Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta — MIDI/Holiday Inn

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Enemalta għandhiex l-kapaċita' biżżejjed sabiex tforni b'mod suffiċjenti l-proġett tal-MIDI (Tigne Point) kif ukoll li l-iżvilupp tas-sit tal-Holiday Inn meta dawn iż-żewġ proġetti jitlestew? Jekk fin-negattiv, x'beħsiebha tagħmel l-Enemalta f'din is-sitwazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

WSC — Problema ta' seeping water

Question

Peress li saru ħafna testijiet fuq il-problema ta' seeping water fl-indirizz indikat separatament, jista' l-Ministru jara x'sar u jekk il-problema tistax tissolva għas-sodisfazzjon ta' l-anzjana nvoluta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li saru xi rapporti lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma dwar ħruġ ta' ilma fl-indirizz indikat. Anqas ma saru xi testijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Wara li saret din il-mistoqsija, intbagħtu uffiċjali tal-Korporazzjoni biex jinvestigaw fuq il-post iżda sabu l-post magħluq darbtejn. Nissuġerixxi lill-Onor Interpellant li jgħaddi informazzjoni lill-Korporazzjoni dwar lil min jistgħu jikkuntattjaw dwar il-każ.

Ex-ħaddiema tas-Sea Malta — Terminal benefits

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-talbiet ta' l-ex ħaddiema tal-baħar tas-Sea Malta għat-terminal benefits?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-likwidaturi tal-kumpanija qegħdin fl-istadju li jirrealiżża l-assi tal-kumpanija biex mir-rikavat jagħmlu distribuzzjoni tal-assi lill-kredituri kollha skond il-liġi. Bħalissa għaddej proċess fil-Qorti fejn l-ex impjegati tal-baħar tal-Kumpanija qegħdin isostnu l-allegazzjonijiet tagħhom li t-talbiet tagħhom huma privileġjati . Billi l-kwistjoni għadha pendenti quddiem il-Qorti ma jkunx għaqli li tiġi espressa opinjoni dwar il-mertu ta' din it-talba.

Għawdex — MITTS

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-MITTS ta' Għawdex mhux qed jieħdu t-telefonati direttament huma imma t-telefonata qed tidħol Malta bil-konsegwenza li qed ikun hemm dewmien fis-servizz provdut u b'hekk jinħoloq inkonvenjent lil kull min jinħtieġ l-għajnuna tat-tekniċi f'Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat, li s-servizz ċentraliżżat huwa sempliċiment is-servizz ta' teħid tat-telefonati. Servizz bħal sapport fuq kompjuters għand il-klijent għadu jsir mill-istess impjegati.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Ikliet/hospitality

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali ta' l-ikliet/hospitality tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Xiri ta' stationery

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-stationaries tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Tarzna

Question

It-Tarzna ta' Malta kemm ħadet ordnijiet mill-Istati Uniti u mill-flotot navali tagħha fis-snin 2005 u 2006? Hemm prospetti ta' ordnijiet minn dan il-pajjiz fil-ġejjieni qarib?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fis-snin 2005 u l-2006 kien hemm 15-il vapur minn kumpaniji Amerikani li daħlu fit-tarzna ta' Malta. Fl-istess żmien ma daħal l-ebda vapur mill-flotot navali ta' l-Istati Uniti. Fix-xahar ta' Marzu 2007 hemm vapur tal-passiġġieri minn kumpanija Amerikana li se jidħol it-tarzna għal xi xogħolijiet.

Wied il-Għajn — Qtugħ ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li kien hemm qtugħ ta' ilma għall-aktar minn okkażjoni waħda mingħajr ebda avviż fi Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-ewwel tas-sena kien hemm tliet okkazzjonijiet li l-provista tal-ilma fi Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn, kellha tingħalaq. L-ewwel darba kienet fil-5 ta’ Frar, minħabba xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-mejn prinċipali li jitma’ l-Wied il-Għajn kollu. Dan il-qtugħ dam għal madwar 15-il siegħa u saret stqarrija għall-Istampa dwaru. It-tieni u t-tielet drabi, li ġraw fit-12 u fil-21 ta’ Frar, ukoll kellhom isiru minħabba xogħol ta’ manutenzjoni tas-sistema tad-distribuzzjoni, iżda dawn id-drabi ġew effettwati biss ftit toroq (inkluż Triq il-Qaliet). Il-qtugħ dam ftit aktar minn siegħa u sitt sieghat rispettivament u ma sarux stqarrijiet minħabba li d-dewmien ma kienx kbir u li kienu effetwati biss ftit toroq.

Wied il-Għajn — Triq is-Salini - Street lighting

Question

Jista' l-Ministru, permezz ta' l-Enemalta, jgħid min hu responsabbli għad-dawl li hemm mal-baħar fi Triq is-Salini, Wied il-Għajn għax dawn qegħdin f'sitwazzjoni ta' abbandun bi brazzi mkissra u bozoz ma jixgħelux u ilhom hekk għal żmien twil? Min hu responsabbli ta' dan l-istreet lighting li hemm max-xatt, il-kunsill lokali jew l-Enemalta? Possibbli xi ħadd jiddeċiedi min hu responsabbli għax hu inaċċettabli li din it-triq titħalla fid-dlam għal xhur sħaħ mhux biss għar-residenti u n-nies li jużawha imma anke għat-turisti li ta' spiss iżuru dan il-post? Jistgħu jittieħdu passi biex dan l-ilment ma jaqax fuq widnejn torox u xi ħadd jieħu ħsieb jagħmel it-tiswijiet li hemm bżonn għax diversi lmenti oħra fuq l-istess triq sfortunatament ma swew għal xejn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali huwa responsabbli għad-dawl li hemm max-xatt fi Triq is-Salini, Wied il-Għajn. L-Enemalta hija responsabbli li tbiddel il-bozoz maqtugħin biss, filwaqt li l-Kunsill Lokali huwa responsabbli fit-tiswija u l-manutenzjoni ta’ l-arbli. Sal-ġimgħa li għaddiet 85% tal-lampi kienu tajbin u l-arbli l-oħrajn iridu jissewwew jew jinbidlu għal kollox.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kiri ta' proprjeta'

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' proprjeta' tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Wires tad-dawl ma' gallarija

Question

Tista' l-Enemalta tieħu passi biex ma tħallix wires ta' l-elettriku jgħaddu mill-gallarija ta' post li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għaliex il-mod kif jinsabu għaddejjin qed jagħmilha diffiċli biex ir-residenta tagħlaq il-gallarija konċernata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret, l-overhead lines ma jidhrux li huma ta’ periklu pero jekk ir-residenti jixtiequ li dawn jiċċaqalqu għandhom japplikaw l-Enemalta permezz ta’ formola apposta.

Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga u jieħu passi ta' rimedju dwar il-problema ta' flowing ta' drenaġġ li hemm qrib Triq G. Borg Olivier San Giljan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li sar xogħol ta' manutenzjoni s-sena l-oħra fuq il-mina tad-drenaġġ li hemm fi Triq il-Kbira, San Ġiljan. Dan ix-xogħol sar biex meta tagħmel ix-xita ma jkunx hemm leakages minn ġo fiha li jista' jispiċċa fid-djar li hemm fi Triq Borġ Olivier. Bħalissa ma jidhirx li hemm problema.

Films Commission — Website

Question

Jista' l-Ministru jgħid min ħa ħsieb itella' l-website tal-Kummissjoni tal-Films u kemm ġiet tiswa finanzjarjament?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-website il-ġdida tal-Kummisjoni Ċinematografika ta' Malta ġiet imnedija fis-6 ta' Frar 2007. Ix-xogħol fuq din il-website twettaq minn tliet kumpaniji differenti. L-Iżvilupp tal-kunċett u d-disinn sar min Tonio Cremona għas-somma ta Lm318.60, l-ipprogrammar u l-iżvilupp tekniku sar minn Alert Communications għas-somma ta’ Lm1,778.85, filwaqt li l-filmati li hemm fuq is-sit inħaddmu minn Lighthouse Communications għas-somma ta’ Lm295.00. Il-prezz globali tal-website hu ta' Lm3,115. Ix-xogħol tal-bini tal-website li twettaq minn Alert Communications ingħata wara sejħa għall-offerti li saret fl-2006.

Tas-Sliema — Pressa ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma għandhiex ilmenti dwar il-pressa ta' l-ilma fiz-zona ta' Tas-Sliema? B'mod partikolari, għal kemm-il sular għoli l-korporazzjoni tagħti xi forma ta' garanzija għas-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 23709 u 23837 u b'riferenza għat-tender maħruġa mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma tal-mains u galleries tad-drenaġġ jgħid: i) min rebaħ din it-tender? ii) x'esperjenza għandu f'dan ix-xogħol ir-rebbieħ tat-tender? iii) l-impjant u l-inġenji tiegħu ġew ċertifikati mill-Bureau Veritas? iv) x'inhu x-xogħol li għamel s'issa inkluż tulijiet ta' mains li ġew imnaddfa? v) meta beda x-xogħol dan il-kuntrattur?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-tender li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa dak ta' tindif tal-mains tad-drenaġġ. (i) Dan it-tender intrebaħ mill-kumpanija "Clearway Drains Services Ltd" (ii) Din il-kumpanija għalkemm għada ġdida f'dan ix-xogħol għandha il-"back up support" ta' nies barranin ta' esperjenza f'dan ix-xogħol u x-xogħol li qed isir huwa ta' kwalita tajba ħafna. (iii) L-impjant u l-inġenji tal-kuntrattur ġew ċertifikati minn istituzzjoni kompetenti. (iv) Ix-xogħol li għamel sa issa huma f'diversi lokalitajiet f'Malta u x-xogħol sar skond il-ħtiġijiet u kif ordnat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. (v) Il-kuntrattur beda dan ix-xogħol fil-25 ta' Jannar 2007.