Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #22254 Sitting 460 2001-01-08 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Waste Management Department — Direct Labour

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-valur ta' xogħol li sar bid-direct labour mill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Waste Management, liema xogħol ġie kkreditat lill-proġetti kapitali matul dawn l-aħħar tnax il-xahar? Il-valur ta' dan ix-xogħol ġie imnaqqas mill-vot tal-personal emoluments? Jista' l-Ministru jagħti deskrizzjoni tax-xogħol li sar b'dan il-mod?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-ebda 'direct labour' ma ġie kkreditat lill- proġetti kapitali matul dawn l-aħħar tnax-il xahar.
Leg 9 PQ #22255 Sitting 460 2001-01-08 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Manufacturing and Services Department — Direct Labour

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-valur ta' xogħol li sar bid-direct labour mal-ħaddiema tad-dipartiment Manufacturing and Services liema xogħol ġie ikkreditat lill-proġetti kapitali matul dawn l-aħħar tnax il-xahar? Il-valur ta' dan ix-xogħol ġie imnaqqas mill-vot tal-personal emoluments? Jista' jagħti deskrizzjoni tax-xogħol li sar b'dan il-mod?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi mhux possibli li nagħti l-valur ta' xogħol li sar bid-'direct labour' mill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi. Dawn il-ħaddiema ħadmu fuq il-proġetti kapitali kollha msemmija fl-estimi. Il-valur tax-xogħol li jkun sar fuq dawn il-proġetti permezz ta' 'direct labour' jiġi kkreditat lill-vot kapitali globalment għall-ammont li jidher fl-estimi.
Leg 9 PQ #22256 Sitting 460 2001-01-08 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Building and Engineering Department

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu il-valur ta' xogħol li sar bid-direct labour mill-ħaddiema tad-dipartiment building and engineering u liema xogħol ġie ikkreditat lill-proġett kapitali matul dawn l-aħħar tnax il-xahar? Il-valur ta' dan ix-xogħol ġie imnaqqas mill-vot tal-personal emoluments? Jista' jagħti deskrizzjoni tax-xogħol li sar b'dan il-mod?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi mhux possibli li nagħti l-valur tax-xogħol li sar bid-'direct labour' mill-ħaddiema tal-'Building and Engineering Department' f'xogħlijiet kapitali. Għar-rigward it-tieni u t-tielet parti tad-domanda, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta tiegħi għad-domanda tiegħu stess numru 22255.
Leg 9 PQ #22331 Sitting 460 2001-01-08 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għall-Ambjent

B'Kara — Parking Area

Question

Wara x-xogħol li sar mill-Ministeru għall-Ambjent biex tkun livellata u msewwija Triq il-Wied ta' l-Imsida, B'Kara, quddiem is-showroom ta' Pisano Bros Car Dealers, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li z-zona ta' quddiem din ix-showroom ġiet riservata għall-użu kummerċjali ta' l-istess showroom, bħala parking area, u dan b'detriment għar-residenti l-oħra tat-triq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li qed jagħti l-Ministru ta' l-Intern għall-Mistoqsija Parlamentari 22333 ta' din is-seduta.
Leg 9 PQ #21925 Sitting 459 2000-12-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Kontijiet tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kienet l-ispiża tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-Ministeri u d-Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-Ministru għas-snin 1997, 1998 u 1999 sena b'sena separatament? Kemm min dawn il-kontijiet tħallsu u kemm għadhom pendenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif tidher hawn taħt: 1997 1998 1999 Pendenti Lm Lm Lm Lm ___________________________________________________________ Ministeru għall-Ambjent* 4009.82 3092.23 2957.79 Finance and Administration 20020.23 55488.21 13127.23 Construction and Maintenance // // // 11716.92 Manufacturing and Servicing 21510.52 18886.15 20930.78 Building and Engineering // // 4152.78 Drainage 23747.83 44596.76 28099.07 Waste Management 10838.00 111324.66 80742.34 Building Construction Industry // // 1054.65 Districts/Robba Quarry 17732.52 5208.24 // B.I.C.C. // // 550.40 Environment Protection 4265.09 3175.57 9,154.96 * Kontijiet tad-dawl.
Leg 9 PQ #21928 Sitting 459 2000-12-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

WSC — Qammieħ, Mellieħa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 21362 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe’ jista' jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet irrapportati lill-WSC li l-ispieri tal-ilma tal-bdiewa fl-inħawi tal-Qammieħ l-Mellieħa qed ikollhom ilma tad-drenaġġ matul din is-sena? X'passi ttieħdu u x'inhija l-pożizzjoni ta' dawn il-bdiewa u tal-kwalita' tal-ilma ta' l-ispieri fl-inħawi tal-Qammieħ, il-Mellieħa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li matul din is-sena kien daħal rapport illi l-ispieri tal-ilma tal-bdiewa fl-inħawi tal-Qammiegħ kienu ikkontaminati bid-drenaġġ. Id-Dipartiment tad-Drenaġġ minnufih naddaf il-mini li jiffurmaw il-main tad-drenaġġ u wara li nstab illi parti minnha ikkolassat, din itranġat u s-sitwazzjoni issa ġiet għan-normal f'dak li hu l-funzjoni u l-operat ta' dan il-main tad-drenaġġ.
Leg 9 PQ #22125 Sitting 459 2000-12-12 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Barrakka ta' Isfel

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga b'mod dettaljat is-sitwazzjoni ambjentali tal-Barakka ta' Isfel? X'inhi r-raġuni li minbarra l-entratura tagħha, dan il-ġnien huwa magħluq? Għaliex ma tkomplix l-embellisment tal-post? Għaliex il-ħadid tal-gallarija baqa' ma sarx? Jikkonsidra li jeżisti periklu kbir għal dawk li qegħdin jaqbżu l-barrikadi b'periklu kbir għal saħħithom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-ġnien tal-Barrakka ta' Isfel m'huwiex magħluq. L-area kollha tal-ġnien hija miftuħa għall-pubbliku. Wara li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta lesta r-restawr ta' l-arkati, intalab permess bħala l-ewwel pass biex isiru faċilitajiet sanitarji ġodda peress li dawk ta' qabel kienu qed jgħattu parti mill-veduta. Wara diskussjoni ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, saru proposti ġodda u riċentement l-Awtorita' ta' l-Ippjanar approvat l-applikazzjoni ġdida. Perit issa qed tipprepara t-tenders biex dawn isiru. L-istess perit qed tipprepara proposta għat-tisbiħ kollu tal-ġnien li jinkludi t-tqegħid mill-ġdid tar-railing tal-ħadid, sistema ta' irrigazzjoni, dawl u street furniture ġdid, u pavimentazzjoni.
Leg 9 PQ #22143 Sitting 459 2000-12-12 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għall-Ambjent

B'Buġia — Triq il-Ħajja Ewlenija

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni li jara li d-daħla għallinqas fil-fond semi finished abbandunat, Plot Nru 15, fi Triq il-Ħajja Ewlenija, B'Buġia jiġi mnaddaf?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #22151 Sitting 459 2000-12-12 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Cottonera Rehabilitation Committee — L-Kappella tas-Salvatur

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra bix-xogħol li beħsiebu jsir mill-Cottonera Rehabilitation Committee ġewwa l-kappella tas-Salvatur l-Kalkara u jistax ukoll jingħad kemm beħsiebu jintnefaq fuq dan?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-kappella tas-Salvatur ġewwa l-Kalkara huwa l-proġett ewlieni tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera fil-Kalkara. Ġie kkomissjonat studju ta' din il-kappella kemm mil-lat storiku u kemm mil-lat tar-restawr li hemm bżonn isir. Il-proġett kien approvat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Issa jmiss li ssir it-tender biex isir ix-xogħol. Għad ma hemmx stima tax-xogħol li jrid isir.
Leg 9 PQ #22152 Sitting 459 2000-12-12 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Cottonera Rehabilitation Committee — Pjazza Paolino Vassallo

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra bix-xogħol li beħsiebu jsir mill-Cottonera Rehabilitation Committee ġewwa Pjazza Paolino Vassallo, Bormla u jistax ukoll jingħad kemm beħsiebu jintnefaq fuq dan?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera qed iħejju għal proġett ta' tisbiħ ta' Pjazza Paolino Vassallo, Bormla, bħala wieħed mill-proġetti għas-sena 2001. Il-pjanti għadhom qed isiru u għad ma hemmx stima tax-xogħol.
Leg 9 PQ #22153 Sitting 459 2000-12-12 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Cottonera Rehabilitation Committee

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra bix-xogħol li beħsiebu jsir mill-Cottonera Rehabilitation Committee ġewwa l-Belt Sengleana b'attenzjoni għar-restawr tal-istatwa ta' San Mikiel u dak li ser jsir fuq il-mina ta' Sant Anna u jistax ukoll jingħad kemm beħsiebu jintnefaq fuq dan?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera lesta x-xogħol ta' restawr fuq l-istatwa ta' San Mikiel, liema xogħol sewa mat-tliet elef lira. Wara suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant li kellu l-appoġġ tal-Kunsill Lokali Isla qed jitħejjew pjani sabiex il-Mina ta' Sant'Anna u l-area ta' quddiemha tiġi restawrata u mtejba. Għad ma hemmx stima ta' dan ix-xogħol.
Leg 9 PQ #22154 Sitting 459 2000-12-12 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Cottonera Rehabilitation Committee

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra bix-xogħol li sar mill-Cottonera Rehabilitation Committee ġewwa l-Birgu senjatament fil-Courve Port, u t-toroq Boffa, Tramuntana u l-Kunsill popolari jistax ukoll jingħad kemm intnefaq fuq dan?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera għaddej b'diversi xogħlijiet li qed isiru l-Birgu. Bħalissa qed isiru xogħlijiet ta' restawr fuq iż-żewġ kavallieri (San Ġwann u San Ġakbu), qed tiġi restawrata faċċata ta' dar importanti li kienet okkupata qabel mill-Papas tal-Griegi (u li llum tintuża mill-Vittoriosa Stars), qed issir bankina fuq il-pont ta' Triq Boffa bil-qawwi, u qed isir il-paviment tal-belvedere tal-Couvre Porte. Dawn il-proġetti kollha huma stmati mat-tmenin elf lira. Barra minn hekk, hemm diversi pjani għas-sena d-dieħla inkluż il-kontinwazzjoni ta' pavimentar bil-qawwi fil-Collachio, restawr ta' aktar bini storiku u l-istħarriġ tal-possibbilta' li jinbena mill-ġdid it-Torri.
Leg 9 PQ #22094 Sitting 457 2000-12-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Nicholl Ground — Sit Alternattiv

Question

B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 20806, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta fejn jintwera is-sit alternattiv għan-Nicholl Ground?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti mitluba.
Leg 9 PQ #22080 Sitting 455 2000-12-11 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

San Gwann — Tfiegħ ta' Żebgħa

Question

Jista' l-Ministru jordna li jiġi nvestigat tfiegħ ta' kwantita ta' żebgħa li qed jintefgħa regolarment fil-kanal tal-ilma fit-triq tal-Lloyd's Shoes fl-Industrial Estate, San Ġwann?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li spezzjonijiet li saru minn spetturi tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent urew li vandali kienu qegħdin jitfgħu din iż-żebgħa fil-kanali ta' l-ilma. Il-każ ġie riferut lill-pulizija biex tagħmel l-istħarriġ neċessarju. Bil-każ ġie nfurmat ukoll iċ-Chairman ta' l-MDC.
Leg 9 PQ #22095 Sitting 455 2000-12-11 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Dipartimenti Sekondati mill-Kunsilli Lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema mid-dipartimenti fir-responsabbilta' tiegħu li huma sekondati mall-kunsilli lokali? Jista' jagħti breakdown ta' dan in-numru ta' ħaddiema, kull kunsill lokali separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema assenjati mal-Kunsilli Lokali huwa ta' 90. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawn il-ħaddiema kif huma mqassmin.
Leg 9 PQ #22044 Sitting 454 2000-12-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema programm/i ta' l-Unjoni Ewropea xi dipartiment jew entita' oħra li tinsab fid-dekasteru tiegħek qed tipparteċipa? Liema huma dawn il-programmi u x'utilita' għandhom u kemm qed jieħdu sehem persuni? Kemm hu l-ħlas ta' Malta u dak ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Bħal ma diġa' ħabbart f'okkażjoni oħra, fid-9 ta' Ottubru, 2000, għan-nom tal-Gvern Malti, iffirmajt ftehim biex Malta tissieħeb fl-Aġenzija Ewropeja għall-Ambjent. L-Onorevoli Interpellant jaf li jiena ressaqt mozzjon lill-Ispeaker tal-Kamra biex dan il-ftehim jinġieb għar-ratifika tal-Parlament. Malli dan isir, Malta ssir membru sħiħ f'din l-Aġenzija b'rappreżentanza fuq il-Management Board u bid-dritt tal-vot. Kif jidher fit-test tal-ftehim, li kopja tiegħu kienet annessa mal-mozzjon, il-ħlas għas-sħubija ta' Malta f'din l-Aġenzija għat-tlett snin li ġejjin (2001/2003) huwa ta' Euros 36,000, Euros 46,000 u Euros 56,000 rispettivament. Kif insiru membri ta' l-Unjoni Ewropeja, il-ħlas tas-sħubija jibda jsir mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropeja. Sħubija f'din l-Aġenzija se tgħin biex Malta, permezz tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent, tkun f'pożizzjoni li tipparteċipa f'dawk l-inizjattivi li tieħu l-Aġenzija favur l-ambjent. Dawn l-inizjattivi jinkludu network fost il-pajjiżi membri għall-bdil ta' informazzjoni dwar l-oqsma kollha ambjentali u l-parteċipazzjoni fi programmi ta' taħriġ, u fil-Kumitat Xjentifiku. Malli nsiru membri ta' l-Aġenzija, ċittadini Maltin ikunu jistgħu japplikaw għall-impjieg ma' l-Aġenzija filwaqt li esperti Maltin fil-qasam ta' l-ambjent ikunu jistgħu jiġu ngaġġati mill-Aġenzija bħala konsulenti.
Leg 9 PQ #21884 Sitting 453 2000-12-07 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' direct orders li nħarġu mill-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru matul din is-sena? Kemm jiswa l-valur f'ċifra ta' flus ta' dawn id-direct orders u kemm tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi lill- Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru.5122 seduta 73.
Leg 9 PQ #21962 Sitting 452 2000-12-07 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Cleaner Technology Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu mwaqqaf il-Cleaner Technology Centre fl-Universita' Tal-Qroqq? Jista' l-Ministru jgħid fuq linji ġenerali, x'informazzjoni dwar materji ambjentali wassal lill-industrija f'dawn l-aħħar snin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-'Cleaner Technology Centre' twaqqaf fl-1993. F'dawn l-aħħar snin, iċ-Ċentru pprovda servizz ta' pariri lil industrija fuq 'disposal' ta' skart u ekonomija fl-użu ta' materjal u energija. Iċ-Ċentru dan għamlu l-aktar permezz ta' l-organizazzjoni ta' konferenzi u 'seminars' u l-pubblikazzjoni ta' 'pamphlets'.
Leg 9 PQ #21973 Sitting 452 2000-12-07 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Garaxx tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 21715 li oriġinarjament kienet saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid jekk hux minnu li kien imġiegħel espert fil-garage tal-gvern biex jara jekk il-fannijiet li hemm humiex biżżejjed skond il-kubaġġ ta' l-area kif stabilit mir-regoli internazzjonali fuq is-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol? Jista' jgħid meta saret din iż-żjara? Tlesta r-rapport? Jekk fl-affermattaiv, jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? X'inhuma l-konklużjonijiet ewlenin f'dan ir-rapport? X'reazzjonijiet kellu l-Gvern?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru huwa nfurmat li mhux minnu li kien imġiegħel expert fil-Garaxx tal-Gvern biex jara jekk il-fannijiet li hemm humiex biżżejjed skond il-kubaġġ ta' l-area.
Leg 9 PQ #21874 Sitting 451 2000-12-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Tenders

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kien in-numru ta' tenders li ħarġu mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru matul din is-sena? Kemm minnhom ġew aċċettati/approvati? Kemm għandhom pendenti u kemm ġew irtirati? Fil-każ ta' l-aħħar, x'kienu ir-raġunijiet? Kemm mit-tenders approvati tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu u x'inhija ċ-ċifra f'somma ta' flus tal-pagamenti mħallsa u pendenti separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li in-numru ta' 'Tenders' li ħarġu matul din is-sena kienu dawn: Dipartiment Għal-Ħarsien ta' l-Ambjent: Numru ta' Tenders': 7 (wiehed gie irtitat għaliex id-departiment sab bini tal-Gvern). Tħallsu: Lm15,914, Pendenti: Lm33,076. Taqsima tax-Xogħlijiet: Numru ta' 'Tenders': 176: 123 ġew accettati u approvati; 44 għadhom pendenti; 2 ma kien hemm l-ebda offerta għalihom; 7 ġew irtitati. L-informazzjoni dwar l-ammonti ta' dawn it-'Tenders' qiegħda tinġabar.