Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu eżattament xogħol l-uffiċjali awtorizzati mqabbda mill-Kumitati Konġunti tal-kunsilli lokali? Kemm hawn kumitati konġunti f'Malta u Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi x-xogħol ta' l-Uffiċjal Awtorizzat jinkludi:
- li jokkordina x-xogħol kollu tal-Kumitat Konġunt dwar l-infurzar lokali;
- li jagħti kull struzzjonijiet kif deċiż mill-Kumitat Konġunt lill-aġenzija tal-gwardjani lokali u lis-service provider tas-sistema elettronika ta' l-infurzar lokali;
- li jikkordina x-xogħol kollu konness ma' l-infurzar lokali ma' entitajiet oħra bħal, l-Awtorita' dwar it-Trasport, id-Direttorat dwar Liċenzjar u Testijiet, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Kunsilli Lokali eċċ;
- li jattendi l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt; u
- li jagħti l-kummenti tiegħu lill-Bord tal-Petizzjonijiet dwar petizzjonijiet magħmula dwar ċitazzjonijiet maħruġa mill-Gwardjani Lokali.
Hemm tmien (8) Kumitati Konġunti f'Malta u wieħed (1) f'Għawdex.
Jaf l-Viċi Prim Ministru li minħabba li ma sarx fire station, id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellu juża garage tal-Head Quarters tal-Pulizija, Floriana u li dan ħoloq tensjoni bejn il-Kap tal-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Nagħmel riferenza għar-Risposta li tajt għad-Domanda Nru. 29550 u nerġa' nsostni li l-Fire Station tal-Furjana kien u għadu jeżisti fil-Garage tal-Pulizija.
Nassigura kemm lill-Onorevoli Interpellant kif ukoll lill-poplu Malti kollu li r-relazzjoni bejn il-Kap tal-Protezzjoni Ċivili (li hu wkoll membru tal-Korp tal-Pulizija) u l-Kummissarju tal-Pulizija qatt ma kienu tajbin daqs kemm huma llum. Dan jirriżulta speċjalment minn koperazzjoni sħiħa bejn iż-żewġ Dipartimenti li kemm il-darba jidhru fil-pubbliku jaħdmu id f'id.
Jaf l-Viċi Prim Ministru li llum hemm biss żewġ fireman għaż-żona tal-Floriana u rapid response unit waħda (small fire engine) għall-zona, li mhuwiex suffiċjenti? Jaf ukoll li dan jikkrea periklu għall-istess ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili?
Response (BORG, TONIO)
F'Malta jeżisti Fire Department wieħed li huwa mmexxi mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Ninsab infurmat illi għal aktar effiċjenza, il-Fire Department huwa mqassam madwar Malta permezz ta' erbgħa Fire Stations sabiex tintlaħaq kull esiġenza fl-inqas ħin possibbli, pero' f'każ ta' ħtieġa tissejjaħ għajnuna minn xi stazzjon viċin. Fil-każ tal-Furjana, din tissejjaħ minn Kordin. Dawn l-arranġamenti ilhom fis-seħħ għal madwar sena u ma hemm l-ebda diffikulta' sabiex jitħaddmu.
Jaf l-Viċi Prim Ministru li kellu jiġi kreat Eurocity Fire Brigade għall-Belt? Jaf li dan qatt ma sar u għalhekk teknikament l-Belt tiddependi fuq dawn iż-żewġ ħaddiema tal-Floriana?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-terminu Eurocity jirreferi għal tip ta' vettura ta' kontra in-nirien li minnhom id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jipposjedi waħda. Sa fejn hu magħruf, ma teżisti ebda Eurocity Fire Brigade, u għalhekk qatt ma kien hemm xi ħsieb li din titwaqqaf kif l-Onor Interpellant indika fil-Mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm fireman mal-protezzjoni ċivili u kemm hemm voluntiera?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' Station Officers, Leading Assistance and Rescue Officers u Assistance and Rescue Officers huwa ta' 118 filwaqt illi n-numru ta' voluntiera huwa ta' 75.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex jitneħħa l-periklu għall-ġirien tat-Turkish Kebab House fit-telgħa ta' Rue d'Argens, kantuniera ma' Strada Rudolfu, Sliema li għandu ġabra ta' ċilindri tal-gass għall-użu tal-kċina tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tinvestiga l-ilment imressaq mill-Onorevoli Interpellant ma' l-entitajiet konċernati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal-liema data ġiet maħtura l-kawża Nru. 45/46/47: Il-Pulizija kontra Bradley Attard u Etienne Attard?
Response (BORG, TONIO)
L-Onor Interpellant huwa mitlub jagħti iktar dettalji dwar din il-kawża, bħal isem il-Maġistrat, in-natura tal-każ jew f'liema distrett sar l-allegat reat, biex wieħed ikun jista' jidentifika il-kawża in kwistjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ir-residenti li joqogħdu fl-appartamenti li hemm fi Blocks A, B u C fi Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla jistgħux jixtru r-residenza tagħhom u jekk humiex miżmuma minħabba possession and use? Jekk dan hu l-każ (pussess u użu) jista' jsir xi ħaġa biex dawn isiru sidien ta' djarhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-appartamenti li hemm fi Blokki A, B u C fi Triq il-Pellegrinaġġ Bormla fil-fatt huma kollha mibnija fuq art li ġiet esproprjata mill-Gvern taħt titlu ta' pussess u użu. Sakemm il-Gvern ma jkunx f'pożizzjoni li jikkonverti dan it-titlu f'wieħed ta' xiri assolut dawn l-appartamenti ma jistgħux jinbiegħu mill-Gvern.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħabsin illum u kemm jiswew lill-pajjiż kull wieħed?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fit-8 ta’ Jannar 2008, in-numru ta’ priġunieri fil-ħabs kien ta’ 386.
Infurmat ukoll, illi jekk jingħaddu s-salarji ta’ l-impjegati tal-Ħabs, l-ispiża ta’ l-ikel, il-ħlas lill-ħabsin li jaħdmu, l-ispejjeż għal programmi ta’ riabilitazzjoni, l-ispiża tas-servizzi tas-saħħa, u spejjeż oħra rikorrenti u jiġi diviż it-total bin-numru tal-medja ta’ prigunieri f’kull ġurnata matul is-sena 2007, l-ispiża tiġi madwar 52 Ewro (LM 21.69) kuljum.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga u jara li l-magna SEM/EDX fil-Laboratorju Forensiku li suppost issewwiet, tissewwa? Jaf li kawżi quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, marru sine die għas-sempliċi raġuni li din il-magna ma ssewwietx?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jwettqu att immorali fil-pubbliku din is-sena u fejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2007, kien hemm 106 persuna li nqabdu jwettqu atti immorali fil-pubbliku f'diversi lokalitajiet fosthom Valletta, Floriana, Fgura, M'Scala, Żurrieq, Sliema, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Hamrun, St Venera, Ta' Xbiex, Gżira, Msida, B'Buġia, Ħal Far u l-Marsa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm itellgħu persuni l-qorti fuq tlajjar ta' prostituzzjoni din is-sena u fejn inqabdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2007, kien hemm 58 persuna li bejniethom tressqu l-Qorti 237 darba fuq akkużi ta' tlajjar għall skop ta' prostituzzjoni f'diversi lokalitajiet fosthom Ta' Xbiex, Gżira, Msida u l-Marsa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li fi Triq Sir Ugo Mifsud, Ta' Xbiex hemm ħanut li kien qiegħed jintuża għal skopijiet ta' prostituzzjoni u issa qiegħed għal permess ta' studio flats? Għal finijiet fejn il-gvern għamel ħafna affarijiet biex il-post jitnaddaf, jista' jara li dawn il-flats ma jibqgħux jintużaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni organizzata u r-residenti jkunu jistgħu jirritornaw għall-ħajja normali f'darhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija ma jirriżultax illi l-fond imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed jintuża għall skop ta' prostituzzjoni.