li fil-fatt ġara. Wara xi żmien irriżulta li dan iż-żiemel ma kienx kompatibbli mal-annimali l-oħra fl-Għammieri u għalhekk ingħata lura lil sidu. Inġibdet l-attenzjoni tal-ħaddiema kollha li mhux permess li annimali ta’ persuni privati jitħallew jifformaw parti mill-annimali tad-Direttorat.

Il-Marsa – Kelba li għerqet il-Menqa — investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jispjega jekk intemmitx l-investigazzjoni dwar il-każ ta’ kelba li għerqet il-Menqa fil-Marsa u li ġie rrapportat fil-midja lokali fil-15 ta’ Jannar 2016?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-inkjesta għadha għaddejja u mistenni li tkun lesta fil-futur qrib.

Il-Marsa – Kelba li għerqet il-Menqa — investigazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min qed isiru l-investigazzjonijiet dwar il-kelba li għerqet il-Menqa fil-Marsa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-investigazzjoni dwar il-każ tal-kelba li għerqet il-Menqa fil-Marsa qed issir minn Bord li twaqqaf appożitament mill-Kap tad-Dipartiment għar-Regolazzjoni Veterinarja u Saħħa tal-Pjanti. Il-membri tal-Bord huma kollha Diretturi fi ħdan il-Ministeru.

Kelba li nstabet mgħarrqa – eżitu tal-inkjesta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx inkjesta dwar il-każ tal-kelba li nsabet mgħarrqa? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kien l-eżitu tal-imsemmija investigazzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari 23294 u 23295.

Ambulanzi tal-Annimali — sejħiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tas-sejħiet, każ b’każ, li saru lill-Ambulanza tal-Annimali minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jindika, separatament, id-dettalji ta’ kull sejħa bid-dettalji tad-data, il-ħin meta daħlu s-sejħiet, il-ħin li fih l-ambulanza waslet fuq il-post kif ukoll il-lokalità ta’ fejn marret l-ambulanza?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – ġbir ta’ klieb u qtates

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li kellha titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra b’risposta għall-mistoqsijiet parlamentari 19784 u 19785 rispettivament, peress li s-Segretarjat Parlamentari ntrabat li malli tinġabar l-informazzjoni kollha meħtieġa titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari illi ċ-ċifri tal-annimali affetwati bil-mard mogħtija fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 19784 u 19785 ma kinux korretti għaliex id-data li ġiet estrapulata mis-sistema elettronika f’database ta’ Ċentru San Franġisk, kienet tinkludi każi li jmorru lura lil hinn minn Marzu 2013. Għaldaqstant, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ Tabelli, waħda tal-klieb u oħra tal-qtates fejn jinkludu l-informazzjoni kollha li setgħet tinġabar u dan jinkludi l-mikroċippa tal-annimal, it-tip ta’ mard u x’sar mill-annimal. Dawk l-annimali li magħhom m’hemmx abbinat numru tal-mikroċippa jfisser li ma kienx hemm il-ħtieġa li tiġi mpoġġija tali mezz ta’ identifikazzjoni elettronika peress li l-annimal kien laħaq miet jew kellu bżonn jitraqqad.

Pitkalija – kontribuzzjoni tal-bdiewa, pitkala u xerrejja

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17956, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għalkemm il-kontribuzzjoni mħallsa mill-bdiewa u x-xerrejja għal-ħasil, irranġar u provvista ta’ kaxxi tal-pitkalija żdiedet bi 300% biex skont kliem il-Ministru stess 'jitjieb is-servizz tal-kaxxi', illum il-ġurnata dan is-servizz minflok tjieb, mar mill-ħażin għall-agħar? Ma jħossx il-Ministru li dan is-servizz għandu jingħata kif kien imwiegħed?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22813, filwaqt li ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi ż-żieda ta’ €0.006 li għamel referenza għaliha f’din il-mistoqsija, qiegħda tmur biex tiffinanzja parti mill-ispejjeż għax-xiri ta' kaxxi ġodda.

Pitkalija – kontribuzzjoni tal-bdiewa, pitkala u xerrejja

Question

Peress illi l-kontribuzzjoni mħallsa mill-bdiewa u xerrejja għall-ħasil, irranġar u provvista ta’ kaxxi tal-pitkalija żdiedet bi 300%, u ċjoè minn €.003 għal €.009 għal kull Ewro ta’ bejgħ bl-iskuża illi se 'jitjieb is-servizz tal-kaxxi', ma jħossx il-Ministru illi l-Ministeru tiegħu qed jisraq lill-bdiewa u lix-xerrejja peress illi minn meta daħlet fis-seħħ din iż-żieda, dan is-servizz mar mill-ħażin għall-agħar? X’qed isir mill-flus żejda li qed idaħal il-Gvern miż-żieda fil-kontribuzzjoni? Għaliex dawn mhux qed jintużaw għall-xiri addizzjonali ta’ kaxxi tal-pitkalija ġodda?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari 22813, u 22815.