Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sigurta' Soċjali — Kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4114 li tirrigwarda l-kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani għas-sena 2002?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tajt struzzjoni lid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali biex jivverifika l-kontribuzzjonijiet ta’ l-anzjani miġbura fis-sena 2002, u l-ammonti mgħoddija lill-Welfare Committee. L-Onor. Interpellant japprezza li tali jinvolvi eżerċizzju ta’ verifika ta’ ‘l fuq minn l,600 każ u għalhekk hu mistenni li tieħu ċertu żmien.

Akkomodazzjoni soċjali — Postijiet tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid minn liema lokalitajiet ġew l-applikanti li ġew mogħtija post tal-gvern mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali fl-1998, fl-1999, fl-2000, fl-2001, fl-2002 sa l-2003?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Awtorita' tad-djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-awtorita' tad-djar ma għamlet assolutament xejn biex tgħin lill-mara anzjana - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - u għaddiet kollox lid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali? Jista' jgħid jekk huwiex possibbli li jieħu dan il-każ f'idejh minħabba s-sitwazzjoni prekarja li din il-mara qed tgħix fiha u minħabba li l-każ huwa umanitarju ħafna fejn sabet ukoll nuqqas ta' għajnuna mil-Aċċess?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-1999, l-anzjana li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant, applikat ma’ l-Awtorita’ tad-Djar biex tagħmel xogħolijiet ta’ rranġar u titjib fid-dar taħt Skema 5. L-Awtorita’ ipproċessat l-applikazzjoni u waqt li nfurmat lill-anzjana bis-somma approvata talbitha tersaq biex tiffirma l-fethim meħtieġ. Minkejja li ntbagħtu sitt ittri u saru diversi tentattivi mill-uffiċjali ta’ l-Awtorita’ biex jikkuntattjaw lill-anzjana bit-telephone biex tiffirma l-ftehim, dan kien kollu għalxejn. Wara ħafna żmien il-persuna konċernata marret l-Awtorita’ u nfurmathom li ma kienetx aktar interessata fl-applikazzjoni. Żmien twil wara, il-każ ta’ din il-persuna ġie riferut lill-Awtorita’ minn Social Worker ta’ l-Aġenzija Appoġġ u l-Awtorita’ għamel spezzjoni tal-post bil-ħsieb li tittratta l-każ taħt l-iskema tal-Care and Repair. Minn din l-ispezzjoni rriżulta li x-xogħolijiet meħtieġa kien ser jinvolvu spiża ta’ aktar minn Lm4,300. Peress li l-ammont massimu li jista’ jingħata taħt l-iskema tal-Care and Repair hu ta’ Lm3,500 u l-fatt li din il-persuna kienet tgħix f’post mikri mingħand il-privat, il-Bord ta’ l-Awtorita’ ħass li jkun aktar għaqli li din il-persuna tingħata post alternattiv milli jsiru x-xogħolijiet fil-post fejn tgħix. Kien għalhekk li l-Awtorita’ rreferiet il-każ lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali fejn din il-persuna għandha applikazzjoni pendenti li qed tiġi kkunsidrata ma’ oħrajn simili. Minn dan li għidt altru li ma jirriżultax li l-Awtorita’ tad-Djar ma għamlet assolutament xejn biex tgħin lil din il-persuna jew li din kellha nuqqas ta’ għajnuna mill-Aġenzija Appoġġ.

Entitajiet pubbliċi — Dħul ta' fondi matul l-2003

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti l-ammont ta' dħul matul is-sena 2003 li kull wieħed mill-awtoritajiet, regolaturi u entitajiet pubbliċi oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu daħħlu direttament u li f'xi żmien qabel l-1998 kienuj jidħlu direttament fil-fond konsolidat fir-revenue tal-gvern u inklużi fl-estimi ġenerali approvati mill-Parlament? Jista' f'kull każ jagħti s-sena minn meta dan id-dħul ma baqax inkluż fl-estimi ġenerali u beda jinġabar direttament minn dawn l-awtoritajiet u azjendi, korpi parastatali, eċċ. skond il-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jirriżultalix li kien hemm xi entita’, regolatur jew enti pubbliku ieħor li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi li daħħlu xi flus matul l-2003 liema flus, f’xi żmien qabel l-1998, kienu jidħlu direttament bħala revenue fil-fond konsolidat u nklużi fl-Estimi Ġenerali.

Anzjani — Servizz tat-telecare

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fil-31 ta' Diċembru, 2003 kemm kien hemm: a) anzjani li kienu qed jagħmlu użu mis-servizz tat-telecare u kemm minnhom kienu eżenti li jħallsu l-kera tiegħu; b) persuni bi bżonnijiet speċjali li kienu qed jagħmlu użu mis-servizz tat-telecare?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta’ Diċembru 2003 kien hemm 8,692 persuna li qed tagħmel użu mis-servizz tat-Telecare li minnhom 218 kienu persuni b’diżabilita’. Mill-imsemmi total kien hemm 2,330 eżentati mill-ħlas tal-kera.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Spezzjoni f'residenza privata

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-housing inspector tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali se jagħmel spezzjoni fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hija l-proċedura tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali li spezzjonijiet isiru biss kull meta l-istess dipartiment iħoss il-ħtieġa li jagħmel dan.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Rekwiżizzjoni ta' postijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali mhux beħsiebu jneħħi r-rekwiżizzjoni minn fuq il-postijiet bir-riferenzi RO 27008; RO 49184 u RO 33407 meta dawn huma ċċertifikati minn perit bħala substandard u mhux adegwati għal dawn iż-żmenijiet u anke kkundannati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li, fid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, ma teżisti ebda ċertifikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant dwar il-postijiet indikati minnhu.

Bord tal-Koperattivi — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm sar safar mill-membri tal-Bord tal-Koperattivi matul is-sena 2003? Jista' il-Ministru jagħti rendikont ta' fejn sar is-safar u kif ukoll jagħti rendikont ta' kemm swiet kull safra? Jista' il-Ministru jagħti rendikont ta' kemm swiet l-akkomodazzjoni għal kull safra u kif ukoll jagħti rendikont ta' x'tip ta lukandi ntużaw jiġifieri jekk intużawx lukandi ta 5 stilel, 4 stilel jew 3 stilel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul l-2003 kien hemm żewġ safriet uffiċjali mill-membri tal-Bord tal-Koperattivi, waħda għal Berlin li qamet b’kollox Lm376.06, u l-oħra għal Brussels li qamet b’kollox Lm395.30. Fiż-żewġ okkażjonijiet id-delegazzjonijiet kienu akkomodati f’lukanda four star.

Bord tal-Koperattivi — Chairman - Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm il-darba siefer iċ-chairman il-ġdid tal-bord tal-koperattivi minn kemm ilu li nħatar? Jista' ukoll jagħti rendikont ta' x'tip ta' lukandi ntużaw (jiġifieri jekk hux lukandi ta' 5 stilel, 4 stilel jew 3 stilel) u kif ukoll kemm swiet l-akkomodazzjoni għal kull safra li għamel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Aġent Chairperson tal-Bord tal-Koperattivi siefer darba biss minn kemm ilu f’din il-kariga. Infurmat ukoll li l-lukanda li qagħad fiha hi l-istess waħda li tintuża regolarment mid-delegazzjonijiet uffiċjali li jattendu laqgħat f’Brussels. L-ispejjeż għall-akkomodazzjoni għal din is-safra kienu Lm146.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar persuna minuri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3934 u cioe' għaliex il-persuna minuri li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma tistax tkompli tibqa' man-nanna materna li d-dettalji tagħha wkoll qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-minuri li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qiegħda taħt Ordni għall-Ħarsien maħruġ skond il-provedimenti ta’ l-Att dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ (Ordnijiet għall-Ħarsien). Mingħajr ma nidħol fil-mertu speċifiku tal-każ, minħabba d-delikatezza u l-kunfidenzjalita’ ta’ dawn il-każijiet, irrid ngħid li tfal taħt Ordni ta’ Ħarsien huma segwiti mill-Bord Konsultattiv maħtur taħt l-imsemmi Att biex jgħatini l-pariri meħtieġa fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħi bħala l-persuna responsabbli skond il-liġi minn dawn it-tfal. Ngħid ukoll li jien dejjem segwejt il-pariri mgħotija minn dan il-Bord.

Kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa

Question

Peress li fil-mistoqsija parlamentari 4122 ma saret l-ebda riferenza għal ħatriet fis-servizz pubbliku imma staqsejt dwar proċess ta' ħatriet li jiġi segwiet minn entita' li trid issib l-aħjar persuna għall-kariga u l-artiklu 13 ta' l-Att 2003 dwar l-Ugwaljanza għall-irġiel u n-nisa ma jsemmi xejn dwar il-proċess ta' ħatra imma jitkellem dwar terms u conditions tas-CEO kif stabbiliti mill-kummissarju bi qbil mal-ministru, jista' għaldaqstant il-Viċi Prim Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari 4122?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna maħtura bħala Direttur Esekuttiv tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa hi kkunsidrata bħala persuna kompetenti biex taqdi l-funzjonijiet tal-kariga tagħha u għalhekk ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 4122 f’Seduta 101.

Kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 4123, skond artikolu 11 ta' l-Att li jirriferi għalih il-ministru, dawk maħtura jridu jintgħażlu minn fost persuni l-aktar addattati dwar issues ta' l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa u/jew issues ta' amministrazzjoni f'dan il-qasam. Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħidilna fuq liema kriterji ġew magħżula l-persuni maħtura fuq il-kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa? Fir-rigward tad-direttur eżekuttiv, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid eżattament ix-xogħol li għamlet fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif għidt diġa’ fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 4123 f’Seduta Numru 101, il-Kummissarju, il-membri u d-Direttur Esekuttiv huma kkunsidrati bħala l-persuni adatti biex jokkupaw il-karigi tagħhom. Għalhekk ma għandi xejn xi nżid ma’ dik it-Tweġiba.

Ħaddiema jissieħbu f'koperattivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jagħmel u joffri l-ministeru sabiex iħajjar aktar ħaddiema tal-gvern jissieħbu f'koperattivi u jaħdmu f'waħda mill-iskemi għalihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Bord tal-Koperattivi permezz ta’ l-uffiċjali tiegħu, minn żmien għal żmien, jipparteċipa f’laqgħat edukattivi fejn tingħata informazzjoni lill-ħaddiema tal-Gvern dwar it-twaqqif ta’ koperattivi. Barra minn hekk, meta jkun hemm ħaddiema minn dawn li jiddeċiedu li jiffurmaw koperattiva, il-Bord joffri u jagħti l-appoġġ kollu li jkun hemm bżonn.

Koperattivi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn koperattivi mwaqqfa fil-gżejjer tagħna? Kemm minn dawn il-koperattivi qegħdin jaħdmu tassew bi qliegħ? X'kien it-turnover tal-koperattivi ta' Malta u Għawdex għas-snin 2001, 2002 u 2003 rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li hemm 59 koperattiva reġistrati mal-Bord tal-Koperattivi u li l-maġġoranza assoluta tagħhom joperaw bi qligħ. Ninsab infurmat ukoll li t-turnover ta’ dawn il-koperattivi kien kif ġej: 2001 Lm26,541,130 2002 Lm25,937,017 L-informazzjoni dwar is-sena 2003 għadha qed tinġabar.

Djar ta' l-anzjani tal-gvern — Anzjani residenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni residenti fid-djar għall-anzjani tal-gvern, jiġifieri iż-Żejtun, Bormla, Mosta, Imsida, Għira u Floriana rispettivament? Kemm minn dawn ir-residenti huma rġiel u kemm huma nisa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Old age pension

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirċievu l-old age pension fix-xhur ta' Ottubru, Novembru u Diċembru 2003 rispettivament? Kemm kienet l-ispiża totali fuq il-pensjoni ta' l-old age għas-sena 2003?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Ninsab infurmat li l-ispiża totali fuq Pensjoni ta’ l-Eta’ għas-sena 2003 kienet tammonta għal Lm5.89 miljuni.

Sigurta' Soċjali — Unemployment benefit

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirċievu l-unemployment benefit u special unemployment benefit rispettivament fix-xhur ta' Ottubru, Novembru u Diċembru 2003?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.